Illum previous editions

ILLUM 23 February 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1213452

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 31

15 letteratura illum • IL-ĦADD 23 TA' FRAR 2020 F'din ir-reċensjoni diffiċli, din il-ġimgħa Kevin Saliba jirrifletti dwar il-ġabra Poeżiji tal-mibki poeta liriku mhux magħruf John Cremona. Jitlaq mill-eloġji viżtużi ta' Jacques Derrida mnejn id-dinja tibqa' tintemm u taqa' mill- ġdid bl-imwiet tal-kittieba. Bil-permess ta' Roland Barthes jerħilha jfittex u jikkonfronta l-uħux tiegħu fi vrus Cremona. Isibu mehdi, fl-għomor ta' mitt sena, jimmassakra ċ-ċentifolji. Jaħsel jisbel. Iriegħex lill-filosofi talli nsew ix-xjuħija filwaqt li jixxennaq li għada pitgħada fil-baħar jinżel imdewweb lest minflok jegħreq. Intant jerġa' lura għand Derrida. Din id-darba sabiex jagħti l-aħħar tislima lil Cremona... bir-Rigal tal-Mewt mod, ngħid għalija, impossibbli ma nżommx amment – irrid u ma rridx il-ħin kollu – li dawn il-versi nkitbu minn poeta xiħ għakka li kien jgħodd mal- mitt sena. Wisq anqas nista' ninsa li nkitbu minn xi ħadd li saħansitra kien beda jitlef id- dawl. Għaldaqstant il-qarrej ta' din il-kitba tiegħi hawnhekk impossibbli jseħħlu – daqsinsew – jishar miegħi kemm-il darba ma jżommx f 'moħħu l-uħux li jaħkmuni bil-ħsieb tax-xjuħija. "Ix-xjuħija mhix battalja: ix- xjuħija hija massakru", kiteb Philip Roth fir-rumanz tiegħu Everyman. Dan ir-rumanz kont għoddni nsejtu, iżda dika s-sentenza le. Mhux kull waħda mill-aħħar poeżiji ta' Cremona għandha ton kiebi u malinkoniku la Rużar Briffa: "Issa qasira l-ħajja / u l-ħolm duħħan itir". Abbli mhux kulħadd jittendi li l-poeżiji l-ġodda nkitbu minn poeta li jaf illi jiemu ormaj magħduda. Madankollu fil-qari tiegħi kienu proprju l-iżjed versi kiebja li fittixt, jew forsi aħjar, li ġew ifittxuni. Kienu sewwasew il-versi mnebbħa mit-tixjiħ u l-mewt – fis-suġġettività tiegħi – li rkaċċaw l-iżjed mill-paġni jien u nqalleb f 'dawn il-poeżiji aħħarija. U dan iżjed u iżjed dan ix-xahar, wara l-aħbarijiet tal-mewt tal-ħassieba veterani Emanuele Severino u George Steiner – it-tnejn fi żmien ħmistax. Hawnhekk mill-ġdid, kif ġa għamilt drabi oħra f 'din is-sensiela, jenħtieġ infakkar fuq fuq fis-saġġ letterarju ta' Roland Barthes La mort de l'auteur: Minkejja li ċerti implikazzjonijiet tat-teżi ta' dan it-test – l-iżjed jekk jiġġebbdu bis-sħiħ sal-ibgħad punt loġiku possibbli – jistgħu jkunu kemxejn problematiċi, minnu joħorġu, xorta waħda, żewġ prinċipji li ngħid għalija ngħoddhom bi kważi sagrosanti: l-ewwel, l-intenzjoni tal- awtur mhix kriterju prinċipali u assolut daqs kemm forsi ġagħluna nemmnu; it-tieni, li "t-twelid tal-qarrej jenħtieġ isir akkost tal-mewt tal-Awtur". Isegwi minn hawn, almenu sa ċertu punt, li fid-dinja hemm Lolitas tal-inqas daqs kemm hemm pari għajnejn. L-enfasi mtennija tiegħi hawnhekk fuq il-frażi ngħid għalija trid ukoll qabelxejn tinfthiem f 'dan is- sens. (Għaldaqshekk anke intom il-qarrejja – ġaladarba qegħdin taqrawni – jenħtieġ toqtlu xi ftit ukoll lili.) Il-massakru taċ-ċentifolja Ma jistax jonqos allura li xi ħadd bħali – ġeraskofobiku primaklassi – ma jissammarx mas-siġġu, imqar għal ftit, xħin jaqra dan il-massakru – ħelu iżda vjolenti, sempliċi iżda qawwi – ta' poeta ta' mitt sena: "Fil-ħemda filgħaxija / waħdi nisfolja / il-brevarju tal- ħajja / u ħdejja taħt għajnejja / bil-mod il-mod petala / wara l-oħra / tinħatt / iċ-ċentifolja". F'Miktuba f 'Kafè f 'ħin bla waqt Cremona jfeġġ quddiem għajnejja "anonimu ħosbien" "jirfed it-toqol mherri / tal- għajxien". "B'għajnejn battala nħares / lejn is-skiet" nisimgħu jgħidli fil-versi minn B'Għajnejn Battala. Ifakkarni, ladarba issa d-dawl sar bħal iweġġgħu, li "salvaġġ dad-dawl / li jfur mis- sema mberraħ". F'waqtiet oħra mbagħad jixref għal ftit bħal xejn mid-dlamijiet tat-tgħattib u tan-nisi. Tieħu d-Dawl il- Memorja: "Mistoqsijiet (min jaf / dak għadux ħaj dak mietx) / Toqol is-skiet / toqol il-ħajja. / U jerġa' jaqa' d-dlam / malli sewda tintefa' / is-sulfarina (għal ftit / ma ħraqtx subgħajja)". Fi mkejjen oħra f 'ġabriet preċedenti, pirkażu fil-poeżija Issa li Ntfew il-Ħġejjeġ, diġà nisimgħu jilmenta mil-letarġija ta' toqol tas-snin imgħoddija: "Il-ġrajjiet kollha / tal-ħajja nħosshom / jinqatgħu minni qishom / weraq niexef." Inzerta wkoll li l-kelma 'ħġejjeġ' hija waħda mill-iktar kliem li ngħożż fl-ilsien Malti. Qabelxejn sempliċement minħabba l-ħoss. Imbagħad ukoll sforz ċerti konnotazzjonijiet mitoloġiċi, fosthom il-miti ta' Efestu, Prometeu u Luċifru. Fuq kollox, iġġibli lura f 'moħħi l-immaġni – ferm għal qalbi – tal-filosofu xwejjaħ pre-Sokratiku Eraklitu: l-għelm simboliku tan-nar illi la jaf b'bidu u wisq anqas bi tmiem. In-nar li jibqa' jinbidel f 'kollox – il-ħin kollu – bla ma jehda qatt, bla ma jaqta' xejn. Bħalkieku l-qawwa tal-ħajja u d-dgħufija tax-xjuħija jitwaħħdu f 'xulxin minn proċess kontinwu u waħdieni li – bħal Xiva – erħilu jżewweġ l-opposti huwa u jaħji u jeqred kollox, fl-istess waqt. Biss fi Cremona n-nirien tal- ħajja – forsi bħal dawk tal-poeta Karmenu Vassallo – f 'dawn il-versi bil-qajl il-qajl jibdew inemnu sa jintemmu. U dan bla ma qatt jaslu għal xi tifsira. "Ħabiba / l-mistoqsija / li f 'ruħi tnawret forsi / ssib tweġiba", tintemm f 'mument dgħami dil- poeżija saljenti ta' Cremona. Madankollu l-metafora tal-ħġejjeġ f 'dawn il-versi ta' Cremona jaf għandha l-ħila tfisser it-tixjiħ bħala fluss bla hedu – voldieri mitt sena massakru – iżjed milli fażi singulari li s-soltu tirranka lejn tmiem il-ħajja. In-nozzjoni tal-ħajja bħala bħala proċess lineari ta' xjuħija kontinwa li fl- aħħar mill-aħħar jisfa' biss fil- baħħ – fis-solitudni, f '"sigħat vojta", fiċ-"ċpar", f '"weraq niexef " – donnu ma ngħatatx l-importanza li jixirqilha fil- filosofija tas-seklu għoxrin. Niġu f 'dan, bil-kontra tal- kittieba u tal-poeti, il-filosofi tant donnhom kienu mehdija jmaħħu u jħaqquha dwar il- mewt li nsew ix-xjuħija. Wara l-Cato Maior de Senectute ta' Ċiċerun, voldieri fl-44 AD, kellhom jgħaddu 'l fuq minn 2,000 sena biex fil-Punent reġa' feġġ xogħol filosofiku maġġuri rigward ix-xjuħija. F'dar- rigward imnalla kienet Simone de Beavoir illi, ukoll fi xjuħitha, kmieni fis-snin 70 tatna t-trattat La Vieillesse. Jidhirli li Issa li Ntfew il- Ħġejjeġ toqgħod tajjeb ħafna fil- ħsibijiet ta' de Beavoir rigward ix-xjuħija bħala attività li tibqa' tiżvoġli, xi ftit jew wisq, kull ħin u kull mument mal-miġra tas- snin. Ħsus bħal dawn nistgħu saħansitra naqraw dwarhom fl-iżjed memorji bikrin tagħha, iżda f 'La Vieillesse dan l-għali tistqarru b'ferm iżjed qawwa. "L-imgħoddi mhuwiex xi passaġġ sielem li jinsab hemm warajja, xi pajjiż li nista' nimraħ fih meta u xħin irrid u li jurini, bil-mod il-mod, l-għoljiet u l-widien mistura tiegħu. Anzi, iktar ma nimxi 'l quddiem iktar dan jiġġarraf. Il-biċċa l-kbira tat-terrapien jidher ċass, sfreġjat, iffriżat: it-tifsira tiegħu ma nsibha mkien... skeletru biss kulma fadal minnu. Il-pjanijiet, it-tamiet, il-biżgħat tiegħi qatt m'għad nerġa' nsibhom – qatt m'għad nerġa' nsib lili nnifsi". Ir-Rigal tal-Mewt Il-fehmiet tiegħi dwar ix- xjuħija huma qrib ħafna tal-biżgħat skjetti li stqarret magħna ta' de Beauvoir. Hu x'inhu ngħid għalija m'għandi ebda ħerqa nġarrab dat-tikdid kollu fi xjuħiti. Fil-poeżija Sibilla Cremona bħal donnu ried jagħtina twissija b'dal-vers proverbjali: "min jgħaġġel jgħix jgħaġġel ukoll imut". Imma forsi aħjar hekk. Kif kien poġġiha Ernest Hemingway fir-rumanz The Old Man and the Sea, "nixtieq hemm mod kif indub fil-baħar mill-ewwel minflok ma qabelxejn noqgħod nitqanna b'dil-affari li negħreq". Almenu semmaj, bħal Achille Mizzi f 'Mortalità, "immut mhux bħal warda marida / li tinxef u taqa' / bil-qajla fi żmienha. [...] / Ħa mmut Pompejan / mixgħul bil- lava". Għandu mnejn Cremona ma riedx hekk. Mitt bniedem mitt fehma. Min qatt jista' jaqta' xi jkun għaddej minn għala moħħ ta' mitt sena huwa u jimmassakra ċentifolja? Derrida, fit-test tiegħu Donner la mort – li t-traduttur David Wills xerrdu mad-dinja Anglosassona bit- titlu The Gift of Death – jerġa' jfakkarna f 'Heidegger: f 'dal- ħwejjeġ ikollna bilfors "nerħu lilna nfusna f 'id is-solitudni assoluta", saħaq Derrida. "Ma jista' jkellimna ħadd u ħadd ma jista' jitkellem għalina. Kulħadd merqtu u ftietu". Intant issa l-pinna lesta. Issa m'għadx fadlilna wisq iżjed xi ngħidu jew x'nagħmlu. Nistgħu biss, allura – difaċċ dan ir-rigal tal-mewt – inżommu t-toroċ tal- "ħġejjeġ" tagħna jaqbdu ħajja filwaqt li niftakru xi ftit ukoll fi Cremona fil-vrus tagħna... sa ma daka l-lejl jaqa' fuqna wkoll biex jgħattina lkoll, għal dejjem.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 23 February 2020