Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1213452
14 letteratura IL-ĦADD 23 TA' FRAR 2020 • illum Sa ma l-lejl jaqa' fuqna u jgħattina Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb "Il-pinen lesti, / l-uċuħ, imnikkta". Hekk jgħidilna l-poeta minn Wales Ronald Stuart Thomas fil-poeżija tiegħu Death of a Poet. Jien u nikteb din wiċċi mnikket qatigħ illum. Iżda l-pinna mhix lesta, almenu mhux sabarra. Mhux bħas-soltu. Niġu f 'dan, ma nħossnix bħas- soltu. Din tal-lum hija, għalija, l-iktar waħda diffiċli mill- kitbiet kollha tiegħi li dehru s'issa f 'din is-sensiela. Mhux għax l-oħrajn ta' qabel ma kinux dwar ħwejjeġ imwiegħra: pajjiż li donnu ormaj insteraq, l-aqwa żmien li fis-sew qatt ġie, il-qagħda tal-itturufnati bla art fissa taħt riġlejhom, il-madmad tad-dipressjoni bipolari, il- pwieni tal-imħabbiet mitlufa, l-impossibbiltà tal-letteratura, il-blalagħ tat-tfulija. Ilkoll traġedji dawn – iżda, ngħid għalija, biż-żmien donnu kollox jindara. Kif kien qalilna Albert Camus fl-ewwel tentattiv letterarju tiegħu Mewt Feliċi: "M'hemmx ħwejjeġ bħal tbatija kbira, għali kbir, tifkiriet kbar. Kollox jintesa, anke l-ikbar imħabbiet. Dak li għandha sabiħ u ikrah fl-istess waqt il-ħajja". B'dad-diżgrazzji ma taqax id-dinja. Iżda mill-ġdid ngħid għalija, xi minn daqqiet taqa', iva, bil-mewt – u ferm agħar minn hekk bit-tagħġiż – tat-talin li b'xi mod jew ieħor jimlewli ħajti. Fosthom inzerta hemm l-imgħallmin ta' kull għamla ta' kitba. Qalb dawn, sintendi, hemm ukoll il-poeti. Eroj liriku mhux magħruf Tħabbret, ftit tax-xhur ilu, il-mewt ta' John Cremona, il- Poeta tal-Assunta, jew aħjar, kif kien magħruf fost niesu Ġanninu. Ngħid is-sew ftit li xejn kont midħla tal-poeżija ta' dan il-poeta u pittur mir- Rabat Għawdex. Kont nafu biss, għadilli mhux wisq lanqas, bħala Prim Imħallef, Viċi- President tal-Qorti Ewropa tad- Drittijiet tal-Bniedem, fassal tal-Kostituzzjoni ta' Malta indipendenti, President taċ- CERD tal-Ġnus Magħquda u Professur Universitarju tal-Liġi Kriminali. Mill-ftit riċerki li għamilt wara l-aħbar ta' mewtu sirt naf ukoll li kien ukoll traduttur trilingwi kif ukoll aljiev tal-pittur William Apap u tal-inċiżur Carmelo Mangion. Minn banda niskanta kif Cremona, bħala kittieb tal-versi – almenu sa fejn nista' nara jien – donnu akkont, apparagun, ma tantx kien magħruf fost il- qarrejja tal-poeżija daqs kemm mistħoqq. Forsi jaħti għal dan il-fatt illi – f 'dawk is-snin tletin – bħal bosta oħrajn kiteb il- poeżija bit-Taljan u mbagħad bl-Ingliż. Kien biss fl-2004, difatti, li Cremona tebagħ l-ewwel ġabra ta' poeżiji tiegħu bil-Malti – Mas-Sebħ Għasafar. Safrattant minn hemm 'l hemm issokkta jikteb u jippubblika l-poeżija fil-biċċa l-kbira bil- Malti: Ekwinozju (2016), Poesie- Poems-Poeżiji (fi tliet ilsna, 2009) u Il-Kantiku tax-Xagħra (2012). Matul is-snin il-poeżiji ta' Cremona baqgħu jiġbdu lejhom – fil-fehma tiegħi bir-raġun – it-tweġġigħ ta' għadd ġmielu ta' kritiċi u osservaturi letterarji, fosthom Peter Serracino Inglott, Doreen Micallef, Lilian Sciberras, Paul Xuereb, Oliver Friggieri, Norbert Ellul Vincenti, Victor Fenech u Charles Briffa. Frans Sammut, terġa' u tgħid, kien saħansitra sejjaħlu "missier il-poeżija Maltija moderna". Fis-sajf tas-sena li għaddiet, Lilian Sciberras kienet fost dawk ir-riċensuri li reġgħu ġibdulna l-attenzjoni rigward dan il-poeta veteran, sewwasew b'reċensjoni għall-ġurnal Malta Independent on Sunday dwar il- ġabra semi-retrospettiva tiegħu Poeżiji. Kważi nistħi ngħid: kien proprju permezz ta' din l-antoloġija – b'mod speċjali bit-48 poeżija ġdida miġbura fl-aħħar taqsima – illi seħħli nsir midħla tal-immaġinarju poetiku notevoli ta' Cremoma. Tul dawn l-aħħar xhur għadda minn għala widnejja li ma kontx waħdi. B'dan kollu ġa f 'moħħi, għaldaqstant, xħin inqis il- ġmiel liriku ta' vrusu – b'mod partikulari l-poeżiji l-ġodda – ma nistax ma nqisx lil Cremona bħala eroj liriku mhux magħruf tal-poeżija tagħna. Meta tassew tibda taqa' d-dinja Ftit qabel stqarrejt xi jġarraf id-dinja tiegħi. Ġejt tabilħaqq inse dwar dan daqs seba' snin ilu mal-mewt għal għarrieda ta' sieħbi Philip Serracino Inglott – filosofu żagħżugħ Malti magħruf fost ħbiebu bħala ċ-Ċinkwina. Dakinhar, minkejja li ma kontx nafu xi wisq, għadda għala minni xorta waħda dak illi kien stqarr – b'tant u b'tant kommozzjoni – il-filosofu Jacques Derrida fix- xogħol ċelebri tiegħu Chaque fois unique, la fin du monde: kull darba mill-ġdid, tmiem id- dinja. F'Sein und Zeit Martin Heidegger jirrimarka – bil- korsiv għal tal-apposta – li ħadd ma jista' jieħu fuqu bis- sħiħ il-mewt ta' ħaddieħor. Nasal naqbel, iżda biss sa ċertu punt, voldieri biss kemm-il darba b'mewt nifhmu l-mewta bijoloġika li taħsad u ttemm għalkollox il-ħajja tal-bniedem. Mill-bqija, dejjem kont tal- fehma li kull meta persuna għal qalba tisfa nieqsa parti minna tmut magħha wkoll. Hemmhekk, biex nissellef dan il-vers mingħand Cremona, il- lejl jaqa' fuqna u jgħattina. Il-lejl jista' jaqa' fuqi kemm irid. Qatt ma stkerraħtu. Minn daqshekk fiha u ma fihiex. Iżda l-gwaj għalija kultant ma jiqafx hemm – xejn affattu. Anzi spiss jaħbat jagħti s-salt fuqi qabel ġaladarba – almenu f 'għajnejja – il-piena tax-xjuħija sikwit tidher ferm agħar minn dik tal- mewt. Jgħidli x'jgħidli Ċiċerun fil-Cato Maior de Senectute, aktarx ix-xjuħija hija l-aħħar ħaġa li nħobb nara fuq in-nies. Tul dawn l-aħħar xhur – jien u nara 'l uħud min-niesi jixjieħu mentri nħoss dinjieti taqa' biċċa biċċa madwari – xtarrejt fuq li xtarrejt, ngħidu aħna, il-poeżija ta' Cremona Qarib ta' Dak li Hu. F'dawna l-versi, "dak li hu" jsir "dak li mhux", il-preżenzi "ma jidhrux", "il-qari" jsir "mistur" u "misterjuż". Kollox donnu jisfa "ftit tinqix / b'difer fuq ir-ramel... sakemm ma titlax mewġa / li xejn ma tħalli ħlief / xi ftit tikmix". Imut l-awtur, jitwieled lil qarrej Ġaladarba magħġun b'dal- Antoine Cassar (Ritratt: Katel Delia)