Illum previous editions

ILLUM 1 March 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1216527

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 31

17 opinjoni It-turiżmu ddiġitalizzat G ħadni niakar l-ewwel darba li ommi u missieri bbukkjaw btala. Dak iż-żmien, btala kienet tfisser ħafna laqgħat fl-uffiċini tal-aġenzija tal-ivvjaġġar, ħafna telefonati mal-aġent, sakemm fl-aħħar kien isir qbil fuq id-destinazzjoni, id-dati, u d-dettalji kollha, mil-lukanda saż-żjarat lejn kull mużew u kull ristorant. Illum, dan kollu nagħmluh mill-kumdità ta' djarna, minn fuq l-internet, b'għażla liema bħalha għall-gosti ta' kull vjaġġatur. Pjattaformi online għal servizzi u prodotti m'għadhomx xi ħaġa ġdida – anzi, diġà integraw fil-ħajja tagħna ta' kuljum. Fis- settur turistiku, pjattaformi bħal Airbnb, TripAdvisor, u issa wkoll Google nnifsu, irrivoluzzjonaw il-mod ta' kif nivvjaġġaw, u fetħu aċċess għal swieq u opportunitajiet fuq l-internet, li qabel lanqas konna noħolmu bihom. L-istil ta' kif nivvjaġġaw, u bl-istess mod, it-tip ta' turiżmu li qiegħed jasal lejn xtutna, inbidel kompletament, u dan anke minħabba l-istess pjattaformi online. Dan għaliex dawn il-pjattaformi jinfluwenzaw kull aspett mill-konsum tagħna bħala klijenti. Huma pjattaformi bħal TripAdvisor li jinfluwenzaw l-għażla tad-destinazzjoni; huma offerti vantaġġjużi fuq siti bħal Skyscanner li permezz tagħhom nibdlu d-dati tal-ivvjaġġar tagħna, u huma t-tfittxijiet tagħna fuq Google, u r-rivisti ta' vjaġġaturi oħrajn fuqu li permezz tagħhom niddeċiedu fejn se noqogħdu, x'se naraw, u x'se nieklu. Bl-istess mod kif lilna, bħala klijenti, il-pjattaformi online bidlulna ħajjitna, tant ieħor fissru bidla għan-negozji u intrapriżi li joperaw f 'dan is-settur, li għalihom issa saru parti kruċjali mill-kummerċ tagħhom. Fit-taħditiet tiegħi ma' bosta negozji żgħar u medji f 'pajjiżna, semmewli kif qegħdin jintegraw sistemi ġodda online, kemm biex jiġbdu iktar turisti lejhom, iżda wkoll biex ibigħu servizzi u prodotti online. Il-kompetittività żdiedet ferm, u magħha l-kreattività tan-negozji, li qed jaħdmu qatigħ biex jibqgħu attraenti. Jidher ċar li kwalunkwe negozju li jixtieq jikber u jirnexxi, għandu jinvesti fit-teknoloġija. Iżda bħal kull opportunità oħra, il- pjattaformi online jġibu magħhom ukoll numru ta' sfidi. Mingħajr fruntieri fiżiċi, u bi it li xejn regolarizzazzjoni, is-suq irregola lilu nnifsu, u bħalma jiġri spiss, kumpaniji massivi qegħdin jimmonopolizzaw l-istess suq. Dan għaliex bir-riżorsi konsiderevoli tagħhom – u hawn qed nitkellmu fuq biljuni – huma kapaċi joffru pakkett komplut lill-klijent, u ħafna drabi bi prezz iktar vantaġġjuż. Hu għalhekk li fl-Ewropa qed inħejju biex nintroduċu regoli ġodda li se jkollhom impatt fuq l-operat ta' pjattaformi online. Regoli li jirriflettu l-mod kif inbidel l-internet u s-swieq ġodda li nibtu fl-aħħar 20 sena. Personalment irrid leġislazzjoni li tassigura li s-suq ikun ġust ma' kulħadd; kemm mal- klijent, iżda wkoll man-negozji, speċjalment in-negozji żgħar u medji. Dan hu dak li nsejjaħlu turiżmu sostenibbli, għaliex is-sostennibilità ma tfissirx biss miżuri fiżiċi għall-ħarsien tal- pajjiż bħala attrazzjoni turistika, iżda wkoll miżuri li jassiguraw ġustizzja fis-suq. Miżuri għal iktar trasparenza fil-mod ta' kif pjattaforma ta' tfittix bħal Google tirriklama prodott fuq ieħor, pereżempju, jagħtu indikazzjoni iktar ċara lin-negozju ta' kif għandu jirriklama lilu nnifsu. Il-projbizzjoni ta' prattiċi anti-kompetittivi, jew li jippermettu informazzjoni skorretta li tiżvija lil klijent prospettiv, huma essenzjali. Daqstant ieħor importanti li kunċetti ta' sharing economy – ippopolarizzata minn sistemi bħal Uber jew Airbnb, ma jfissrux il-ġentrifikazzjoni tal-ibliet u rħula tagħna, b'detriment għar-residenti lokali. Ma nistgħux inħallu pilastru kruċjali għall-ekonomija Ewropea bħalma huwa t-turiżmu – 10% tal-prodott gross domestiku tal-Unjoni Ewropea – b'ammont minimu ta' standards u linji gwida. Għalkemm hemm bosta li jitkexkxu mill- kelma 'regoli', huma filfatt dawk ir-regoli, meta jkunu miktuba bi ħsieb u għaqal, li jkomplu joħorġu l-potenzjal tas-sistemi, u jkomplu jagħmlu l-ħajja tagħna ferm iktar faċli. Huwa grazzi għal regoli b'viżjoni għall- futur li nassiguraw li t-turiżmu jibqa' jrendi għal kull pajjiż, jibqa' joffri diversi xogħlijiet, u jibqa' sostenibbli. illum • IL-ĦADD 1 TA' MARZU 2020 Josianne Cutajar hija Ewroparlamentari tal-Partit Laburista Josianne Cutajar Is-sostennibilità ma tfissirx biss miżuri fiżiċi għall-ħarsien tal-pajjiż bħala attrazzjoni turistika, iżda wkoll miżuri li jassiguraw ġustizzja fis-suq

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 1 March 2020