Illum previous editions

ILLUM 13 September 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1287824

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 27

16 bijografiji IL-ĦADD 13 TA' SETTEMBRU 2020 • illum Alfred Consiglio Il-ħajja ta' Maria Dominguez (1882-1936) Maria Dominguez Remón twieldet f 'Pozuela de Aragón fl-1 ta' April 1882, it-tieni wild ta' familja fqira bidwija. Ta' 18-il sena kienet imgiegħla tiżżewweġ lill Bonifacio Ba Cercé, iżda seba' snin wara, imdejqa bl-umiljazzjoni u t-trattament ħażin, hija ħarbet mid-dar u marret Barċellona fejn bdiet taħdem ta' seura. Dominguez irritornat f 'Pozuela de Aragón, u b'dak li kienet faddlet, hija xtrat makna tal-ħjata u bdiet tħiet maljerija. Hija bdiet tikteb u tibgħat artikli lill-ġurnal "El Pais" ta' Madrid. Hija tgħallmet ukoll tgħallem, iżda meta għamlet l-eżami fl-1914, hija ma għaddietx. Dominguez marret Zaragoza u bdiet tattendi l-klassijiet ta' filgħaxija fl-Iskola tal-Arti u Snajja', filwaqt li kienet taħdem u thiet il-kalzetti. Hija malajr saret kontributur assidwa tal-ġurnal ta' kull ġimgħa "Ideal de Aragón", il- gazzetta tal-Partit Repubblikan Awtonomu ta' Aragon, li kien għadu kif twaqqaf; hija kienet tikteb taħt il-psewdonimu "Imperia". Fl-1917 ħadmet bħala għalliema fi skola fir- raħal ta' Mendiola, iżda kellha titlaq minħabba raġunijiet ta' saħħa. Peò kellha żmien biex toqgħod għall-eżami fl-Iskola tat-Tagħlim ta' Pamplona, u għaddiet. Dominguez mardet fl-1918 matul l-epidemija, u kellha toqgħod fis-sodda għal sena. Wara bdiet taħdem bħala seura fid-dar tal-politiku Venancio Sarria (1883-1936). Fl-1922 hija sfat armla, u żżewġet lil Arturo Segundo Romanos, ġiżżież, Huma bdew jgħixu f 'Gallur. Dominguez bdiet tikteb għall-ġurnal soċjalist ta' Zaragoza "Vida Nueva", li l-ewwel ħarġa dehret fl-4 ta' Mejju 1930. F'April 1931 hija bdiet kampanja intensa favur in-nisa. Fil-kitbiet tagħha hija ddefendiet lir-Repubblika 'mill-politika antika', tiġġieled 'l-għedewwa tad-demokrazija', tipproklama s-sehem attiv ta' nisa u tikkundanna l-inġustizzji. Fl-Lulju 1932 il-gvernatur ċivili ħatarha bħala l-ewwel sindku mara ta' Gallur, u damet fil-ħatra mid-29 ta' Lulju 1932 sas-6 ta' Frar 1933. Matul it- tmexxija tagħha, hija ħolqot impjiegi, stabbilit skola unitarja għas-subien u bniet, offriet għotjiet lill-għalliema biex iħaddmu ħassiela sabiex it-tfal ma jkollhomx għalfejn inaddfu huma, approvat għotja għal ġarr ta' xkejjer tal-faħam sabiex it- tfal ma kienx ikollhom għalfejn iġorruhom huma lejn id-dar wara l-iskola, u approvat ir- restawr tal-iskejjel sabiex ikunu aktar dinjitużi. Hija attendier is-17-il Kungress tal-UGT fl-1932 fejn inħatret segretarja tal-Għaxar Sezzjoni. Fis-6 ta' Frar 1933 Dominguez kellha tirriżenja mill-ħatra tagħha ta' sindku. Hija telqet sodisfatta b'ħidmitha, iżda diżilluża u mdejjqa biċ-ċensura tal-isforzi tagħha mill-muniċipalità. Wara li ħalliet l-uffiċju, hija ddedikat ħajjitha biex tgħallem. Il- kitbiet tagħha kienu analitiċi u militanti, mimlijin b'ironija u intelliġenza. Hija ta' spiss kienet tiffirma l-artikli tagħha bil- psewdonimu "Maria la tonta" (Maria l-baħnana). Il-valuri li hija ddefendiet kienu ugwaljanza għan-nisa, libertà tal-ħsieb, il-ġlieda kontra l-oppressjoni, vot lin- nisa, ħelsien minn preġudizzji kulturali u reliġjużi, il-kultura bħala l-mutur għal tibdil, u l-ħidma biex ideali jkunu mwettqa f 'azzjoni konkreta. Fl-1934 id-ditta Editorial Castro ta' Madrid ippubblikat il-ktieb "Opiniones de Mujeres" (Opinjonijiet ta' Nisa), li fih erba' diskorsi tagħha huma ntitolati "Feminismo" (Femminiżmu), "La Mujer en el Pasado, en el Presente y en el Porvenir" (Il- Mara fil-Passat, fil-Preżent u fil-Futur), "El Socialismo y la Mujer" (Soċjaliżmu u l-Mara) u "Costa u la Republica" (Costa u r-Repubblika). Matul il-kolp ta' Lulju 1936, Dominguez sabet kenn fid-dar ta' oħtha, iżda ġiet arrestata u ffuċillata fis-7 ta' Settembru 1936, mis-suldati ta' Franco, wara l-ħajt taċ-ċimiterju ta' Fuendejalon. Żewġħa, Arturo, kien xkubettjat it wara fil-belt ta' Tabuénca. Fl-1999 il-Kunsill Provinċjali ta' Zaragoza taha, wara mewtha, il-midalja Santa Isabel. Referenzi: · Dominguez Ramón Maria Pablo Iglesias Foundation. · Dominguez Ramón Maria: Great Aragonese Encyclopedia Settembru 2009.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 13 September 2020