Illum previous editions

ILLUM 8 November 2020 opt

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1307482

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 27

09 illum • IL-ĦADD 8 TA' NOVEMBRU 2020 analiżi wassal għal polariżazzjoni soċjali u ekonomika, u għall- aljenazzjoni, speċjalment ta' dawk li storikament dejjem sabu kenn fit-twemmin xellugi, li aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar sar kompromessist fl-approċċ politiku tiegħu. B'konsegwenza ta' dan kollu beda jidher ċaqlieq fil-lealtà tal-massa, u emoraġija numerika lejn movimenti populisti. Kultant, fil-wiċċ, iċ-ċaqlieq jidher stramb, bħal, per eżempju, ħaddiema li tradizzjonalment ivvutaw lill- Partit Komunista Franċiż bdew jivvutaw lill-partit ta' Le Pen, jew qatgħat tradizzjonalment Laburisti qasmu l-fruntiera politika u bdew jivvutaw lill-Partit Konservattiv Ingliż u lill-UKIP. Ħafna minnu huwa riżultat ta' diżorjentament relazzjonarju, mases li ma baqgħux jagħrfu lill- partiti li twieldu biex iservuhom. Stramb ukoll għax tefa' fuq l-istess keffa, dawn il-partiti anti- globalizazzjoni li jiddefendu l-kapitaliżmu nazzjonali mal- movimenti anti-kapitalisti taż- żgħażagħ No Global. Fl-aħħar mill-aħħar, l-ideoloġija ċentrista hija essenzjalment il-kompromess pragmatiku ta' partiti u politiċi, li biex jeżistu elettoralment iridu jgħixu mal-liġi ddettata mis-suq u mill-forzi eġemoniċi globali li kapaċi jimponu l-ideoloġija tas- suq fuq il-gvernijiet nazzjonali, b'konsegwenzi serji għall-pajjiż jekk il-mexxejja joffru ideoloġija radikalment kuntrarja. Filwaqt li l-għeruq tal-populiżmu jistgħu jkunu ħerġin mill-ħamrija politika nazzjonali, it-tibdil fil-klima politika huwa transnazzjonali. Kif rajna f 'diversi nħawi tal-Amerka Latina, il-maltemp f 'pajjiżi li refgħu rashom b'retorika anti- imperjali spiċċa f 'għarar li kaxkar ħafna mix-xogħol politiku b'risq l-imġarrab. Storikament, il-populiżmu f 'Malta għadda minn metamorfosi. Fis-snin sittin kien għadu jiddomina l-populiżmu kulturali mmexxi mill-Knisja Kattolika, il-kleru u l-għaqdiet kollha miġburin taħt l-umbrella; eġemonija kapillari, fil-knejjes, fl-iskejjel, fil-postijiet pubblici, f 'ħafna każini, fil-midja u nħawi oħra. Għalkemm kien hemm waqtiet ta' konfront dirett u reżistenza, ħafna mill- oppożizzjoni għall-eġemonija tal- Knisja Kattolika bħala istituzzjoni kienet passiva; reżistenza ta' nies li xorta qiesu lilhom infushom Kattoliċi. Fis-snin sebgħin, il-populiżmu ħa xejra aktar politika, b'Mintoff jiddomina, b'metodi li jixbħu lil dawk użati mill-kleru u b'immaġni simili, bħal dik tar-ragħaj it-tajjeb li jieħu ħsieb il-poplu sempliċi u spontanju, u d-differenza bejn l-Ewropa ta' Abel u dik ta' Kain. Fil-populiżmu Mintoan, it li xejn kien hemm lok għall- avangwardji jew intellettwali li jaħdmu l-art ideoloġika. Kollox kien hu. Il-Perit mhux biss ipprietka kontra dawk li ħasbu li s-snin sittin qatt ma kienu se jinbidlu, iżda kien attent ħafna li ma jispiċċax imminat mix-xellug intellettwali u radikali fi ħdan il- partit. Sikwit kien jirreferi għall- Brigate Rosse biex ibeżża' kontra l-infiltrazzjoni tax-xellug estrem. Kien taħt it-tmexxija ta' Fenech Adami li nistgħu nitkellmu dwar populiżmu ieħor, in-neo- populiżmu tas-suq u l-libertà tal-għażla b'kuntrast mal-għażla mċaħħda. Taħt l-impatt ta' din il-formola politika rebbieħa, il- Labour bidel l-istrateġija tiegħu u resaq lejn iċ-ċentru politiku, f 'pajsaġġ politiku li biż-żmien beda jsir aktar ideoloġikament monotonu – kummerċ u profitt fiċ- ċentru, bil-politiku jagħlef b'mod strateġiku lil faxex differenti tal- massa, f 'taħlita ta' ġenwinità mill- għeruq u predatorija elettorali. F'dan kollu, fuq kull naħa, spikkaw iċ-ċentralità u l-awtoritarjaniżmu tal-mexxej, anki meta l-politiku beda jgħajjat bil-libertà. Fl-iżvilupp storiku tal- populiżmu Malti, il-poplu ġie ffurmat permezz ta' kuntatt dirett bejn il-mexxej u l-folla, mingħajr intermedjarju. Għalkemm f 'Malta, id-distretti mhux faċli tikkontrollahom għax tradizzjonalment ħafna minnhom tmexxew bħal fewdu medjevali, lanqas il-partit ma tħalla jidħol fin-nofs. Il-mexxej populist dejjem ta l-impressjoni li hu bicca waħda mall-poplu. Saħansitra juża' l-kliem u l-ġesti tal-poplu. Dawk li jikkuntrarjawh jitqiesu bħala rivali jew għedewwa; jitwarrbu bil-pulit, jiġu injorati jew umiljati fil-pubbliku b'espressjonijiet li jvarjaw minn 'torri tal-ivorju' u 'teorija biss' għal 'bsaten fir-roti' u 'negattivi'. Il-qasma bejn il-jien tan-nies u l-intom, l-intellettwali maqtugħin min-nies, sikwit intużat meta l-populist sab ruħu mal-ħajt, ikkonfrontat mill-evidenza. B'mod permanenti nħolqot klima anti-intellettwali li kompliet tiggalvanizza d-dikotomija bejn il-moħħ u l-id. Il-populiżmu mhuwiex biss retorika. Mintoff, kariżmatiku, kien jgħallem lil dawk li jisimgħuh. Għal uħud, apparti kliemu, u dawk tal-qassis, ma tantx kienu jisimgħu lil ħaddieħor. Fid-diskorsi ta' Mintoff lill-massa, ir-reċta populista ma baqgħatx biss arti iżda tmaljat mat-tagħlim, għax il-kliem kien b'saħħtu biżżejjed biex jifforma l-persuna u jeffetwa dak li tagħmel. U fejn l-istituzzjonijiet prinċipali tal- pajjiż, inkluż il-partit innifsu, kaxkru saqajhom, Mintoff ħejja l-bidla barra mill-istituzzjoniiet, fit-toroq u l-pjazez, b'ton preskrittiv, retorika performattiva mal-massa. Biex nikkonkludu, Ernesto Laclau, il-ħassieb mill-Arġentina u espert dwar il-populiżmu, jara potenzjal pedagoġiku formattiv fil-fenomenu. Laclau irraġuna li n-nies m'humiex imdejqin jew irrabjati għalxejn. Fir-rabja ra l-bidu ta' proċess b'potenzjal trasformattiv, li jekk il-populist xellugi jieqaf ikun purament predatorju, jista' jitrasforma r-retorika f 'kolla li tgħaqqad lin-nies bi bżonnijiet differenti imma ekwivalenti fiċ-ċaħda minnhom, per eżempju, setturi mill-klassi tal-ħaddiema ma' setturi oħra, f 'korp pubbliku konxju u nfurmat, b'possibilità li l-massa passiva li tidentifika mar- retorika ta' populist, tqum b'għajta għal tibdil fundamentali fis- soċjetà. Populiżmu li jista', skont Laclau, iservi lit-trasformazzjoni soċjali aktar milli lill-politiku konvenzjonali. Il-Professur Carmel Borg huwa l-Kap tad-Dipartiment tal- Arti, Komunitajiet Miftuħa u l-Edukazzjoni tal-Adulti, fi ħdan il-Fakultà tal-Edukazzjoni. Dr Joe Gravina huwa lettur fl-istess fakultà. It-tnejn iħarsu lejn fenomeni politiko-soċjali b'lenti interdixxiplinarja. Eddie Fenech Adami Partitarji ta' Matteo Salvini fl-Italja

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 8 November 2020 opt