Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1311610
16 letteratura IL-ĦADD 22 TA' NOVEMBRU 2020 • illum Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Jean-Paul Sartre kontra Albert Camus Tassew għandna nistħajlu lil Sisifu kuntent? Fit-taħdita virtwali li tajt m'ilux dwar Albert Camus matul il-Festival Nazzjonali tal- Ktieb irrimarkajt illi spiss isir l-għelt, anke saħansitra anke llum minn ċerti filosofi ta' żmienna, li Albert Camus jitpoġġa fl-istess keffa preċiża tal-ħassieba eżistenzjalisti. Nafu li Camus innifsu kien stqarr kemm-il darba d-disassoċċjazzjoni konxja tiegħu minn dan il-moviment, b'mod partikulari f'intervita skjetta mar-rivista Les Nouvelles Littéraires tard fl-1945. Ma kienx l-ewwel jew l-uniku filosofu li rrofta appartenenza lil tikketti li fi żmienu kienu saru moda, anke dika l-ħabta. Ngħidu aħna Martin Heidegger għamel l-istess, b'mod partikulari fil-famuża Ittra dwar l-Umaniżmu (1946) fejn iddistanzja ruħu qatigħ mill-iskemi ontoloġiċi Karteżjani ta' Jean-Paul Sartre. Niġu għal Sartre dalwaqt. Intant, fl-artiklu tiegħi l-ġimgħa l-oħra ressaqt xi żewġ jew tliet argumenti possibbli kontra din l-assoċċjazzjoni, fosthom pereżempju l-fehma ta' Camus dwar id-dikotomija eżistenza/essenza u l-kawtela li esprima rigward il-limiti tar-rebelljoni. Madankollu napprezza wkoll il-fatt illi hemm argumenti possibbli li jistgħu, almenu sa ċertu punt, jiġġustifikaw tali assoċċjazzjoni. Min-naħa tiegħek, għaliex taħseb illi din l-assoċjazzjoni m'għandhiex issir? Il-konnessjonijiet ta' Albert Camus mal- eżistenzjaliżmu ilhom żmien twil isofru minn konfużjonijiet ikkawżati pjuttost minħabba approssimazzjonijiet lingwistiċi. Fil-fatt, Il-Mit ta' Sisifu kien indirizzat kontra les existentiels, jiġifieri essenzjalment kontra l-filosofija eżistenzjali ta' Léon Chestov, filosfu Russu li kien emigra fi Franza fl-1922 u li bla ebda dubju kellu influwenza deċiżiva qabel it- Tieni Gwerra Dinjija fuq Camus u allura fuq iċ-ċiklu tiegħu dwar l-assurd. Hija filosofija li twassal għal rivolta kontra r-raġuni sostnuta minn esperjenza assurda lejn it-twettiq ta' fidi fl-impossibbli. Biex nissimplifika, wara l-gwerra mbagħad, Chestov u l-grupp ta' eżistenzjalisti li segwew (Jaspers, Heidegger, Scheller, Wahl, Marcel eċċ.) spiċċaw biex ġew okkultati mill-eżistenzjaliżmu ateu ta' Jean- Paul Sartre li twieled minn riflessjoni fuq ix- xogħlijiet ta' Hegel, Husserl u Heidegger. Il-Mit ta' Sisifu, miktub minn Camus bejn l-1936 u l-1941 jattakka fuq kollox l-ideat Chestovjani. Il-kapitlu intitolat It- Tama u l-Assurd fix-xogħol ta' Franz Kaa, li l-awtur neħħa mill-ewwel edizzjoni tal- 1942 u ppubblikah f 'L'Arbalette fis-sena ta' wara, jirrinforza s-sens tal-attakki kontra l-interpretazzjoni Chestovjana permezz ta' illustrazzjoni Kaaeska tal-philosophie existentielle. Il-funzjoni reliġjuża tal-assurd, li f 'Chestov tilgħab ir-rwol ta' "katastrofi loġika" Camus jiċħadha bis-saħħa kollha. F'dan il-kapitlu fuq Kaa, jassimila l-ħsieb eżistenzjalista ma' dak ta' Chestov. Din l-assimilazzjoni tagħmel sens mir-riut ta' "suwiċidju filosofiku" li f 'Chestov isib il-milja tiegħu f 'divinizzazzjoni tal- assurd, jiġifieri fit-tama f 'Alla irrazzjonali. Meta mbagħad, tfaċċa bħalma diġà għedtlek, l-eżistenzjaliżmu ateu ta' Sartre bil-pubblikazzjoni tass-saġġ L'Être et le Néant fl-1943, spiċċa biex tiegħu spikka fuq ir- ruxxmata '-iżmi' li kienu ilhom jixterrdu, inħoloq fattur ta' konfużjoni u miegħu l-malintiż li indirettament spiċċa 'vittma' tiegħu Albert Camus. Min-naħa tiegħu Camus caħad kategorikament mill- bidu nett illi jagħmel parti mill-moviment eżistenzjalista u oppona minnufih meta d-dramm tiegħu Caligula (1946) ġie deskritt bħala espressjoni ta' din il-filosofija. Iżda l-konfużjoni bejn "eżistenzjaliżmu" u "filosofija eżistenzjali" laħqet xterdet minkejja li hu diġà kien għamel dikjarazzjonijiet preċiżi ferm fir-rivista Servir tal-20 ta' Diċembru 1945. "Jiena la nemmen f 'waħda u lanqas fl-oħra, fis-sens assolut", kien kiteb. Terġa', il-ħbiberija bejnu u Sartre f 'dak iż-żmien għamlitha diffiċli biex tittajjar il-konfużjoni fl-imħuħ darba għal dejjem. U kif għedt tajjeb int Camus ħass il-bżonn itenni din il-ħaġa ċar u tond f 'Les Nouvelles littéraires tal-11 ta' Novembru 1945 bil-kliem bla kantunieri: "Non, je ne suis pas existentialiste / Le, jien m'iniex eżistenzjalist". Fl-artiklu tal-ġimgħa l-oħra rrimarkajt ukoll illi jaħsbu x'jaħsbu l-istudjużi u l-istoriċi tal- filosofija — u irrispettivament minn x'kien jaħseb Camus innifsu — jibqa' inevitabbli, minkejja kollox, illi x-xogħlijiet tiegħu ser jibqgħu jitpoġġew f'paragun ma' bosta testi eżistenzjalisti oħrajn. Ibda biex fl-aħħar mill-aħħar Camus ittratta, bil-mod tiegħu sintendi, l-istess temi li tgħidx kemm ħabblu l-irjus tal-ħassieba eżistenzjalisti — minn Søren Kierkegaard sa Martin Heidegger. Terġa', nistgħu nargumentaw illi anke jekk huwa minnu li l-eżistenzjaliżmu b'mod ġenerali u l-assurdiżmu ta' Camus mhumiex sewwasew aħwa, daqstant ieħor huwa minnu li impossibbli nsostnu li dawn it- tnejn mhumiex almenu kuġini. Jekk niġu f'dan Camus staqsa u ttanta jwieġeb bosta mistoqsijiet eżistenzjali ewlenin illi, tajjeb jew ħażin, isawru l-kundizzjoni tal-eżistenza umana. Kultant jagħtini naħseb illi ċ-ċaħda tiegħu f'dan ir-rigward aktarx kienet mossa maħsuba biex jiddistanzja ruħu bis-sħiħ minn Sartre bħala persuna iżjed milli riut veru prorpju tal-moviment b'mod ġenerali. Għandi nifhem illi l-iskulari ta' dawn it-tnejn — ġaladarba hemm ħafna li jippermetti dan — ser jibqgħu jiddibattu din il-kwistjoni sa ma jasal Godot. Bħala interpretu ta' Camus, kif tifhimha dina d-distanza? B'mod personali jew b'mod intellettwali? Jew forsi taħseb illi kellha daqsxejn mit-tnejn? Fit-tletinijiet tas-seklu l-ieħor meta Camus kien qed jiżviluppa ċ-ċiklu tal-assurd, hu ma kienx midla ta' Sartre. Camus kien għadu jgħix l-Alġerija. Mhux talli hekk, talli meta bħala ġurnalist ta' Alger républicain kellu jikteb reċensjonijiet fuq La Nausée (fl-20 ta' Ottubru 1938) u Le Mur (fit-12 ta' Marzu 1939) ta' Sartre, għad li jfaħħarhom it li xejn kien entużjast dwarhom. F'tal-ewwel ikkritika r-relazzjoni gratwita bejn filosofija u letteratura minkejja li kien jittratta t-tematika tad-diqa / l'angoisse li diġà kien iltaqa' magħha fil-ħsieb ta' Chestov, Kierkegaard u l-bqija, filwaqt li f 'tat-tieni Camus juri li ddarras bid-disprament mingħajr xefaq li kien ra fih. Ma ninsewx lanqas illi Camus kellu ħsibijietu magħġunin fil-kultura Ellenika. It-teżi tiegħu tad-DES (diplôme d'études supérieures) kienet fuq Metafiżika Nisranija u Neoplatoniżmu. Huwa minnu li ma jarax kif wieħed jista' jemmen f 'Alla li fi kliem Gabriel Marcel "jew hu direttament responsabbli għal daqstant mostrożitajiet, jonkella jagħti prova ta' dgħufija jew tal- impotenza tiegħu ġejjin mill- ħtieġa tiegħu li jittollerahom" (1946). Iżda min-naħa l-oħra Camus kien jemmen fil-limiti u li dawn ma jinqabżux mingħajr konsegwenzi koroh. Il- polemika ma' Sartre u l-klikka ta' Les Temps modernes wara l-pubblikazzjoni ta' L'Homme révolté / Il-Bniedem Ribell kompliet tbiegħed lil Camus mill-eżistenzjaliżmu. F'La Chute / Il-Waqgħa (1956), li għadni kemm ippubblikajt bil- Malti, Camus f 'ħin minnhom saħansitra juża lill-protagonist Clamence biex jgħaddi passata bil-filosofi kontemporanji, b'mod speċjali lil Jean-Paul Sartre u jiskjerah ma' "l-atei tal- bistri". Biss irrid ngħid fl-aħħar nett, li sabiex jissottolinea dejjem aktar kemm kien maqtugħ mill-filosofija Sartrjana, Camus fl-1959 paradossalment fl- aħħar intervista li ta iddikjara hekk: "Jekk il-premissi tal- eżistenzjaliżmu jinsabu, kif nemmen, f 'Pascal, Nietzsche, Kierkegaard u Chestov, allura jiena naqbel magħhom." L-interess tiegħi f'din il-kwistjoni, u f'dan id- djalogu miegħek bħala studjuż u traduttur ta' Albert Camus, ġej l-iżjed mill-kapaċità tiegħi ta' studjuż u traduttur ta' Jean-Paul Sartre. Il-biċċa mhix sempliċi daqskemm tidher: minkejja l-interess assidwu tiegħi fix-xogħlijiet ta' Sartre m'għandi ebda problema nidentifika diversi episodji sinifikanti li fihom Sartre żelaq kemxejn fin-niexef. Ibda bil-mod kif fehem ħażin lil Georges Bataille u lil Maurice Blanchot. Forsi aħjar ma nsemmu xejn dwar il-fehmiet tiegħu dwar Freud. Biss fil-konfronti li kellu ma' Camus, minkejja l-arroganza pjuttost tipika li forsi seta' esprima fihom, fil-fehma tiegħi Sartre ma kienx ħati daqskemm ġieli jingħad. Nikkonċedi li fil-kwistjoni li nqalgħet fir-rivista Les Temps Modernes Camus ressaq bosta punti validi ħafna rigward ċerti politiki tax-xellug. Kienet ħasra li dik il-ħabta mbagħad safa' iżolat u kkanċellat mill-intelliġensja tax-xellug. Biss nemmen illi Sartre kellu raġun biex ibiegħ fuq punt kardinali: Camus ftit li xejn kien midħla b'mod dirett tax-xogħlijiet filosofiċi li kien jiddjaloga magħhom. Kien jaf dwarhom biss b'mod frammentarju permezz tal-istudji t'akkademiċi ewlenin bħal Jean Hippolyte u Alexandre Kojève, iżda filfatt ma qrahomx. Mill-battibekki stampati fir-rivista Les Temps Modernes jidher ċar li għad illi Sartre kellu