Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1311610
23 rakkont illum • Il-ĦADD 22 TA' NOVEMBRU 2020 Sharon Calleja Maren (L-aħħar parti minn erbgħa) I ssa kienet qiegħda hawn. F'dak il-post. Fejn kienet imdorrija qabel. Kienet qisha ħolma! U ħarset lejn l-għelieqi kbar li tant kienet immissjat. Dawk l-għelieqi ħadranin fejn kienet għaddiet l-isbaħ żmien ta' ħajjitha. Hekk kif kienet niżlet miż- żiemel li kienu rikbu fuqu wara li kienu niżlu minn fuq il-bastiment li kien ġabhom lejn Malta, Maren ħarset lejn it-torri nofsu mwaqqa' li kien qiegħed eżatt faċċata tagħha. Dak it-torri.Dak il-post fejn kienet iltaqgħet miegħu. Kai. U kienet innotatu tul it-triq kollha. Għalkemm għajnejh kienu mimlijin imħabba u għożża lejha, kienet innutat li donnu kien muġugħ. "Int kollox sew, Kai?" kienet staqsietu, taqbadlu jdejh u tersaq lejh fuq il-bastiment, hekk kif ir- riħ kien qed jimbuttalha xagħarha lura u kienet qiegħda tiflih. Kemm kienet tħobbu! Imma donnu kien qed iġib ruħu b'mod stramb magħha. Xħin kienet resqet 'il quddiem lejh sabiex tmiss xuejha ma' tiegħu, kienet ratu jersaq pass lura. Donnu ma riedx li tmiss miegħu. "Għandi rasi tuġagħni," kien weġibha, għajnejh miksurin. "Ħa, agħmel din ma rasek ħalli tgħaddilek," kienet qaltlu, hekk kif neħħiet il-maktur li kellha jżommilha xagħarha lura u rabtitulu ma' rasu. "Inħossni redikolu................" beda jgħidilha, hekk kif għaddew xi tnejn minn nies u bdew iħarsu lejhom b'kurżita. "Hux redikolu!" qaltlu bid- daħqa. Riedet tbusu, tfissdu u tgħannqu. "Għalfejn ma bqajtx tiktibli?" staqsietu. Ma weġibhiex. Kien ħares lejha. Għajnejh f 'għajnejha. Imma ma kellimha xejn. Kienet ser terġa' tistaqsih. Imma mbagħad kienet ħasset li la kien ġie għaliha, u issa kienet sejra lura lejn Malta miegħu, allura issa kien ser ikollha aktar ħin sabiex terġa' tarah u ssaqsih. Jew tinduna jekk kienx għadu jrid ikun magħha. U issa wara din it-triq kollha li kienu ħadu sabiex jaslu quddiem dan it-torri, li kien il-lok ta' fejn kienet iltaqgħet miegħu l-ewwel darba, kien qed iħares lejha minn ħdejn iż-żiemel, iżomm ir-riegni f 'idejh, bil-maktur tagħha ma' rasu. "Iġri, Maren! Missierek qiegħed fit-torri!" qalilha b'leħnu ppanikjat. Bdiet tħares lejn it-torri. U lejh. U lura lejn it-torri Tippanikja. Imbagħad le. Imbagħad terġa' tħares lejn Kai bil-kurżita. "Imma.............." "Ħaffef!" qalilha, kważi jgerger magħha. Tatu l-aħħar ħarsa, ħadet nifs twil u marret tiġri lejn it-torri, mifxula għall-aħħar. "Maren!" semgħetu jsejħilha b'leħen għoli. U daret tħares lura lejh. Qatt ma kienet ser tinsa hekk kif ratu dak il-ħin. Kemm kien sabiħ! "Inħobbok ħafna, Maren!" qalilha. "Għal dejjem." Tbissmitlu. Daret lura tħares lejn it-torri, qalbha tħabbat mija mija. Anke hu kien għadu jħobbha. "Anke jiena, Kai. Għal dejjem," qaltlu bi tbissima ferrieħa. U daħlet tħaffef ġot-torri ħalli tara għal liema raġuni, Kai kien qagħad jiġi għaliha Għawdex sabiex tgħin lil missierha. U eżatt malli xirfet 'il ġewwa bdiet tisma' l-għajjat. Leħen missierha! "Ajjut!" kien qed jgħajjat missierha minn hemm ġew, qalb xi tifrik lejn in-naħa ta' ġewwa tat-torri. "Int x'int tagħmel hawnhekk?" staqsietu Maren, hekk kif ġriet hemm ġew, taqbeż u tixxabbat ma' xi ġebel kbir u xorok li kien niżel hemm taħt qalb il-gorboġ fejn kien jinsab missierha! Imn'alla kienet salvatu! U għenitu. Kieku kien imut. Kien ikorri żgur u kienet titilfu. Iżda oħroġ il-għaġeb, hekk kif kienet ħarġet barra b'missierha jserraħ magħha minħabba l-qagħda fiżika li kien jinsab fiha, Maren indunat li Kai ma kienx għadu jistennieha hemm barra. "Int kif ġejt hawn, binti?" staqsieha missierha, hekk kif marru bil-pass il-pass lejn id-dar. "Imn'alla ġejt issalvani! Immut kont! Immut, ħa ngħidlek!" "Ġejt hux. Għax ġie għalija hu u qalli," qaltlu bid-daħqa, ferħana li fl-aħħar kienet reġgħet lura lejn id-dar, hekk kif daħlu fil-kċina u beda' jagħmlilha bela' te'. "Hu min?" staqsieha missierha, ipoġġi bilqegħda u jnewlilha l-kikkra. "Kai." Silenzju. Missierha ma kellimhiex. Is-skiet kont taqtgħu b'sikkina. "X'inti tgħid, binti?" qalilha missierha, wiċċu donnu jieħu l-kulur ta' statwa. "Li Kai ġie għalija u qalli li inti tinsab fil-periklu," qaltlu Maren. "U kif jista' jkun?" weġibha missierha. "Mela qiegħda toħlom?" "Vera, missier." "Ma jistax ikun, qalbi," qalilha missierha. "Iva, qiegħda ngħidlek li ġie għalija Għawdex u ġabni hawn miegħu." "Ieqaf ħarref!" qalilha, kważi jgħolli leħnu magħha. "Il-verita'.................." "Maren, ma jistax ikun!" ħataa. "Kai kellu inċident biż- żiemel u miet xi xahar ilu!" Għal mument, Maren tfixklet. Imbagħad bdiet tidħaq. "Ara minn kollox qiegħed tipprova tagħmel biex tbiegħdni minnu! Imma din id- darba......................" "Maren, Kai huwa mejjet!" għajjat missierha b'leħen għoli. "X'inti tgħid, missier? Jiena ġejt miegħu.....................huwa ġabni hawn!" "Kieku kien isalvani hu, le?" staqsieha missierha, donnu biex jikkonvinċiha li hu kien qed jgħidilha l-verita'. "Ma kienx ser joqgħod jiġi għalik! Kai indifen fiċ-ċimiterju ta' tarf ir-raħal, xi xahar ilu!" "Ma jistax ikun! Ma jistax ikun!" bdiet tgħajjat miegħu Maren, tagħti fuq wiċċha b'idejha. Kienet qiegħda tħossha verament imweġġa' li missierha kien qed jgħidilha dak id-diskors! "Emminni Maren!" għajjat missierha. U telqet tiġri 'l barra b'kemm kellha saħħa! Marret tħaffef lejn iċ-ċimiterju, id-dmugħ nieżel iġelben minn ħaddejha, idejha magħqudin ponnijiet fil-ġnub ta' ġenbejha. U bdiet tfittex qalb l-oqbra, għajnejha miksurin, bilkemm tiflaħ tara sew. Bdiet tara l-istatwi tal-anġli, tal-kurċifissi kbar tal-irħam, oqbra oħrajn mingħajr isem, mingħajr ritratti. U waqfet. Ratu. Ismu kien jinsab fuq irħama minnhom! L-isem li tant kienet tħobb! Isem il-maħbub tagħha! Kai! "Irridek tiftaħli dak il-qabar," bdiet tgħajjat hekk kif rat raġel liebes fardal maħmuġ. "Dak żgur vojt! Iridu jidħqu bija! Dak li jridu jagħmlu!" Kienet qiegħda tgħajjat u tibki qisha għafrid. "Iskot, sinjorina, hawnhekk mhux post tal-għajjat!" beda jgħidilha Ġanni d-deffien, hekk kif resaq lejha u beda jipprova jikkalmaha. "Irridek tiftaħuli." "Ma nistax." "Jekk jogħġbok! Jekk jogħġbok! Dawk qed jingannawni! Ftehmu bejniethom!" "Ikkalma sinjorina!" weġibha. Imbagħad dawwar ħarstu madwar iċ-ċimiterju, aċċerta ruħu li ma kien ġej ħadd u mexa magħha sal-qabar fejn kien hemm immarkat isem il- maħbub tagħha. "Għax qiegħda tinsisti................imma din trid tibqa' bejnietna," qalilha. "Ċertament," weġbitu b'leħen maħnuq kemm kien ilha tgħajjat. U beda l-proċess biex jiftħu. Ftit wara, Maren kienet qiegħda tħares lejn it-tebut tiegħu, hekk kif inkixef minn taħt il-kaptelli. Ġanni niżel fil-qabar, resaq lejn il-ġenb u fetħu. B'qalbha tħabbat mija mija, Maren ratu mimdud fit-tebut, idejh fuq sidru, wiċċu seren donnu rieqed raqda fonda. U ma' rasu................. Ma' rasu, Kai kellu mdawwar il-maktur tagħha. Il-maktur ta' Maren. "Inħobbok ħafna, Maren! Għal dejjem," semgħet leħnu jidwi madwar is-skiet taċ- ċimiterju.