Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1330258
03 aħbarijiet illum • IL-ĦADD 17 TA' JANNAR 2021 Eluf kbar ta' nies ċemplu l-179 jew 1772 fl-2020 minħabba sfidi ta' saħħa mentali u dipressjoni Madwar 27,000 telefonata fl- 2020 fuq linji apposta għall- għajnuna lil dawk li kellhom problemi ta' saħħa mentali, inkluż problemi minħabba l-pandemija ... ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Sal-aħħar tas-sena l-oħra huwa stmat li fuq is-Supportline 179 kif ukoll il-linja 1772 saru 27,000 telefonata. Din l-informazzjoni ingħatat lil din il-gazzetta mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Benesseri Soċjali (FSWS) u tkopri żewġ linji li persuni jċemplu biex jitkellmu ma' xi ħadd minħabba problemi diversi. L-FSWS tkakkar li kemm fuq Supportline 179 u kif ukoll fuq 1772 iċemplu persuni li għaddejjin minn dipressjoni u problemi ta' saħħa mentali. "Ikun hemm dawk li diġa' jkunu qed jieħdu għajnuna minn xi professjonisti oħra u jkun hemm dawk li jkunu għadhom qatt ma resqu għall-għajnuna u għalhekk dawn il-linji jservu bhala l-ewwel pass sabiex inkunu nistgħu nirreferuhom qabel ikun tard wisq," jispjega l-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti. Saħansitra Grixti jispjega kif matul dawn ix-xhur kien hemm persuni li waqt it-telefonati wrew ħsibijiet li jneħħu ħajjithom b'idejhom. "Huwa essenzjali li f 'dawn iċ-ċirkostanzi nintervjenu immedjatament sabiex nipprovdu l-għajnuna neċessarja lil dawn il-persuni u nikkollaboraw ma' professjonisti oħrajn biex inkunu nistgħu nagħtu l-aħjar servizz possibbli lil dawk li jċemplu," temm jgħid Grixti. Intant fl-ewwel sitt xhur tas- sena tal-2020 saru b'kollox 9,454 telefonata fuq il-179 u l-FSWS qed tistma' li sal-aħħar tas- sena kienu saru madwar 19,000 telefonata fuq din il-linja. Interessanti illi l-maġġoranza assoluta ta' dawk li ċemplu fuq din il-linja, jiġifieri 59%, kienu nisa u 0.6% biss kienu tfal. Intant fuq il-1772, li hija linja li nbdiet f 'Marzu li għadda u li fuqha, fost oħrajn, iċemplu nies li qed ikollhom problemi ta' solitudni - speċjalment dawk li kellhom jibqgħu ġewwa waħedhom - saru 5,330 telefonata fl-ewwel erba' xhur biss (Marzu - Lulju). Huwa stmat li sal-aħħar tas-sena se jkunu saru 8,000 telefonata fuq din il-linja. Grixti jgħid li apparti każi ta' solitudni kien hemm ukoll każi ta' nies li ċemplu minħabba illi l-fatt li kienu ġewwa biddel id- dinamika tal-familja, kif ukoll ġenituri li kellhom diffikultà jieħdu ħsieb lil uliedhom li għal ġranet sħaħ kienu d-dar minħabba li l-iskejjel kien magħluqin. Skont rapport tal- Fondazzjoni għas-Saħħa Mentali tar-Renju Unit ippubblikat lejn l-aħħar ta' Novembru 2020 dawn kienu xi fatti u figuri relatati mas-saħħa mentali u l-pandemija: • Iż-żgħażagħ qalu li qed iħossu li qed jimmaniġġjaw mentalment inqas fit-tieni mewġa (49%) milli kienu qed jimmaniġġjaw is-sitwazzjoni fl-ewwel mewġa (64%) • 17% mhumiex jimmaniġġjaw mentalment u minn dawn 37% diġa' għandhom problemi ta' saħħa mentali • 26% qalu li huma inkwetati li jħossu li ma jistgħux jimmaniġġjaw l-iżolament • Dawk li kellhom ħsibijiet suwiċidali kienu żdiedu minn 10% għal 13% fil-ġimagħtejn ta' qabel ma sar dan is-sondaġġ. • 56% tal-popolazzjoni tar- Renju Unit iħossu li mixjiet għinuhom biex iħossuhom aħjar, psikoloġikament • 42% ħassew illi l-fatt li żaru spazji għinhom iħossuhom aħjar Alfred Grixti Aktar minn 18,800 dar eliġibbli għal ikliet b'xejn f'Settembru tas-sena l-oħra F'Settembru tas-sena l-oħra kien hemm b'kollox 18,854 dar li kienet eliġibbli għal ikel mingħajr ħlas mogħtija mill-Istat, fl-iskema magħrufa bħala State Funded Food distribution (SFFD). F'April tal-istess sena kienu b'kollox 19,771 dar li kienet eliġibbli fl-istess skema. Interessanti illi fl-ebda punt il-kollezzjonijiet ma laħħqu l-100%, jiġifieri li dawk kollha li huma eliġibbli ġabru l-ikel, għalkemm f 'April - meta b'kollox kien hemm eliġibbli 19,771 dar - għal din l-iskema inġabru 90%. Dan ġara hekk kif permezz ta' inizjattiva tal-Gvern l-ikel mingħajr ħlas beda jitqassam minn kumpanija lokali tat-taxis, minħabba l-imxija tal-Covid- 19.F'Settembru imbagħad kienu 79% ta' dawk li kienu eliġibbli illi ġabru l-ikliet mingħajr ħlas mogħtija lilhom. Dawk eliġibbli huma persuni u familji vulnerabbli bi qligħ baxx u ħafna minnhom li jkunu qed jgħixu fil-faqar. Ġeneralment dawn huma djar illi fihom jgħixu nies li jirċievu benefiċċji non-kontributroji, dawk li qegħdin fuq benefiċċji ta' qgħad u benefiċċji soċjali, pensjonanti bil-pensjoni non-kontributorja u li jgħixu waħedhom u djar fejn jgħixu persuni b'diżabilità bil-pensjoni tad-diżabilità u li ma għandhomx impjieg. Intant fi tliet distribuzzjonijiet oħrajn ta' ikel lil persuni u familji vulnerabbli, fl-2020 kien hemm dejjem aktar minn 3,000 dar eliġibbli fl-iskema FEAD, skema Ewropea li tgħin lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Fi Frar kien hemm 3,166 dar eliġibbli, f 'Ġunju 3,178 u f 'Novembru 3,176.