Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1335205
16 letteratura IL-ĦADD 31 TA' JANNAR 2021 • illum Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Xi mkien bejn it-tifsir u l-kewn Fl-ibgħad ilħuq tad-diskors, fl-ibgħad limiti tal-ħsieb Naħilfu ħafna bl-ewwel impressjonijiet. Issib min saħansitra jemmen illi t-tieni lok għall-ewwel impressjoni ma jeżistix. Għajni dejjem għokritni minn dad-diskors. Ibda biex għax spiss jidhirli li l-impressjonijiet – tal-ewwel, tan-nofs, tal-aħħar – kultant ma tridx toqgħod fuqhom wisq. Hu x'inhu, xi minn daqqiet taħbat ma' nies, anzi stranġieri, illi kapaċi jaħsduk – sa mill-ewwel ftit uqat li qatt tkun qattajt magħhom, sa mill- ewwel erba' kelmiet illi jlissnulek jew jiktbulek. Fihom sarma dal- qtajja': għiduli intom, pirkażu, x'taqbad twieġeb lil stranġier illi, wara 'qas biss ħames minuti, f 'ħin bla waqt jiġi jgħidlek: "strieħ, toqgħodx tiġri wara ħajtek. Int borża duħħan, mera tonda fejn l-infinit jittappan bis- swaba' tal-imqass." Proprju hekk sirt nafu kważi ħmistax-il sena ilu 'l Ċharlie Grima, jew aħjar, liċ-Ċali – bl- artiklu mehmuż għall-enfażi: jikkwotali dal-vers minn poeżija tiegħu fit- terrazza tal-Kavallier San Ġakbu bi tweġiba għal xi ħaġa li għedtlu. Id-diskors insejt x'kien. Niftakar biss li konna ltqajna – bis- saħħa ta' Alex Vella Gera – biex niddiskutu ġabra ta' poeżiji li konna twebbilna nippubblikaw. Minn dika il-lejla ma niftakarx wisq. (Biex tgħaxxaqha mbagħad mill-Belt fettlilna nerħulha lejn Paceville – forsi wkoll għalhekk ma niftakarx.) Iżda daka l-vers, daka l-mument, dika l-immaġni tiegħi niġri nilheġ wara ħajti, il-mera tonda, l-infinit jittappan, is-swaba' tal- imqass, għadhom friski f 'moħħi sa dal-ħin. Dawn il-versi taċ- Ċali dik il-ħabta kienu baqgħu jidwu f 'moħħi bosta xhur: fl-appartament t'Antoine Cassar, f 'rue Bonnevoie, fil- Lussemburgu – waqt sessjoni ta' reġistrazzjoni pubbliċitarja ta' dil-poeżija – inħkimt fit- tul minn daħk isteriku li qajla flaħt inrażżnu. Xħin kważi telaq kulħadd, imbagħad, mal-ħsieb tagħha biss tani attakk qalil ta' paniku tenaċi li kważi dam sejjer il-lejl kollu – episodju stramb illi sal-lum, psikoanaliżi u mhux, m'iniex fiż-żgur jekk jistax jitfisser bis-sħiħ. Ftit xhur wara: attakk sfrenat ta' daħk ieħor, did-darba fi Pjazza Navona ġo Ruma. Il-paljaċċu prim illi kien qiegħed jixxadinja f 'nofs il- pjazza nfexx jidħak quddiemi. Għandu mnejn ħaseb illi kien seħħlu jimpressjonani bil-bużullotti ferm makakki tiegħu. Xejn minn dan. Mur għidlu x'kien il-kaġun. Iċ-Ċali, reġa' għamilhieli ja mgħarraq! Reġa' feġġ mix-xejn biex jixħetna hemm: xi mkien nofs triq bejn il-kewn u t-tifsir. Hekk nistħajjilhom bosta mill- versi tiegħu li issa jinsabu lkoll miġbura fil-ġabra Rota Roża: xbihat ontoloġikament stakkati mill-jien iżda intant iddistakkati mis-semantika tat-tifsir fl-istess mentri. Dawn it-tendenzi poetiċi taċ-Ċali kont diġà smajt bihom ftit tal-ġimgħat qabel mingħand Vella Gera. Niftakar li kont ukoll rajt (u mhux qrajt) xi żewġ poeżiji tiegħu fuq l-internet. Ngħid is-sew għall-ewwel ma impressjonawni xejn. Ibda biex għall-ewwel primavista iddarrast ħafna mill-ortografija mħarbta, min- nuqqas t'ekonomija u minn stilistika b'punteġġjatura xejn konvenzjonali. Kważi kollox inbidel imbagħad – bħal donnu waqa' xi seħer jew niżlu n-nirien ta' Pentekoste – wara dika l-lejla fil-Kavallier San Ġakbu. Għad nikteb iżjed dwar dawn l-impressjonijiet, iżda did-darba, għal darba, fil-biċċa l-kbira ser nillimita l-kummentarju tiegħi għal dak illi diġà deher. Hemm raġuni għal dan – anzi mhux biss waħda – iżda anke dan imur lil hinn mill-fini ta'