Illum previous editions

ILLUM 7 March 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1347838

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 27

14 kultura u storja IL-ĦADD 7 TA' MARZU 2021 • illum MUŻAJK TA' STORJA DOMVS ROMANA Fl-1881 numru ta' ħaddiema kienu qed jiżirgħu s-siġar fi Ġnien ta' Howard ħdejn l-Imdina u għamlu skoperta ta' post li llum huwa parti importanti mill-wirt kulturali ta' pajjiżna. Amy Briffa minn Heritage Malta tieħu lill-qarrejja tal-ILLUM fid-Domvs Romana... Jekk tħares biss lejha u għal sekonda tinsa l-madwar, il-binja tad-Domvs Romana bejn ir- Rabat u l-Imdina taf faċilment tieħdok lura fiż-żmien bikri li fih inbniet...meta matul il- jum it-toroq ta' Melite, b'arja mtaqqla bi rwejjaħ ta' kull xorta, kienu jkunu mimlija kummerċ u ħajja, il-lejl kien ikun ferm aktar mudlam għajr għal xi lampa taż- żejt tnemnem mixgħula minn xi skjav, u l-ħitan ta' din id-dar kienu l-kenn ta' familja. Dan is-sit huwa uniku. Kif tindika l-kelma domvs - il-kelma bil-Latin għal dar - din il-binja ma kinitx villa (bħal dawk ta' San Pawl Milqi f 'Burmarrad u Ta' Kaċċatura f 'Birżebbuġa), li kienu fil-kampanja u barra l-ħitan tal- belt, iżda dar Rumana fil-qalba tal-attività tal-belt. Barra minn hekk, id-Domvs Romana ma kinitx biss dar residenzjali privata iżda kellha sehem importanti fir- relazzjonijiet pubbliċi u politiċi ta' sid id-dar. Kienet il-post fejn ħafna min-negozju kien jiġi diskuss, u jekk is-sid kien b'saħħtu biżżejjed, kull filgħodu n-nies kienu jinġabru fl-ewwel kmamar tad-dar biex jirċievu l-barka tiegħu. Għalhekk, il- partijiet prinċipali tad-dar kienu ddisinjati biex iservu għal dawn il-ħtiġijiet u kienu jinbnew biex juru l-poter tas-sid. Kif ġiet skoprew lid-Domvs Romana? Din il-binja ta' valur nazzjonali imprezzabbli, mibnija tista' tgħid fl-eqqel tal-perjodu Ruman f 'pajjiżna - bejn is-snin 50 Q.K. u 50 W.K., din is-sena qed tiċċelebra tliet anniversarji importanti. Kif spjegat minn David Cardona – Kuratur Anzjan għas-Siti Feniċi, Rumani u Medjevali f 'Heritage Malta – bejn l-2020 u l-2022, l-aġenzija se tkun qed tfakkar tliet tragwardi importanti fl-istorja ta' dan is-sit li ħabtu kollha viċin ta' xulxin. L-ewwel minn dawn huwa l-140 anniversarju mis-sejba tad- Domvs Romana. Is-sejba seħħet kompletament b'kumbinazzjoni meta fl-1881 xi ħaddiema li kienu qed iħawlu s-siġar għal dak li llum nafuh bħala l-Ġnien ta' Howard, laqtu xi mużajk u oqbra Iżlamiċi. Antonio Annetto Caruana, il- librar tal-Biblijoteka u l-kuratur tal-kollezzjoni arkeoloġika ta' ġo fiha, kien tqabbad minnufih biex iħares l-investigazzjoni ta' dawn il-fdalijiet. Ħafna miż-żoni ta' din id-dar Rumana sinjura nkixfu waqt dan l-intervent u l-mużew inbena biex jipproteġi l-mużajk u juri l-antikitajiet Rumani ta' Malta. Kif spjegat tajjeb minn Cardona, iżda, skoperta bħal din fl-1881 kienet biss possibbli għaliex id-destin iffavurieha, u dan permezz ta' numru mdaqqas ta' fatturi fil-mod ta' kif is-sit inżamm matul iż-żminijiet. Fost dawn huwa tajjeb li nfakkru li l-fond ta' ħamrija li l-fdalijiet instabu fiha ma kienx normali għal Malta. Dan il-fond kien riżultat tal-fatt li wara li d-dar spiċċat mitluqa, l-art ta' fuqha ntużat bħala għolja, maħluqa fi żmien l-Ordni ta' San Ġwann, li kienet tħalliet kompletament vojta apposta biex jiġu attakkati b'mod aktar effettiv assedjanti potenzjali tal-Imdina. Li s-sit tħalla liberu minn kull bini, għamel l-iskoperta ħafna eħfef. B'ħasra kbira iżda, medda ta' art fit-tramuntana tas-sit inqerdet fl-1899 meta bħala parti mix- xogħlijiet biex jinħoloq servizz ta' ferrovija għas-servizzi Ingliżi stazzjonati f 'pajjiżna tħaffret triq li kellha twassal għall-istazzjon ta' biswit id-Domvs. Biex tagħqad, ma kienet inżammet ebda kitba dwar x'sar bl-eżatt waqt dan ix-xogħol, u x'aktarx parti kbira mid-dar, kif ukoll strutturi u oqbra oħra tal- madwar, intilfu. Is-sena li għadha kemm għaddiet ħabtet ukoll il-mitt sena minn meta sar stħarriġ aktar fil-fond fuq is-sit minn Sir Temi Zammit bejn l-1920-25, bl-għajnuna ta' Robert V. Galea, Harris Dunscombe Colt u Louis Upton Way. Matul dawn l-iskavi kienu ġew skoperti numru mdaqqas ta' oqbra Iżlamiċi fuq fdalijiet ta' djar żgħar oħra Rumani, triq, u numru ta' fdalijiet oħra. Is-sena li ġejja mbagħad timmarka l-140 sena minn meta l-binja nfetħet għall-ewwel darba għall-pubbliku bħala mużew. Min kien jgħix f 'din id-dar? Grazzi għall-iskavi u ħidma sfiqa ta' esperti bħal Caruana u Zammit matul is-snin, illum il-ġurnata titwila lil hinn mill- portiku mibni fl-1920 toffri lill- viżitatur esperjenza sħiħa fid- dinja ta' min kien jimraħ qalb dawn il-ħitan fl-aqwa żmien tal- binja. Fil-bitħa ċentrali, magħrufa bħala l-peristyle, wieħed isib il-mużajk sinonimu mas-sit li juri wieħed mill-aktar motivi popolari fl-antikità - il-ħamiem jixorbu ta' Sosos. Numru mdaqqas ta' artefatti fil-kmamar differenti tad-dar bħal donnhom ikomplu jagħtu l-kulur lil stampa li ċċarat iżda kibret fil-preġju mal-medda taż-żmien. Għalkemm huwa diffiċli li nsiru nafu eżatt l-identità ta' min għex fiha, is-sejbiet f 'din id-dar jixhdu ħajja komda u lussuża li tgawdiet biss mill-ogħla klassijiet tas-soċjetà ta' dak iż-żmien. Kif żied jgħid Cardona, jekk tikkunsidra biss is-sejba ta' żewġ statwi li juru membri mill-familja tal-Imperatur Klawdju skolpiti fi rħam fin, tasal biex tikkonkludi li sid id-Domvs kien bilfors persuna pubblika important. Forsi anke l-Protos jew gvernatur ta' dawn il-gżejjer, billi l-provvista tal-irħam kienet taħt il-kontroll

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 7 March 2021