Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1347838
17 letteratura illum • IL-ĦADD 7 TA' MARZU 2021 Fil-paġna letterarja ta' din il-ġimgħa Kevin Saliba jiftakar fil-ġabra ta' poeżiji Frekwenzi ta' Spirti fis-Sakra ppubblikata fis-snin disgħin minn erba' poeti, l-iżjed f'żewġ versi partikulari ħafna ta' Karl Schembri. Ħsiebu mbagħad imur iżjed lura mbagħad fil-ġabra Erba' Drammi tal-eks għalliem u kollega tiegħu Oreste Calleja, mill-ġdid fit-titlu tad-dramm Iġsma Iħirsa. Saliba jiftaħ kummentarju kontemporanju rigward il-frekwenzi spettrali li saru jrieġu r-rapporti soċjali f'din in-normalità l-ġdida – dinja li tfakkru wkoll fl-istorja F'Art il-Weqfin t'Alex Vella Gera u fi bloggata antika ta' Immanuel Mifsud li ġġib l-istess titlu tad-dramm ta' Calleja. Ma tonqosx in-nostaliġija. Jispikka l-biki... wiċċ imb wiċċ, fil-konferenzi, fis-sessjonijiet tal-Palk Ħieles, fil-inħawi stramani tal-kampus, fil-pjazzez. Lanqas it-tagħlim. Id-Dipartiment tal-Istudji tat- Traduzzjoni, it-Terminoloġija, u l-Interpretar tal-Università ta' Malta din il-ġimgħa organizza żewġ taħditiet miftuħa mal- Prof. Susan Bassnett. Is-sena li għaddiet din it-traduttologa kienet mistiedna speċjali tal- Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus li jorganizza kull sena l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Attendejt waħda minnhom: ma stajtx infalli ġaladarba Bassnett kienet, għadha, tibqa', waħda mill- iżjed akkademiċi influwenti fil- ħsieb, fid-diskors u fil-prattika tiegħi bħala traduttur, l-iżjed bix-xogħol seminali tagħha The Translator as Writer (Il- Traduttur bħala Awtur, 2006). Xtaqt ħafna nirringrazzjaha ta' dan għax dal-ħsus maż-żmien saru bħal balla fuq l-istonku – fis-sens pożittiv tal-idjoma, sintendi. U hekk għamilt. Iżda f 'dal- apprezzament tiegħi – imwassal tramite l-frekwenzi tal-ispirti tal-mezzi soċjali tan-normalità l-ġdida – kien hemm dika x-xi ħaġa nieqsa. Qatt daqs ilbieraħ, difatti, m'għaraft in-nuqqasijiet ontoloġiċi ta' dil-metamorfożi li aktarx ser tibqa' magħna anke din is-sena. Kollox sar bħal qisu dress-rehearsal. Dad-distakk li mhux la kemm iċċekknu ħassejtu iżjed u iżjed jien u nifli l-proġett ta' diġitalizzazzjoni malti.mt tal-portal tar-riċerka tad-Dipartiment tal-Malti fl- Università. Hemmhekk fuq soudcloud smajt diversi intervisti minn kittieba u skulari Maltin li ħallewna: Ġużè Aquilina, Erin Serracino Inglott, Godfrey Wettinger, Mary Meilak, Ninu Cremona, Ġuże Diacono, Ġorġ Zammit, Ġorġ Pisani, Pietru Pawl Saydon. Ma naqasitx ukoll il-preżenza ta' drammaturgu ewlieni ieħor: Francis Ebejer. M'ilux Ġorg Mallia ppubblika fuq Facebook silta minn intervista ma' Doreen Micallef – kont ili snin biex nisma' leħinha. Ma nerġax nħalli dal-pajjiż qabel iseħħi nidħol f 'dika d-dar. Ħaġa tal-iskantament kif dawn l-ilħna ta' dawn l-ispirti jintemgħu ħajjin u mejtin, fl-istess waqt, daqs dawk tan-nies li għadhom magħna. Anke dawn il-litterati ta' dari – l-iġsma tal-iżmna tal- brodi – kienu saru iħirsa, iżda għall-inqas mhux qabel infirdu minna u ħallewna. Kultant f 'għajnejja saħansitra n-nies fuq l-iskrijn, l-ispirti tal-iġsma iħirsa li jfeġġu mill-frekwenzi ta' żmienna – mhux biss radjufoniċi iżda xorta waħda frekwenzi jibqgħu – jidhru u jinstemgħu bħala eki mill-imgħoddi, bħall- programmi mużikali li kien ixandar Eddie Darmanin. F'waħda mill-intervisti li sarulu l-filosofu Jacques Derrida kien stqarr illi minkejja li matul il-jum ma jemminx fl-iħirsa, kif jaqa' l-lejl ġieli jaħbat jibdel fhemtu. F'dal-lejl dejjiemi li waqa' lkoll fuqna, dad-dubbji ta' Derrida minn daqqiet saru jidħluli wkoll matul il-jum. Pertinenti hawnhekk il-kunċett favuluż tiegħu tal-hantologie, tant li fi żmienna sar japplika mhux biss għall-Marksiżmu iżda għall-biċċa l-kbira ta' dak kollu li sa ftit xhur ili kien isawrilna ħajjitna. U did-darba bis-sod, l-iżjed meta tqis illi mhux biss l-avvenimenti soċjali iżda anke n-nies infushom qajl qajl, kulma jmur, qed isiru jixbhu lill-ispettri: iġsma iħirsa li fil-mument qegħdin jgħixu u jitgħajxu biss bis-srieħi tal- imgħoddi. Fil-ġenesi (jew l-apaċi?) tal-bloggosfera Maltija Immanuel Mifsud kien kiteb – fil-blogg tiegħu Il-Blobb tas- Sibt Filgħaxija li wara mbagħad bħal sar jismu Tgedwid... (għax il-ħajja qiegħda xi mkien ieħor) – żewġ bloggati dwar ċerti fatati. Aktarx imnebbaħ minn Oreste Calleja semmihom Iġsma Iħirsa u Xid-dinja l-ġdida li għandha ħafna mill-istorja t'Alex Vella Gera F'Art il-Weqfin (Żewġ, 2009) – fejn Twanny Misluta dlonk jisfa' waħdu sulu f 'dinja mbattla minn kważi kollox għajr xi żewġ qtates kaġun ta' katakliżmi manja – insibha bi tqila kultant, bejn vers u ieħor, biex ma jagħtinix il-biki bħal Karl Schembri. L-iġsma iħirsa li kien kiteb fuqhom Immanuel Mifsud fil- blogg tiegħu daqs ħmistax-il sena ilu ftit li xejn għandhom x'jaqsmu mal-ispirti mlaħħma ta' żmienna. Biss, madankollu – bejn vuċi-frekwenza u oħra, bejn spettru fis-satra u ieħor, bejn bikja u oħra – f 'din l-Art il-Weqfin ħsiebi xorta spiss sar jaħbat imur lura, imqar għal ftit, għall-aħħar sentenzi tal- bloggata tiegħu Iġsma Iħirsa: "U jgħaddu s-snin u tinduna, xi darba, li l-iħirsa tal-gwerra għadhom iħufu. Jaqbżu 'l barra mill-paragrafi stampati fil- kotba, jaqbżu 'l barra minn xi midfna moħbija, u jerġgħu jibdew iduru miegħek, mal- memorja. U dak li mingħalik kien ta' darba waħda, ta' darba waħda ilu ħafna, issibu hemm iħares lejk, jistenniek tinfaqa' tibki."