Illum previous editions

ILLUM 14 March 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1350544

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 27

18 opinjoni IL-ĦADD 14 TA' MARZU 2021 • illum Josianne Cutajar Josianne Cutajar hija MEP f'isem il-Partit Laburista Il-mezzi diġitali — fil-qalba tal-irkupru mill-pandemija, u lil hinn L -isfidi ġodda li ġabet magħha l-pandemija fl-aħħar sena żgur li xprunawna biex infittxu soluzzjonijiet għalihom kemm jista' jkun fil-ħin. Dan kien ifisser ukoll li l-qalba għall-mezzi diġitali biex jgħinuna mmexxu ħafna oqsma ta' ħajjitna, kellna mmorru għaliha b'aktar ħeffa milli qatt immaġinajna. It-teknoloġija diġitali illum qed tagħtina ċ-ċans biex il-bidliet tant meħtieġa li konna nitkellmu dwarhom qabel il-Covid-19, bħas-sostenibilità, l-inklussività, u l-ħarsien tal-ambjent — issa nwettquhom b'mod effettiv, aħna u nagħmlu l-isforz li nqajmu l-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna fuq saqajhom mill-ġdid. Fil-jiem li għaddew kelli l-opportunità li nindirizza dan is-suġġett f 'żewġ fora importanti fuq livell Ewropew, wieħed ko-ordinat min-netwerk tal- medja Euractiv, li tispeċjalizza fl-oqsma ta' politika Ewropej, u forum ieħor organizzat mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kmamar tal-Kummerċ u l-Industrija — l-Eurochambres. Fl-indirizz tal-uħ għall- Euractiv sħaqt dwar il-fatt li t-teknoloġiji diġitali qegħdin dejjem aktar jieħdu rwol operattiv ċentrali fis-setturi kollha tal-ekonomija tagħna. U dan proprju għax din il- qalba, jekk tkun użata u regolata tajjeb, tista' iġġib magħha qabża fil-kwalità tas-servizzi, tal- prodotti, u tal-oqsma ta' operat ta' negozji, mhux l-inqas dawk f 'destinazzjonijiet li, bħal Malta u Għawdex stess, għandhom interessi kbar fl-industrija tat- turiżmu. Jekk inwettquha sew, l-opportunità għal titjib fl-operat tat-turiżmu permezz ta' għodod diġitali tkun waħda ta' skala kbira u li tista' ġġib magħha benefiċċji kbar. Diġà jeżistu faċilitajiet diġitali li xogħolhom hu li jiġbru d-data meħtieġa biex vjaġġi u titjiriet ikunu aktar effiċjenti, biex jiżguraw li l-ivvjaġġar ikun iżjed sigur, jipprovdu tagħrif preċiż u f 'waqtu dwar destinazzjonijiet turistiċi, ospitalità, negozji lokali u servizzi oħrajn, kif ukoll sabiex jgħinu fl-ippjanar ħolistiku tal- vjaġġi u btajjel. Aktar minn hekk, il-ħidma diġitali tgħin b'mod dirett biex nilħqu l-għanijiet ta' sostenibilità, ħarsien ambjentali u l-inklużjoni tal-persuni. U dan għaliex il-mezzi diġitali fihom infushom kapaċi jilħqu ħafna aktar persuni f 'mument wieħed, u jistgħu jidentifikaw il-ħtiġijiet u l-pjanijiet tagħhom b'mod aktar preċiż u fil-ħin. Fid-diskors tiegħi tal-uħ għall- attività tal-Euractiv, sħaqt li dan kollu jfisser li n-negozji tagħna permezz tal-għodod diġitali se jkollhom opportunità unika biex jamministraw aħjar ir-riżorsi tagħhom, u fl-istess waqt joffru esperjenza turistika aħjar u b'aktar potenzjal għall-klijenti tagħhom. Għamilt enfasi ukoll fuq il- bżonn li l-avvanzi diġitali jimxu id f 'id mat-tisħiħ tal-kuntatt uman, u tal-inkontru soċjali bejn il-persuni, li x-xjenza medika qegħda kulma jmur turina kemm huma kruċjali għas-saħħa fiżika u mentali tagħna. It-tlaqqigħ ta' persuni u kulturi huwa proprju fil-bażi tal-esperjenza reali tat-turiżmu, jiġifieri t-tgawdija fiżika tal- kulturi, lokalitajiet, divertiment u aspetti oħra li jagħmlu l-esperjenza turistika. Ladarba l-mument preżenti jirnexxilna negħlbuh, irridu naraw li t-teknoloġija diġitali isservi sabiex il-ġid soċjali tassew jissaħħaħ u jilħaq kemm jista' jkun nies. Il-ħaddiema, il-familji, in- negozji żgħar u medji — dawn kollha għandhom jibbenefikaw b'mod dirett mit-titjib u l-faċilitajiet li l-qasam diġitali jġib f 'ħajjitna. F'dan is-sens, kelli ukoll l-okkażjoni li nitkellem f 'webinar tal-Eurochambres dwar ir- rwol tal-qalba diġitali fis-settur tal-SMEs, u dan fid-dawl tal- Istrateġija Ewropea għan-Negozji Żgħar u Medji, li dwarha mexxejt Rapport f 'isem is-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew is-sena li għaddiet. Hawnhekk, il-qalba diġitali ser tkun importanti ħafna — speċjalment fejn jidħlu intrapriżi li joperaw jew minn gżejjer, jew inkella minn żoni oħra fuq il- periferiji Ewropej li għandhom sfidi ta' aċċess jew konnettività fin-negozju tagħhom. Kien proprju għalhekk li fid- diskors tiegħi ġeddidt is-sejħa lill- Kummissjoni Ewropea għal pjan ta' azzjoni għan-negozji tagħna li jkun fih skeda u stipulazzjonijiet ċari ta' żmien biex jinkisbu l-għanijiet tiegħu. Fuq quddiemnett tal-aġenda għandu jkun hemm l-għajnuniet lin-negozji tagħna biex jgħelbu l-kriżi ikkawżata mill-Covid-19, jitnaqqas minn fuqhom il-piż amministrattiv, u wkoll biex jirnexxu fit-tranżizzjoni kemm diġitali kif ukoll f 'dik ambjentali. Min-naħa tiegħi se nkompli nirsisti sabiex niżgura li s-settur tat-turiżmu, in-negozji żgħar u medji tagħna - li minnhom jiddependu eluf ta' ħaddiema - u oqsma oħra ta' ħidma jkunu verament fiċ-ċentru tal-isforz biex nirkupraw mill-effetti tal- pandemija. Persważa ukoll li l-għodod diġitali, l-informatika u l-intelliġenza artifiċjali ser ikunu fuq quddiem kemm fl-isforz biex l-għanijiet ta' irkupru mill- pandemija jintlaħqu fl-iqsar żmien possibli, kif ukoll fit-tifsil ta' pjanijiet għas-soċjetajiet u l-ekonomiji Ewropej fil-ġejjieni qrib.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 14 March 2021