Illum previous editions

ILLUM 14 March 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1350544

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 27

15 aħbarijiet illum • IL-ĦADD 14 TA' MARZU 2021 Vaċċin b'doża waħda! Imma x'fih? Huwa effettiv? L-ILLUM tispjega Din il-ġimgħa ġie approvat ir-raba' vaċċin għall-użu fl-Unjoni Ewropea, dak ta' Johnson & Johnson. Imma x'inhu eżatt? Huwa effettiv? Kif jaħdem? YENDRICK CIOFFI Nhar il-Ħamis li għadda, l-Aġenzija Ewropea għall- Mediċina (EMA) approvat il- vaċċin ta' Johnson & Johnson għall-użu fl-Unjoni Ewropea u ddikjarat li huwa sigur u effettiv. Dan il-vaċċin għandu diversi vantaġġi fosthom li jista' jinżamm f 'temperatura ta' bejn 2 u 8 gradi celsius (friġġ normali) għal mhux aktar minn tliet xhur u għalhekk huwa faċli mmens biex jinħażen. Dan għall-kuntrarju, pereżempju, tal-vaċċin ta' Pfizer, li jrid jinżamm f 'temperaturi ta' madwar 75 gradi celsius taħt iż- żero għal mhux aktar minn sitt xhur. Iżda żgur li l-akbar vantaġġ tal-vaċċin ta' Johnson & Johnson huwa li jirrikjedi biss doża waħda u mhux tnejn, bħall-vaċċin ta' Pfizer/BioNTech, Moderna u AstraZeneca/Oxford. Imma x'nafu eżatt dwar dan il- vaċċin? La jirrikjedi doża waħda biss huwa biżżejjed effettiv? F'dan l-artiklu, il-gazzetta ILLUM se tipprova tispjega dawn il-mistoqsijiet. Minn riżultati miksuba mit-testijiet kliniċi, li fihom kien hemm involuti xejn inqas minn 44,000 persuna (mill-Istati Uniti, l-Afrika ta' Isfel u anke minn pajjiżi fl- Amerika Latina), jirriżulta li dan il-vaċċin huwa effettiv biex jippreveni l-Covid-19 f 'persuni li għandhom minn 18-il sena 'il fuq. Nofs dawn l-44,000 persuna ngħataw doża waħda tal-vaċċin, filwaqt li n-nofs l-ieħor ingħataw tilqima oħra, dik li tissejjaħ placebo. Huma ma kinux jafu jekk ħadux it-tilqima jew il-placebo. Ir-riżultati ta' dawn it- testijiet kliniċi sabu li l-vaċċin ta' Johnson & Johnson imsejjaħ Janssen, naqqas ir-riskju ta' infezzjonijiet sintomatiċi b'67%. Fil-fatt, minn 19,630 persuna li ngħataw il-vaċċin, kienu 116 li żviluppaw is-sintomi tal- Covid-19. Minn fost dawk li ngħataw il- placebo, kien hemm 348 persuna li żviluppaw sintomi. Anke jekk l-effettività tidher inqas minn dik tal-vaċċini l-oħra approvati qabel, xorta jibqa' l-fatt li dan il-vaċċin inaqqas drastikament ir-riskju li persuna jaqbadha l-Covid-19 u tiżviluppa sintomi severi. Fil- fatt, fejn jidħlu s-sintomi severi, dan il-vaċċin inaqqas ir-riskju b'85%. Għandu sintomi sekondarji? Bħal kull vaċċin ieħor (mhux ta' kontra l-Covid-19 biss), anke min jieħu l-vaċċin Janssen jista' jiżviluppa sintomi sekondarji, fl-ewwel ftit jiem wara li jkun ħa t-tilqima. Fil-fatt, skont l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina, dawn is-sintomi sekondarji huma moderati ħafna u jdumu biss ftit jiem. L-aktar komuni kienu uġigħ fl-id fejn tkun ingħatat it- tilqima, uġigħ ta' ras, għejja u uġigħ fil-muskoli. Ta' min isemmi li dan mhuwiex l-ewwel vaċċin li ħadmet fuqu din il-kumpanija. Fil-fatt, Johnson & Johnson, madwar għaxar snin ilu, kienet żviluppat vaċċin kontra l-Ebola u mard ieħor. F'Marzu tas-sena li għaddiet, Johnson & Johnson irċeviet $456 miljun mill-Gvern tal-Istati Uniti biex tkun tista' tkompli taħdem fuqu. L-Unjoni Ewropea kienet laħqet ukoll ftehim ma' Johnson & Johnson għal 200 miljun doża. It-tir tal-kumpanija huwa li tipprovdi minn tal-inqas biljun doża tal-vaċċin fl-2021. Kif jaħdem dan il-vaċċin? Bħal vaċċin tal-kumpaniji l-oħra, anke Janssen jaħdem billi jipprepara lill-ġisem biex jiddefendi lilu nnifsu kontra l-Covid-19. Madanakollu dan huwa magħmul minn virus ieħor, adenovirus (li ma jagħmilx ħsara), u li ġie mmodifikat biex ikun jinkludi l-ġenetika (bħal kodiċi) li tagħmel dik 'ix-xewka' (spike protein), li wieħed isib fil- Covid-19. Din hija proteina li l-Covid-19 għandu bżonn biex jidħol fiċ- ċelloli umani. Għalhekk, l-adenovirus jgħaddi din il-ġenetika tal- Covid-19 fiċ-ċelloli tal-persuna li tkun ħadet it-tilqima. Iċ-ċelloli umani mbagħad jużaw dik il-ġenetika biex jipproduċu dik 'ix-xewka.' Fi kliem sempliċi, meta l-ġisem jagħraf din 'ix-xewka,' jinduna li mhijiex parti minnu u li ma għandhiex tkun fil-ġisem u għalhekk jibda jipproduċi dawk l-antibodies, li l-esperti jiddeskrivuhom bħala dawk is- suldati fid-demm li jiġġieldu l-mard, inkluż lill-Covid-19 Jekk 'il quddiem il-persuna li tkun ħadet it-tilqima tiltaqa' mal-Covid-19, is-sistema immunitarja tagħraf minnufih din 'ix-xewka' fuq il-virus u tkun lesta biex tiddefendi lill- ġisem kontriha. Importanti li wieħed jifhem li l-adenovirus fil-vaċċin ma jistax jirriproduċi u għalhekk ma jistax jikkawża l-marda jew inkella xi sintomi marbuta.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 14 March 2021