Illum previous editions

ILLUM 14 March 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1350544

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 27

21 editorjal illum • IL-ĦADD 14 TA' MARZU 2021 ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Editur: Albert Gauci Cunningham Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt M eta tara ċelebrazzjonijiet għaddejjin, jew nies jiltaqgħu biex jilgħabu t-tombla jew inkella meta tara lil min jiġġustifika xi U turn bħal dik tal-ħwienet tal-lottu jew inkella meta tara lil min jiġi jaqa' u jqum, tinduna li ħafna għadhom mhumiex qed jirrealizzaw kemm ir-riskji huma kbar. Kemm hemm x'nitilfu. L-ewwel u qabel kollox, kemm qed nirriskjaw li jintilfu aktar ħajjiet ta' nies vulnerabbli, anzjani imma wkoll ħajjiet issa ta' nies li għadhom relattivament żgħar, li ma humiex vulnerabbli jew li ma kellhomx problemi serji ta' saħħa qabel qabadhom il-Covid-19. Din il-ġimgħa rajna persuna taqsam l-esperjenza tagħha ta' missier li tpoġġa fl-Isptar ma' 13-il persuna oħra, ħa l-Covid-19 minn hemm u ħalla din id- dinja. Meta staqsa għaliex ma tpoġġiex f 'ward b'inqas nies ir-risposta kienet: "M'għandniex post." Daqstant hija gravi is-sitwazzjoni. Dan mhux qrid jew tgergir li bħalissa qed isir ħafna minnu - u wieħed jiem għax in-nies issa xebgħu u ddejjqu wara sena ta' restrizzjonijiet u aħbarijiet ħżiena. Din hija bozza ħamra li qed iteptep biex tiġbdilna l-attenzjoni u ma nistgħux ngħidu li ma għandniex eżempju ċar x'jiggwidana. Is-sena l-oħra meta s-sitwazzjoni f 'Malta kienet taħt kontroll u meta il-każi kienu kważi dejjem taħt il-100 kuljum, fl-Italja kienu qed imutu ż-żgħażagħ u l-isptarijiet kienu tant mimlijin li l-infermiera spiċċaw kellhom jagħżlu lil min se jikkuraw. Dan mhux negattiviżmu u pessimiżmu, din hija realtà li frankament, b'erba' ITUs iddedikati għall-Covid-19 biss (34 pazjent f 'Malta u f 'Għawdex fl-ITU minħabba l-Covid-19), kważi 1,900 każ ġdid sa minn nhar it-Tnejn u ħaddiema tas-saħħa li huma mkissrin bix-xogħol, mhix eżattament xenarju remot. Imma mhux dan biss qed nirriskjaw. Pajjiżi bħal Ċipru qed jaraw żidiet qawwijin fil-bookings tat-turisti, tirrapporta e Guardian, kif qed tesperjenza l-Portugall - speċjalment għax-xhur ta' Lulju u Awwissu. Diversi linji tal-ajru għal destinazzjonijiet bħat-Turkija diġà bdew jirriklamaw biex in-nies imorru vaganza f 'dan il- pajjiż bi prezzijiet inqas u xi pajjiżi diġa' fformolaw bħal ċertifikat li bih turisti jistgħu jidħlu. U Malta tinsab f 'din il-morsa. Titqarrqux, ħadd mhu se jistenna lilna. Ħadd mhu se jagħmlilna karità u joqgħod jistenna lil Malta tiġi f 'postha. Jekk naqgħu lura, se nagħmlu dan għas- spejjeż tagħna u se nitilfu staġun ieħor ta' turiżmu b'mod assolut, se jkomplu jagħlqu l-istabbilimenti, se jkomplu jitilfu xogħolhom in-nies, il-finanzi tal-pajjiż se jkomplu jgħerqu u dan kollu jfisser li t-tbatijiet se jkomplu jiġġebbdu u jitwalu. Din mhux ċajta u ejja ma nittrattawhiex daqslikieku hi! Ir-riskji huma ċari u huma kbar. Ejja ma nissottovalutawhomx. Kellna nagħmlu dawn il-miżuri tal-lum f 'Jannar? Wara kulħadd bravu, pero' forsi iva kieku ħadna miżuri f 'Jannar jaf konna nikkontrollaw in-numri ahjar. Hu x'inhu llum hawn qegħdin. F'nofs l-akbar riċessjoni ekonomika li ra dan il-pajjiż u d-dinja sa' mit-Tieni Gwerra Dinjija u fl-akbar kriżi ta' saħħa pubblika fi snin twal. Ejja nirriflettu, naħdmu flimkien, nagħmlu dan (nittamaw l-aħħar) sforz ħalli jekk Alla jrid ma ndumux biex dan kollu jkun memorja kerha tal-passat. Jekk ma nagħmlux dan, jekk il-Gvern joqgħod jilgħab mal-miżuri skont min jagħmillu l-aktar pressjoni u jekk aħna lkoll ma nġorrux dan il-piż, il-futur jaf ikun aktar imċajpar milli hu l-preżent. Kuraġġ poplu! Il-prezz tal-indifferenza u l-laxkezza huwa għoli... ejja noħorġu minn din flimkien!

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 14 March 2021