Illum previous editions

ILLUM 28 March 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1356244

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 27

09 illum • IL-ĦADD 28 TA' MARZU 2021 aħbarijiet 'Niddubita li negozji żgħar se jifilħu għal estensjoni tal-lockdown ... is-sitwazzjoni hija serja ħafna' Il-pandemija issa daħlet f'mumenti kruċjali u kritiċi, anke għall-ekonomija tagħna. Imma r-restrizzjonijiet ta' bħalissa fejn qed iħallu lin-negozji tagħna? U jekk fil-11 ta' April dan il-lockdown għal eluf ta' negozji jkun estiż, se jifilħu għalih? Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-MEA u l-Kamra tal-SMEs .... ALBERT GAUCI CUNNIGHAM Jekk wara l-11 ta' April - sa meta huwa ppjanat sa issa illi jkompli l-lockdown ta' eluf ta' negozji - ikollha ssir estensjoni tat-tali lockdown, hemm ħafna negozji, b'mod speċjali dawk żgħar u li huma mmexxijin minn familji illi jkollhom jgħalqu. Dan is-sentiment esprimietu l-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal- SMEs Abigail Mamo li saħqet illi "s-sitwazzjoni hija serja. Niddubita ħafna li negozji żgħar u tal-familja se jirnexxielhom jifilħu għal xahar jew estensjoni ta' xahar u nofs oħra." Mal-ILLUM Mamo sostniet illi għalkemm is-sitwazzjoni ta' bħalissa n-negozji żgħar u medji diġà għaddew minnha, "is-sena l-oħra it kellna negozji li kienu jilmentaw jew jistaqsu għaliex qed jgħalquna. Imma llum differenti. Ta' kuljum qed nirċievu telefonati ta' nies li jmexxu negozju illi qed jinkwetaw u li qed jaraw illi ta' kuljum qed jitilfu mis-suq." Hija sostniet illi llum ħafna negozji qed jerġgħu jagħmlu telf hekk kif huma magħluqin, huma inqas paċenzjużi, iktar aġitati u "estensjoni oħra ta' dawn il-miżuri jkun ifisser inkwiet kbir. Is- sitwazzjoni hija serja ħafna." Mamo sostniet illi hemm bżonn wieħed jiem illi mhux faċli tkun "bil-mannara fuq rasek" ma tafx hux se jkollok xogħol wara l-11 ta' April. 'L-irkupru mistenni fl-2021 mhuwiex dak li ħafna ħasbu li se jkun' Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll mad-Direttur Ġenerali tal- Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem (MEA), Joe Farrugia, li qal illi fir- realtà ħadd ma' kien qed ibassar fil- bidu ta' din is-sena li tant negozji se jkunu magħluqin sa dan iż-żmien, issa li prattikament kważi deħlin f 'April. "Mhux qed ngħid li ħażin illi hawn dan il-mini lockdown, imma kien hemm aspettativa li l-irkupru se jkun aktar malajr," sostna Farrugia mal-ILLUM. Huwa fakkar li s-settur turistiku għadu qed iħoss għafsa kbira, u l-operaturi qed jibżgħu li se jintilef staġun ieħor ta' turiżmu. "L-impressjoni kienet illi din is-sena se nibdew nirkupraw u nemmen li se jkollna irkupru, imma mhux daqs kemm ħafna kienu qed jistennew." Mistoqsi minn din il-gazzetta dwar l-impjiegi u jekk hemmx problema ta' tkeċċijiet minn min iħaddem Farrugia saħaq illi mhux kull settur huwa fl-istess ilma. "Il-manifattura għaddejja b'mod mhux daqstant ħażin u saħansitra hemm kumpaniji li qed jiżdidilhom ix-xogħol, l-aktar dawk fl-esportazzjoni." Huwa qal illi anke s-servizzi finanzjarji sejrin tajjeb - b'uħud li saħansitra żdidilhom ix-xogħol minħabba l-pandemija. Farrugia kompla jgħid li l-akbar inkwiet f 'dan is-settur hija l-governanza u esprima tama li malajr kemm jista' jkun jiġi ppubblikat ir-rapport tal- Moneyval, sabiex dan is-settur jiġi f 'postu. Huwa jammetti illi kien hemm numru ta' nies li kellhom jitwaqqfu mix-xogħol, "imma fil-kuntest tal-fatt li hemm ukoll ħafna talbiet għax-xogħol. Hemm ħafna kumpaniji li qed ifittxu n-nies, iżda li qed jirrikorru għal ħaddiema barranin - minħabba nuqqas ta' ħiliet jew inkella nuqqas ta' interess." Huwa fakkar li ħafna kumpaniji żammew in-nies magħhom grazzi għas-Suppliment tal-Paga li introduċa l-Gvern, li jsejħilha "life support". "Imma dan ma jfissirx li b'hekk qed ikopru l-ispejjeż. Hemm il-kirjiet, hemm l-istokks li ma jistgħux ibiegħu - dan kollu telf u telf sostanzjali għal ċerti negozji." Farrugia jfakkar li naturalment anke fil-bejgħ bl-imnut mhux kulħadd jinsab fl-istess ilma. Hemm ħwienet bħal tal-ħwejjeġ li ħadu daqqa kbira, u hemm oħrajn li jbiegħu tagħmir elettroniku li sejrin tajjeb. 'U wara l-11 ta' April, x'se jiġri?' tistaqsi l-gazzetta ILLUM. Hu jwieġeb billi jfakkar li xejn mhu ċert u li huwa importanti hu li jkomplu jonqsu n-numri. "Jiena naqbel mal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, meta jgħid li rridu noqgħodu attenti li ma niħux bl- għaġġla sabiex ma jintilfix staġun ieħor tas-sajf." 'Is-suppliment tal-paga hija tajba ħafna, imma xorta hemm telf kbir' Mamo tesprimi wkoll l-istess sentiment ta' Farrugia u tgħid illi filwaqt li kien hemm negozji li kellhom it xogħol grazzi għall- vouchers, hemm mijiet ta' negozji oħrajn - bħal taxis, operaturi tat- tiġijiet u aġenziji tal-ivvjaġġar - illi ma kellhom kważi xejn xogħol. Hija ddeskriviet bħala "totalment mhux reali" l-istampa li jkun hemm min ipinġi illi bis- Suppliment tal-Paga u miżuri oħrajn - anke jekk tajbin ħafna - qed jiġu koperti l-ispejjeż. "Is-Suppliment tal-Paga hija għajnuna kbira. Imma hawn min qed isofri telf kbir. Ma ninsewx li ħafna nies li jħaddmu ħallsu s-suppliment u taw aktar flus minn hekk sabiex iżommu lill- impjegati." Hija tfakkar li mhux faċli - b'self u bl-ispejjeż tal-ħajja - persuna tgħix b'madwar €700 - €750 fix- xahar għal sena sħiħa. Tfakkar illi hemm il-kirjiet u li l-Gvern kien ħareġ skema biex jgħin għax ħafna sabuha diffiċli jikkonvinċu lis-sid biex inaqqas jew saħansitra jwaqqaf il-kirja. Tesprimi tama li jerġa' jkun hemm xi ħaġa simili. Abigail Mamo temmet tgħid illi f 'ċerti setturi naqsu l-ħaddiema mhux għax tkeċċew, imma għax telqu huma. Fil-fatt, tispjega, fil- qasam tal-avvenimenti l-ħaddiema naqsu b'madwar 40%, għax marru f 'oqsma oħrajn fejn ma jitħallsux bis-suppliment tal-paga li qed joffri l-Gvern biss. Joe Farrugia Abigail Mamo

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 28 March 2021