Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1365193
09 illum • IL-ĦADD 25 TA' APRIL 2021 aħbarijiet Malta b'fost l-ogħla rati ta' riskju ta' faqar fost ġenituri waħedhom ... ... imma b'fost l-inqas rati ta' familji b'intensità baxxa ta' xogħol ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Malta għandha waħda mill- aktar livelli baxxi ta' familji illi fihom hemm intensità baxxa tax-xogħol, jiġifieri persuni taħt id-59 sena li jgħixu f 'dar fejn xi ħadd li ħadem inqas minn 20% tal-potenzjal tiegħu fl-aħħar sena - probabbilment minħabba li jkunu bla xogħol jew għal raġunijiet oħrajn bħal tqala, trobbija jew mard imma li ma jinkludux studenti u persuni ta' fuq is-60 sena. Iżda l-faqar fost ġenituri waħedhom f 'pajjiżna fl-2019 kien fost l-ogħla fl-UE. Dan jirriżulta minn studju ippubblikat din is-sena mis- Servizz tar-Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) bl-isem Demographic Outlook for the European Union - 2021. Sal-2019 - qabel il-pandemija - f 'Malta kien hawn 4.9% tal-poplu li kien qed jgħix f 'familji b'intensità baxxa, viċin is-sitwazzjoni fiċ- Ċekja (4.2%), il-Polonja (4.7%), l-Ungerija (5%) u l-Islovenja (5.2%). Fuq in-naħa l-oħra tal-ispettru l-aktar pajjiżi illi fihom hemm persuni li qed jgħixu f 'familja fejn l-intensità tax-xogħol hija baxxa huma Spanja b'10.8%, il- Belġju (12.4%), l-Irlanda (13.6%) u l-Greċja (13.8%). F'dan l-istudju jirriżulta wkoll li d-differenza fil-faqar meta wieħed jikkunsidra l-benefiċċji soċjali u mingħajrhom mhux daqstant kbira, daqs kemm hi f 'pajjiżi bħall- Irlanda, il-Finlandja u l-Awstrija - li allura jfisser li f 'dawn il-pajjiżi l-benefiċċji soċjali huma l-aktar effettivi kontra l-faqar. Ġenituri waħedhom jibqgħu fost l-aktar vulnerabbli Madwar l-Unjoni Ewropea, jgħid dan l-istudju, ġenituri waħedhom (single parents) jibqgħu l-aktar settur tal-poplu li jbatu mill-faqar. Fl-2019 f 'Malta, maġġoranza assoluta - jew 51.3% ta' dawk li huma ġenituri waħedhom - kienu fir-riskju tal-faqar jew esklużjoni soċjali, li hija ħafna ogħla mill- medja ta' 40.3% tas-27 pajjiż tal- UE. Ir-riskju ta' faqar fost adulti li jgħixu waħedhom jinżel għal 28.8% - li huwa inqas mill-medja Ewropea ta' 32%, filwaqt li fl-2019 l-faqar f 'familji fejn mqar persuna hija pensjonanta f 'Malta (33.8%) kienet id-doppju tal-medja Ewropea (15%). L-iktar pajjiż illi fih hemm nies f 'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali huwa l-Bulgarija, fejn 36.5% ta' dawk mingħajr tfal u 28.7% ta' dawk bit-tfal jinsabu f 'din il- qagħda finanzjarja. Dan ir-rapport juri wkoll kif madwar l-UE, l-akbar persentaġġ ta' faqar jinsab fost nisa ta' 60 sena jew aktar hekk kif fl-2018 ir-rata ta' nisa f 'riskju ta' faqar kienet ta' 17.7% filwaqt li dik tal-irġiel kienet ta' 14.4%. Jispjega kif din id-differenza hija frott diversi fatturi ekonomiċi u soċjali bħad- differenzi fil-pagi bejn il-ġeneri u perjodi inqas ta' xogħol minħabba trobbija u xogħol relatat mal- familja. 92.4 miljun f'riskju ta' faqar - Ir- Rumanija, il-Latvja u l-Bulgarija l-ifqar Ir-rapport tal-EPRS juri kif fl- 2019, qabel il-pandemija li huwa mium li reġgħet żiedet in-numru ta' dawk f 'riskju ta' faqar, kien hawn xejn inqas minn 92.4 miljun Ewropew li jinsabu f 'riskju ta' faqar jew esklużjoni. Dan iżda jimmarka tnaqqis mill-108.7 miljun fl-2012. 5.2 miljun minn dawn kienu qed jesperjenzaw it-tliet fatturi kollha tal-faqar: faqar monetarju, faqar sever u intensità baxxa ta' xogħol. Ftit iktar minn 8 miljuni kienu qed jgħixu fil-faqar - imma ma kinux jgħixu f 'residenzi b'intensità baxxa ta' xogħol filwaqt li b'kollox 24.5 miljun kienu persuni deprivati severament, madwar l-UE. L-aktar pajjiżi fejn kien hemm nies f 'riskju ta' faqar fl-UE fl- 2019 huma: Ir-Rumanija (23.8%), il-Latvja (22.9%), il-Bulgarija (22.6%), l-Estonja (21.7%) u Spanja (20.7%). L-ogħla rati ta' persuni deprivati severament bejn l-2010 u l-2019 huma: Il-Bulgrija (19.9%), il- Greċja (15.9%) u r-Rumanija (12.6%). Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill- Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.