Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1395899
16 letteratura IL-ĦADD 25 TA' LULJU 2021 • illum Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Palazzi fl-art u kastelli fl-ajru Is-sondaġġi dwar il-qari donnhom qatt ma jkollhom tmiem hieni. Speċjalment dawk għal Malta fejn ilna żmien u għomor nilmentaw dwar dan il-poplu li ma jaqrax. Huwa ilment simili għal dak ta' bosta pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa, fejn donnu dejjem jiġi kkonfermat il-klixè ta' kif ix-xemx u l-istedina għall-ħajja fil-beraħ ma jqanqlux il-ħtieġa għall-qari u r-riflessjoni daqs kemm jagħmlu l-ksieħ u l-borra tat-Tramuntana li jżommuk maqful ġewwa. Sondaġġ riċenti għall-Illum jikkonferma din ix-xejra, almenu mal-ewwel daqqa t'għajn, u kontemporanjament sondaġġ ieħor fl-Italja ta' ftit jiem wara jdoqq l-istess twerżiqa tal-balomba. Hemm kriżi ġenerali fil-qari, miġjuba anki mill- kundizzjonijiet ekonomiċi sfavorevoli tal-pandemija u, bħal fil-każ tal-editorija Maltija, l-għeluq id-dar ma fissirx bilfors li dak li jkun tħajjar jaqbad ktieb f 'idejh. Bl-istess mod, jidhru xejriet ta' tnaqqis fil-qasam tal-qarrejja 'dgħajfa', dawk li ġa qajla jaqbdu ktieb fis-sena. Ir-riżultati jistgħu jiġu interpretati faċilment, forsi wisq, bit-tort jaqa' mill-ewwel fuq varjetà ta' fatturi, mill- kompetizzjoni qawwija tal- online sal-kunsiderazzjoni ġenerali ta' kriżi kulturali mifruxa li tħabbar l-avvent tal- barbari jħabbtu ma' bwieb il-belt. Huma kunsiderazzjonijiet li, madankollu, jidhru mgħaġġla, anki meta wieħed jipprova jistħarreġ ir-riżultati f 'ċertu dettall. Fil- każ ta' Malta, ir-ritratt juri li l-ktieb xorta waħda għadu jolqot mill-inqas wieħed minn kull tlieta tal-popolazzjoni. Dak li għandu mnejn jidher bħala problematiku jaf jiġi sfruttat għat-tajjeb jekk ninsew għal ftit ir-retorika intellettwali li tikkastiga lil min ma jaqrax u jekk naraw fejn eżattament il-qari għadu ħaj jew saħansitra kapaċi jkompli jikber u jiffjorixxi: iż-żgħażagħ u l-qasam bejn is- 16 u l-35 sena, u s-settur tal-popolazzjoni li għandu edukazzjoni terzjarja. Tista' ma tkunx konsolazzjoni, speċjalment għal min jaqla' x'jiekol mill-qasam tal-kotba, u anki għal dawk li jemmnu li l-qari għandu xi setgħa ċivilizzanti. Din tal-aħħar jaf fehma qarrieqa, anki jekk intenzjonata tajjeb, għaliex ta' min anki wieħed jiddiskuti dak li huwa x'aktarx mit li jsostni l-qari huma minnu nnifsu edifikanti u jagħmlek aħjar. Mingħajr ma naqgħu għall-eżempji estremi ta' nies kolti li xorta waħda kienu kapaċi jwettqu għemil mill-aktar ħajjen, anki ħarsa lejn il-panorama editorjali kontemporanja turina varjetà immensa ta' xogħlijiet popolari li mhux bilfors jidħlu kexxun f 'din il-viżjoni. Il- gwerer kulturali mmexxija minn xi ħadd bħal Jordan Petersen żgur żiedu l-qari f 'kategorija ta' rġiel qed ifittxu sens ġdid għall-eżistenza tagħhom f 'dinja soċjalment aktar inkomprensibbli. Min- naħa l-oħra, se ssib, l-aktar fuq in-naħa l-oħra tal-barrikata ideoloġika, min sejjer jinkwieta dwar influwenzi bħal dawn li jmorru kontra idea monolitika tal-kultura bħala li, biex nagħtu biss żewġ eżempji kuntrastanti, jew tirfinalek is- sentimenti u ġġibek ċertu xorta ta' doċli, jew inkella tqanqlek biex tkisser sistema li daż-żmien, madankollu, jew hemm aktar minn waħda minna jew inkella mhijiex l-istess għal kulħadd. Il-każ tal-Italja narah dejjem interessanti għax pajjiż simili għal tagħna, mhux biss fis-sens vag tal- ambjenti u t-temperamenti, imma anki minħabba r-rabta storika u kulturali tant qawwija, iżda li spiss tiġi sottovalutata anki mill-intellettwali. Sa mis-sittinijiet, dawwarna ħarsitna lejn id-dinja Anglo- Sassona li mhux bilfors dejjem qdiet il- ħtiġijiet speċifiċi tagħna, sal-adorazzjoni kontemporanja tal-Iżlanda (u forsi anki x-xiri għami tan-nation building tal-gżira Skandinava) li donnha kull fejn tmiss kulturalment isirilha deheb, mill-mużika sal-letteratura, u saħansitra fl-isport. Id- dinja, naturalment, hija enormi, u filwaqt li m'għandniex nibqgħu kkakkmati fi globu wieħed, jew inkella nerħu dinja biex nivvjaġġaw lejn oħra, ikun siewi li nżommu ħarsa miftuħa u mifruxa daqs l-infinità ta' stimoli li daż-żmien jiġuna mid-dinja online. X'qed jaqraw it-Taljani bħalissa? Minkejja t-tgergir ġustifikat, f 'pajjiż bi storja kulturali ta' min jgħir għaliha, u ħemel kotba u pubblikaturi ta' kull xorta, Irvin Welsh