Illum previous editions

ILLUM 15 August 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1401706

Contents of this Issue

Navigation

Page 7 of 27

08 analiżi IL-ĦADD 15 TA' AWWISSU 2021 • illum Ħafna paġni, imma erba' tagħlimiet Sar ħafna storbju ġustifikat, inkitbu ħafna artikli, ttellgħu ħafna statuses, saru ħafna sfidi biex jitkeċċa dak jew l-ieħor - imma fl-aħħar mill-aħħar x'inhuma l-aktar affarijiet importanti jekk dan il-pajjiż ma jridx jirrepeti l-istess żbalji li waslu għal assassinju. Il-gazzetta ILLUM tħares lejn erba'... ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Issa li għaddew aktar minn ġimagħtejn minn meta kien ippubblikat ir-rapport tal- Inkjesta Pubblika fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u wara li ngħata t-tort - din il-gazzetta xtaqet tanalizza x'inhuma l-akbar u l-aktar tagħlimiet importanti sabiex dak li seħħ ma jerġax iseħħ u sabiex dan l-assassinju verament ma jkunx seħħ għalxejn. Qabel nibdew inħarsu lejn l-aktar tagħlimiet importanti, tajjeb infakkru li l-pożizzjoni li ħadet il- gazzetta ILLUM kienet illi apparti li kkritikat bil-qawwi l-operat tal- Gvern immexxi minn Muscat/ Schembri, f 'editorjal separat fakkret illi l-vera bidla tista' sseħħ jekk tinbidel is-sistema u s-sistema tista' tinbidel biss jekk ikun hemm bidliet fil-mentalità imma wkoll bidliet fl- operat tal-Gvern. Għalhekk hawn huma l-aktar erba' tagħlimiet importanti li għandna nieħdu minn dan ir- rapport: Qrubija żejda bejn il-politika u n-negozju għandha tkun evitata In-negozju huwa kruċjali għax-xogħol, l-investiment u l-ekonomija. Huwa f 'dan is-sens li "qrubija" bejn il-politika u n-negozju hija meħtieġa - biss iżda biex il-politiku joħloq ambjent u jagħmel miżuri li jħeġġu ħajjet dak in-negozju jopera bl-inqas diffikultà. Naturalment Gvern xellugi għandu jara li dan isir dejjem b'rispett sħiħ lejn id- drittijiet tal-ħaddiem u li kull inċentiv jingħata biss lil min iħares il-liġijiet tax-xogħol b'mod assolut. Jekk hux qed isir hekk jew le bħalissa huwa suġġett ta' analiżi profonda, studju u anke diskussjoni oħra! Meta iżda l-mentalità tan- negozju tinfiltra u titfixkel mal- governanza u allura l-qrubija ssir tant kbira li tisfoka d-differenzi meħtieġa bejn il-politika u n-negozju - jiġri li kollox isir parti minn negozju, inkluż l-assi tal-pajjiż. Għalhekk kif qal ir- rapport, ikollok il-poter politiku qed jaħdem mal-poter tal-flus u n-negozju, jaqdu lil xulxin u l-interessi ta' xulxin f 'bilanċ delikat ħafna. Dan meta l-interess politiku u dak tan-negozju mhuwiex l-istess: L-interess politiku huwa dak tal-ġid komuni, il-ħarsien tal-assi tal-pajjiż b'orgolju, il-qalb soċjali u t-twettiq tal-ideoloġija politika ta' dak il- partit fil-governanza. Minn naħa l-oħra, l-interess tan-negozju huwa wieħed u suprem, il-profitt. Mela jekk għandek tliet sptarijiet pubbliċi - in-negozjant se jara kif se jimmassimizza l-profitti fuqhom jekk jiġu f 'idejh. Il-politiku xogħlu huwa li jara illi l-privat iwassal għal servizz aħjar. Il-każ tal-VGH huwa wieħed klassiku ta' meta l-interessi tal- but ġew qabel dawk komuni - tant li minkejja flejjes kbar pubbliċi mogħtija lilha l-VGH ma għamlet xejn, iddikjarat falliment u ċediet il-konċessjoni. Jekk għandek biċċa art kbira u tgħaddiha lil kumpanija ta' miljunarji biex jinħoloq ix- xogħol fuqha trid tara li dak ix- xogħol jinħoloq. Mhux nagħtu l-art u ma jsir kważi xejn. Smart City hija eżempju klassiku ta' ass ieħor tal-poplu (l-art) li intuża biex tinbigħ ħolma qarrieqa. Li minnha - bħal VGH - l-interess tan-negozju u flus kien superjuri għal dak tal-ġid komuni (politika). Il-qrubija żejda bejn il-politiku u n-negozju tqajjem dubji f 'kull aspett: fl-aspetti tal-ippjanar - u allura li "dawn l-applikazzjoni tagħhom dejjem se jgħaddu għax dawn ta' ġewwa." Fl-aspetti tal-governanza: "Alla jbierek it- tender joħroġ eżatt biex jirbħu dak", fl-aspetti tal-iffinanzjar tal-partiti, fl-aspetti wkoll ta' klijenteliżmu u allura l-"ħbieb tal-ħbieb". Din mhijiex xi ħaġa ġdida u l-akkużi ta' qrubija żejda u ħbieb tal-ħbieb mhux illum qed isiru l-ewwel darba u lanqas se jieqfu. L-uniku differenza hija li sa issa jidher - skont dan l-istess rapport - illi kienet l-ewwel darba li dawn l-interessi b'saħħithom ġew flimkien biex eliminaw persuna li kienet qed thedded l-istess interessi. Il-finanzjament tal-partiti: Raġuni għaliex wasalna sa hawn u għaliex l-affarijiet ftit jistgħu jinbidlu "U dawn mhux it-tnejn l-istess", "ma hemmx differenza bejn il-PN u l-PL" - huma żewġ stqarrijiet li tisma' ħafna drabi fit-toroq, pjazez u fuq il-midja soċjali u l-finanzjament tal- partiti hija waħda mir-raġunijiet għal din il-perċezzjoni popolari. Il-perċezzjoni hija li ż-żewġ partiti l-kbar jinsabu - min ftit u min ħafna, min illum u min ilbieraħ "fil-but tal-miljunarji." Smajna ħafna stejjer tal-famuża JS List fiż-żmien Gvernijiet Nazzjonalisti u l-qrubija tal- familji Fenech, Gasan u Apap Bologna llum mal-Gvern minħabba l-proġett tal-Power Station kif ukoll il-familja li tmexxi d-DB group - li mhux biss hija meqjusa li saret qrib il-Gvern preżenti imma wkoll li kienet tħallas ċerti pagi fil-Partit Nazzjonalista. U hemm nies u familji oħrajn - Zammit Tabona, per eżempju li ra l-imperu ta' negozju tiegħu jieħu spinta 'l quddiem fl-aħħar snin u fil- passat kien hemm ta' Hili. Ma hemm xejn ħażin li negozju jikber u persuna tagħmel profitti kbar, iżda meta jidħol id-dubju illi l-interessi tan-negozju qed jiffinanzjaw il-politika, lil xi politiku jew inkella partit, biex imbagħad "jaqsmu" l-poter - jinżera' d-dubju fuq il-proċess kollu politiku - fuq it-tenders li joħorġu, fuq min jirbaħ dawk it- tenders, fuq kif saru t-tenders .... fi kliem ieħor tinżera' n-nuqqas ta' fiduċja fis-sistema! Jidher li minkejja bidliet fil-liġi xorta instabu modi kif min irid qed idur mas-sistema, permezz ta' ftehim ta' ħlas pagi għal riklamar b'xejn, per eżempju. Għalhekk l-ikbar tagħlima hawn hija li hemm bżonn tinbidel is-sistema tal- iffinanzjar tal-partiti: Waħda li taqta' b'mod assolut il-qrubija żejda u l-flus deħlin mingħand in-negozju għal għand il- politiku biex b'hekk jinqatgħu l-obbligazzjonijiet naturali li qed jinħolqu lejn l-interessi tan- negozju u li fl-aħħar mill-aħħar qed jaċċertaw li l-bidla vera ma sseħħx. Naturalment ma' dan, il- partiti - li llum jmexxu operat kbir b'midja (gazzetti, stazzjon u portals), għexieren ta' ħaddiema u proprjetajiet bl- ispejjeż kollha relatati - jeħtieġ jevalwaw sew jekk humiex qed jaħdmu fi djun u infieq li huwa insostenibbli. Għax jekk partit qiegħed f 'sitwazzjoni finanzjarja insostenibbli dan se jżid mhux ftit iċ-ċans li dak il-partit ifittex li joħloq l-obbligazzjonijiet u jfittex hu li jitlob il-flus. Għalhekk iż-żewġ partiti għandhom jaħsbu sew jekk wasalx iż-żmien li l-finanzjament tagħhom isir mill-istat biss u li jduru dawra madwarhom u jaqtgħu ftit mix-xaħam żejjed li qed joħloq operat li jeħtieġ ħafna u ħafna flus.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 15 August 2021