Illum previous editions

ILLUM 12 September 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1409315

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 27

15 kultura illum • IL-ĦADD 12 TA' SETTEMBRU 2021 l-identità Maltija Vitorja baqa' magħruf sa mill-1565 meta l-Maltin kisbu identità ġdida li xterdet mal-Ewropa kollha. Il-Maltin għenu lill- Ordni tal-Kavallieri tbiegħed minn Malta lill-Iżlam li ried jaħtafna fis-seklu sittax. Għall-Maltin kienet mhux biss prova ta' lealtà lejn l-Ordni li kien għadu kif wasal 35 sena qabel (u ma kienx deċiż jibqax hawn) imma wkoll prova li għar-reliġjon Nisranija kienu lesti jxerrdu demmhom. Din kienet importanti għax anki l-istess La Valette kien kiteb li qabel l-Assedju kien għadu ma jafx dal-popolazzo kienx għadu jgħożż is- sentiment Iżlamiku Għarbi li kien iħaddan anqas minn tliet sekli qabel; wara kollox l-Ordni kien konxju li l-poplu Malti kien jitkellem djalett Għarbi. Meta telqu l-Kavallieri fl-1798 u wara l-Franċiżi ġew l-Inġliżi, il-Maltin dlonk intebħu li d-destin ma kienx se jtihom xi snin ta' glorja u rinaxximent artistiku bħalma esperjenzaw żmien l-Ordni ta' Malta. Għalhekk malajr adottaw is-Salib ta' Malta (kif sejjaħlu uffiċjalment La Valette wara l-Assedju) bi tmien ponot u l-festa tal-Vitorja bħala simboli ta' identità ġa magħrufa u rikka biex ma jħallux lill- Ingliżi jgħaddu minn fuqna bħal romblu bil-festi artifiċjali li spiss jiċċelebraw għall- mexxejja rjali tagħhom stess bla ebda rbit ma' gżiritna. Din l-identità mġedda tal-Maltin tant ħadmet li sal-lum is-Salib tat-tmien ponot baqa' s-simbolu ewlieni tal-identità Maltija f 'kull ħaġa relġijuża, ċivili u kulturali. Il-festa tal-Vitorja baqgħet fost il-jiem nazzjonali tal-pajjiż. Festa oħra li begħditna mill-Ingliżi kienet dik tas-Sebgħa ta' Ġunju meta suldati Brittaniċi qatlu sitt Maltin ċivili mhux armati fis-sajf tal-1919 għax ipprotestaw fit-toroq isofru mill-għoli tal-ħajja, nuqqas ta' mpjiegi u inġustizzji wara li għadd ta' Maltin kienu marru jitqabdu mal-Ingliżi fl- Ewwel Gwerra Dinjija. Tant kienu rrabjati l-Maltin li barra li pprotestaw fit-toroq tal- Belt, ibbojkottjaw ukoll il-festi li l-Ingliżi riedu jagħmlu fid-19 ta' Lulju 1919 fil-Belt biex jiċċelebraw il-vittorja tal-gwerra. It-tliet festi l-oħra, aktar riċenti, juru kemm il-parlamentari Maltin fl-1989 riedu jenfasizzaw il-qtugħ tagħna mill-kolonja Brittanika. Dawn jinkludu l-Indipendenza meta nfridna mill-Ingliżi u nqtajna nazzjon għalina, ir-Repubblika meta neħħejna r-Reġina u l-Ħelsien meta ntemm minn Malta kull bażi militari Brittaniku darba għal dejjem, mhux bħal Ċipru, fejn għad fadal bażi Ingliża sal-lum. Is-Salib ta' Ġorġ u r-Reġina Vittorja Sintendi dan ma jfissirrx li t-triq tal-qtugħ tal-kurdun Ingliż rnexxilna neliminawh għal kollox. Fadal il-mentalità kolonjali li għal bosta għadha tmexxilhom moħħhom bi ħsieb distort li jekk tħossok aktar Ingliż milli Malti – forsi għax kunjomok Ingliż, kellek xi familjari li mietu fil-gwerra, studjajt l-Ingilterra jew iżżewwiġt xi Ingliż jew Ingliża – tkun xi ħaġa aħjar mill-bqija taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Kontra l-parlamentari tal-1989 il-politiċi tagħna llum ma jidhrux li huma ispirati bl-istess mod tant li l-Belt Valletta għadha miżgħuda b'monumenti ta' propaganda Brittanika bl-akbar stramberija tar- Reġina Vitorja f 'Misraħ Repubblika (sirna repubblika biex neħħejna r-reġina u twikkejna b'reġina oħra fil-Misraħ tar- Repuublika li taħtha fuq wara hemm l-unika arma pubblika Maltija fil-Belt) u sett armi rjali Britanniċi tal-ġebel kbar f 'postijiet ewlenin li jdawru l-palazz tal- President tar-Repubblika. Dan barra li għadna ferħanin bis-Salib ta' Ġorġ fuq il- bandiera li jxandarna ma' kulħadd li konna kolonizzati mir-Renju Unit – umiljazzjoni li sofrejna aħna biss fl-Ewropa u għal xi żmien warajna Ċipru. Ħasra li mal-politiċi tagħna llum ngħoddu wkoll ċerti ġurnalisti, kittieba inkluż xi storiċi u dawk li jieħdu ħsieb il-patrimonju tagħna li għadhom iġorru l-għamad li ma jħallihomx jaraw l-implikazzjoni umiljanti li ebda pajjiż fl-Afrika u l-Asja li ħadu l-indipendenza magħna wara l-gwerra ma adottaw. L-ilwien ta' pajjiż huma simbolu storiku ta' kemm poplu jkun ilu jgħix f 'artu u kburi jiddefendiha kull meta kien hemm bżonn. Il-bandiera tagħna tgħodd 'il fuq minn 600 sena – ħamra u bajda – u kellha tkun deċiżjoni ta' re barrani li jtebbagħhielna b'midalja ta' qlubija li suppost baqgħet fil- mużew. Jekk ħasbu li bil-George Cross (simbolu tal-kap tal-knisja Anglikana) se jieħdu post is-salib ta' Malta dan l-Ingliżi ma rnexxilhomx għax huma stess fl-1964 tawna rigal tal-Indipendenza li fih sfumaw il- midalja tagħhom taħt is-simbolu li adottaw missirijietna propju biex ma jimbelgħux f 'identità imperjali Brittanika. Fl-Indipendenza u fir-Repubblika żewġ mexxejja bravi Maltin ma kellhomx il- kuraġġ u l-viżjoni jneħħu dan is-salib barrani għax beżgħu li jitilfu xi voti ta' dawk li kienu jaħdmu ma' jew pensjonanti tal-Inġliżi...li probabbli hi l-istess raġuni li minħabba fiha għadu hemm sal-lum fuq il-bandiera ukoll jekk ħafna mill- ġenerazzjonijiet ġodda it li xejn iħabblu rashom kif tkun il-bandiera. J'Alla dawk li ġejjin warajna jrabbu l-kuraġġ biex jiskattaw dak li tgħid il- kostituzzjoni repubblikana: l-abjad u l-aħmar ma jitneħħew qatt jekk mhux b'żewġ terzi filwaqt li s-Salib ta' Ġorġ jitneħħa b'maġġoranza sempliċi. L-edukazzjoni biss tista' ssalvana xi darba. Dan li ktibt hawn ġie ttrattat fil-ktieb tiegħi France in the Maltese Collective Memory, Perceptions, Perspectives, Identities aer Bonaparte in British Malta (ippubblikat għat-tielet darba mill- Università ta' Malta). Fih hemm diversi punti oħra kontroversjali li jippruvaw joħorġu aktar verità speċjalment fuq żmien il-Franċiżi f 'Malta u l-kolonjaliżmu Brittaniku li ġie warajh. Il-ktieb ta' Charles Xuereb li fih l-awtur jesplora punti kontroversjali u fi kliemu joħroġ aktar verità speċjalment fuq żmien il-Franċiżi f 'Malta u l-kolonjaliżmu Brittaniku li ġie warajh Bolla ddisinjata mill-artist Ġanni Vella. Tfakkar l-għoti tal-kostituzzjoni rappreżentattiva mitt sena ilu

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 12 September 2021