Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1418270
06 aħbarijiet IL-ĦADD 11 TA' OTTUBRU 2021 • illum Dejjem ġejja din il-metro imma se tasal xi darba? L-ILLUM Hekk kif id-diskussjoni dwar sistema ta' metro f'Malta issa qabdet ir-ritmu, il-gazzetta ILLUM taqbad l-aħħar tliet proposti li saru, jiġifieri dik tal-Gvern, tal- kumpanija KonceptX u dik li kien ippreżenta l-Partit Nazzjonalista fl-2017 u tikkumpara l-punti ewlenin YENDRICK CIOFFI Anke jekk ma hemm l-ebda indikazzjoni li dan se jkun proġett li se jibda malajr, id- diskussjoni dwar il-metro qabdet ir-ritmu, aktar u aktar issa li l-Gvern ippreżenta l-proposta u l-istudji li saru mill-kumpanija Internazzjonali Arup. Hemm min qabel u min ma jaqbilx. Min qed jgħid li Malta żgħira wisq u li proġett bħal dan ma jkunx vijabbli. Oħrajn qed jgħidu li jmissna ilna li bdejna. Min kuntent bir-rotot u min qed jippretendi li jekk issir, il-metro kważi kważi tieqaf wara l-bieb tad-dar. Madanakollu, din ma kinitx l-ewwel darba li saret proposta simili għal sistema ta' trasport tal-massa. Fil-fatt, f 'dawn il-paġni, il- gazzetta ILLUM se tkun qed tikkumpara tliet proposti, jiġifieri dik ippreżentata mill- Gvern il-ġimgħa li għaddiet, il-proposta tal-kumpanija KonceptX (li l-gazzetta ILLUM kitbet diversi drabi dwarha) u l-proposta li kien għamel il-Partit Nazzjonalista fil- kampanja elettorali tal-2017. Kemm jiġi jiswa proġett bħal dan u kemm idum biex ikun lest? Proposta Gvern: Il-proposta li qed jipproponi l-Gvern, ibbażata fuq l-istudji li saru mill-kumpanija Arup tiswa' lill-pajjiż €6.25 biljun, liema proġett ikun lest fi żmien 15-20 sena. Proposta KonxeptX: Il-proposta li ppreżentat il-kumpanija Koncept X ibbażata fuq l-istudji li għamlet tiswa' lill-pajjiż €4 biljun, liema proġett ikun lest fi żmien 10 snin. Proposta PN: Il-proposta li kien għamel il-Partit Nazzjonalista kienet intitolata 'A Light Rail Metro for Malta.' Il-proposta kif ippreżentata mill-Partit Nazzjonalista kienet tiswa €2.3 biljun meta wieħed jeskludi konnessjoni bejn Malta u Għawdex. Mina għal metro bejn Malta u Għawdex tiswa madwar €300 miljun oħra. Il-PN ma kienx ippreżenta dettalji dwar kemm idum biex ikun lest dan il-proġett. Kemm ikopru kilometru dawn it-tliet proposti? Kemm stazzjonijiet? Fuq jew taħt l-art? Proposta Gvern: Is-sistema hekk kif proposta mill-Gvern tkompri madwar 35 kilometru u tinkludi 25 stazzjon. Is-sistema kollha kemm hi tkun taħt l-art ħlief għal rotta żgħira. Il-mini (mina waħda b'żewġ tubi) jkunu mħaffra bejn 10 u 12-il kilometru taħt l-art, li jnaqqas ir-riskju tal-impatt fuq proprjetajiet u anke binjiet u siti importanti. Ta' min isemmi li fi bliet kbar Ewropej, bħal ngħidu aħna Londra u Ruma, il-metro tgħaddi minn biswit monumenti storiċi importanti. F'Milan, pereżempju, wieħed isib stazzjon eżatt ħdejn id-Duomo. Proposta KonceptX: Is-sistema tal-metro hekk kif proposta minn Koncept X tkopri distanza ta' 50 kilometru u tinkludi 20 stazzjon. Il- proposta tinkludi sistema li taħdem kollha kemm hi taħt l-art. Anke f 'dan il-każ, il-metro tkun mibnija diversi kilometri taħt l-art biex tnaqqas l-impatt fuq il-bini. Proposta PN: Is-sistema tal-metro hekk kif kienet ippreżentata mill-PN tinkludi 103 kilometri u minn tal-inqas 17-il stazzjon. Taħdem kemm fuq u anke taħt l-art skont il-bżonn. X'se jsir bit-terrapien? Proposta Gvern: L-istudji juru li t-terrapien iġġenerat jista' jkun qed jintuża fi proġetti oħra potenzjali ta' reklamazzjoni tal-art. Jagħtu eżempju b'dak li seħħ fil-każ tal-proġett Cityringen f 'Copenhagen. L-istess studji juru li dan il-proġett kapaċi jiġġenera madwar 9.8 miljun tunellata ta' terrapien. Proposta KonceptX: Il-Perit Konrad Xuereb kien spjega mal-gazzetta ILLUM li jekk wieħed jieħu r-rotta kollha proposta u magħhom l-istazzjonijiet, ikun qed jitkellem fuq madwar 4 miljun metru kwadru ta' art. Fi kliemu, it-terrapien ikun jista' jintuża għar-reklamazzjoni tal-art biex fuqha jsiru proġetti ta' enerġija rinovabbli u riserva naturali bħall- Miżieb. Semma proġetti simili, bħal London Array, li jinkludi 175 turbina li jiġġeneraw biżżejjed enerġija għal 750,000 dar u jnaqqas l-emissjonijiet tal-CO2 b'900,000 tunnellata, jiġifieri ekwivalenti għal 300,000 karozza. Proposta PN: Il-proposta tal-PN ma kinitx daħlet f 'dan id-dettall.