Illum previous editions

ILLUM 10 October 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1418270

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 27

07 aħbarijiet illum • IL-ĦADD 11 TA' OTTUBRU 2021 L-ILLUM tqabbel it-tliet proposti li saru fl-aħħar snin X'inhuma r-rotot li qed ikunu proposti? Kemm iddum biex tkun lesta kull linja? Proposta Gvern: Metro maqsuma fi tliet linji: ħamra, ħadra u blu. It-tliet linji jiltaqgħu fi tliet postijiet, fejn persuna tkun tista' tbiddel il-linja. L-itwal u l-ewwel fażi tal-proġett hija l-Linja l-Ħamra u tieħu bejn ħames u tmien snin biex tkun lesta. • Il-Linja l-Ħamra: Tgħaddi minn Buġibba, in-Naxxar, il-Mosta, Ta' Qali, Ħ'Attard, Ħal Balzan, Birkirkara, Mater Dei, il-Gżira, Tas-Sliema, il-Balluta, San Ġiljan u Pembroke. • Il-Linja l-Ħadra: Tgħaddi minn Birkirkara, l-Imrieħel, il-Marsa Park and Ride, l-Imsida, il-Furjana u l-Belt Valletta. • Il-Linja l-Blu tgħaddi minn Mater Dei, l-Imsida, il-Ħamrun, il-Marsa, ir-Raħal Ġdid, il-Fgura, Ħaż-Żabbar, Bormla u anke l-Ajruport. Din il-proposta ma tinkludix konnessjoni lejn Għawdex. L-istudji jisħqu li "biex il- metro għal Għawdex ikun jagħmel sens, hemm bżonn li l-popolazzjoni ta' Għawdex tiżdied b'minn tal-inqas 50,000 resident." Jisħqu li dan jista' jkollu impatt negattiv fuq Għawdex. Proposta KonceptX: Il-proposta ta' Koncept X tikkonsisti f 'linja waħda (jiġifieri ma jkollokx bżonn tbidddel ferrovija) li tinbena fi tliet fażijiet. Tinkludi wkoll linja, permezz ta' mina, li tgħaqqad lil Għawdex ma' Malta. • Fażi 1: Tgħaqqad il-Mellieħa mal-Ajruport u tgħaddi minn San Pawl il-Baħar, Buġibba/Qawra, Pembroke/Paceville, San Ġiljan, Tas-Sliema, l-Imsida (Mater Dei u l-Università), il-Belt, Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, iż-Żejtun u Birżebbuġa. Tinbena fi żmien ħames snin. • Fażi 2: Tgħaqqad l-Ajruport ma' San Pawl il-Baħar u tgħaddi minn Ħal Qormi, l-Imrieħel, Birkirkara u l-Mosta. Tinbena f 'sentejn. • Fażi 3: Tgħaqqad il-Mellieħa ma' Għawdex (b'waqfiet fix-Xewkija u r-Rabat). Tinbena fi tliet snin. Proposta PN: Il-Partit Nazzjonalista kien ippropona sistema li tkun maqsuma f 'erba' linji u li kull linja tkun mibnija f 'fażijiet. • L-ewwel linja: Tgħaqqad il-Belt Valletta, l-Imsida, Tas-Sliema u San Ġiljan. • It-tieni linja: Terġa' tibda u tispiċċa l-Belt Valletta u tmur lejn Birkirkara, Ta' Qali, il- Mosta u n-Naxxar • It-tielet linja: Tibda u tispiċċa l-Belt Valletta u tmur Raħal Ġdid, l-Ajruport, il-Fgura, il-Kottonera, Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn. • Ir-raba' linja: Tgħaqqad is-sistema ta' Malta ma' Għawdex. Din tibda jew tispiċċa San Ġiljan u tmur iċ-Ċirkewwa, l-Imġarr (Għawdex) u r-Rabat (Għawdex). Waħedha din il- linja tkun tiswa' mal-biljun ewro. Il-mina taħt l-art tiswa' €700 miljun, filwaqt li l-parti ta' taħt il-baħar tiswa' €300 miljun oħra. Il-ħinijiet tal-ivjaġġar Il-proposti hekk kif ippreżentati jinkludi wkoll dettalji dwar il-ħinijiet tal-ivjaġġar, għax wara kollox dik hija l-aktar ħaġa li tinteressa lil min ikun lest juża din is-sistema Proposta Gvern: Minn Mater Dei jew l-Università, sal-Belt Valletta, il-metro ddum sejra 10 minuti. Xi eżempji jinkludu: Minn Pembroke sa San Ġiljan żewġ minuti, sa Tas-Sliema 10 minuti, san-Naxxar 17-il minuta u sa Mater Dei sitt minuti. Minn Mater Dei sal-Imsida vjaġġ idum żewġ minuti, sal-Belt 14-il minuta, san-Naxxar 11-il minuta u sal-Ajruport 10 minuti. Eżempji oħra wieħed jista' jsibhom fuq is-sit metro. mt. L-itwal vjaġġ (mingħajr bidla bejn linja u oħra), jiġifieri dak minn Pembroke sa Buġibba (fuq il-Linja l-Ħamra) jieħu 17-il minuta. Fl-aktar ħinijiet attivi, tasal ferrovija kull żewġ jew tliet minuti f 'kull stazzjon. F'ħinijiet aktar kwieti, il-frekwenza tkun bejn ħames u għaxar minuti. Proposta KonceptX: Mir-Rabat Għawdex sal-Ajruport, il-vjaġġ idum 32 minuta. Mir-Rabat Għawdex sa Mater Dei jew l-Università, il-vjaġġ idum 36 minuta. Il- metro titlaq kull ħames jew għaxar minuti. Pereżempju jekk wieħed irid jinżel minn Għawdex sal-Belt Valletta, il-ħinijiet ikunu hekk. Mir-Rabat sax-Xewkija 2.5 minuti, mix-Xewkija sal-Mellieħa disa' minuti, mill-Mellieħa sa San Pawl il-Baħar 4.5 minuti, minn San Pawl il-Baħar sa Buġibba 3.5 minuti, minn Buġibba sa Paceville 5.5 minuti, minn Paceville sa San Ġiljan 2.5 minuti, minn San Ġiljan sa Tas-Sliema 2.5 minuti, minn Tas-Sliema sa Mater Dei/l-Università 2.5 minuti u minn Mater Dei / l-Università sal-Belt 3.5 minuti. Proposta PN: Il-proposta tal-PN ma kinitx tidħol f 'ħafna dettalji dwar il-ħinijiet. Kienet tgħid biss li din tkun topera kuljum bejn is-6am u nofsilejl. It-tul ta' vjaġġ ivarja minn ħames minuti fir-rotta tal-Belt, l-Imsida, Tas-Sliema u San Ġiljan għal 15-il minuta fuq rotot oħra. Il-finanzjament Proposta Gvern: Hekk kif il-proposta li ħabbar il-Gvern għadha friska, it li xejn ingħataw dettalji fuq il-finanzjament ta' dan il-proġett. Madanakollu, waqt it-tnedija ta' dawn l-istudji, ġie spjegat kif għal kull €1 li jintefaq, se jidħlu lura €1.40, primarjament minħabba inqas ħin moħli fl-ivjaġġar. KonceptX: L-istudji, li wettqet il-kumpanija KonceptX jispjegaw kif il-proġett jista' jiġi ffinanzjat fi tliet partijiet. • €750 miljun minn Fondi Ewropej (Ten-T programme) biex ikopri parti sostanzjali tal-ispiza biex tgħaqqad Għawdex b'metro. • €1.75 biljun jiġu mill-Gvern. Fuq perjodu ta' 15-il sena, spjega l-Perit, dan ifisser €115 miljun fis-sena, jiġifieri kemm il-Gvern qed jonfoq kull sena biex iwessa' t-toroq. • €1.5 biljuni mill-bonds tal-Gvern li jimmaturaw fuq perjodu ta' 20 sena. Proposta PN: Il-Partit Nazzjonalista, fid-dokument li kien ippubblika kien qal li mudell ta' sħubija bejn il-Gvern u l-Privat x'aktarx li jkun l-aħjar wieħed biex jiġi implimentat proġett bħal dan. Jisħaq li madwar 90% tal-investiment propost kapaċi jkun kopert minn fondi Ewropej. Kemm ikun jiswa biljett? Proposta Gvern: Skont is-sit metro.mt, għadu kmieni wisq biex tkun imwieġba din il-mistoqsija. Jgħid biss li jkun hemm strutturi differenti għall-biljetti, simili għal dawk li jintużaw fis-sistema tat-trasport pubbliku. Jgħid ukoll li jkun hemm rati differenti skont il-ħinijiet tal-ġurnata u anke l-frekwenza tal-użu. Proposta KonxeptX: F'kummenti mal-gazzetta ILLUM, il-Perit Konrad Xuereb kien spjega kif minn studji li wettqet il-kumpanija tiegħu, l-istima hija li biex tasal minn Għawdex sal-Ajruport, tħallas biss €2. Dawn iċ-ċifri huma bbażati fuq il-popolazzjoni ta' Malta u anke l-għadd ta' turisti li żaru Malta fl-aħħar sena qabel il-pandemija. Aktar dettalji fuq illum.com.mt Proposta PN: Il-proposta ma kinitx daħlet f 'dan id-dettall. Madanakollu, il-proposta tal-PN kienet tinkludi taqsima li tiddiskuti l-benefiċċji ta' sistema bħal din, inkluż dawk ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Tiddiskuti wkoll il-benefiċċji marbuta mas-saħħa tal- pubbliku u anke kemm jiswew lill-Gvern kundizzjonijiet li s-sors tagħhom jaf ikun it-tniġġis tal-arja, bħalma huma kundizzjonijiet respiratorji. Punti oħra importanti It-tliet proposti jisħqu li sistema ta' metro waħedha ma tagħmilx sens. Irid ikun hemm mezzi oħra ta' trasport li jaħdmu id f 'id magħha, bħal sistema aġġornata ta' trasport pubbliku li sservi ta' shuttles mill-istazzjonijiet għal dawk l-irħula li mhux se jkollhom stazzjon għalihom. Interessanti wkoll li l-istudji li ppreżenta l-Gvern isemmu kif jistgħu jkunu joperaw il-ferroviji. Fil-fatt isemmi li dawn ikunu jaħdmu b'mod awtomatiku u kkontrollati minn ċentru wieħed, mingħajr il-bżonn ta' xufier għal kull waħda. Fuq is-sit www.metro.mt wieħed jista' jsib l-informazzjoni kollha marbuta mal- istudji u l-proposta tal-Gvern, filwaqt li fuq is-sit illum.com.mt, apparti artikli fuq dawn l-istess studji, wieħed jista' jsib aktar informazzjoni dwar il-proposta ta' Koncept X, fosthom intervista mal-Perit Konrad Xuereb.

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 10 October 2021