Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1421648
17 analiżi illum • IL-ĦADD 24 TA' OTTUBRU 2021 jimmobilizza favur relazzjonijiet soċjali differenti. Freire jargumenta favur edukazzjoni li tirkupra t-tradizzjoni demokratika u kritika biex il-proċess edukattiv tassew iservi liċ-ċittadini qabel l-ekonomija, lid-demokrazija, qabel it-tkabbir ekonomiku. Biex dan iseħħ, ħidmet l-edukaturi trid twassal biex jinħolqu spazji profetiċi u trasformattivi, inħawi politiċi li jikkontradixxu ċ-ċiniżmu u d-disperazzjoni ta' kotra li donnha hija nieqsa mill- 'kuraġġ ċiviku'. L-Edukazzjoni Bankarja Freire kien kritiku kbir ta' pedagoġija edukattiva li hu jlaqqam 'edukazzjoni bankarja'; proċess edukattiv li jitrasmetti l-għerf u t-tagħrif minn edukaturi 'esperti' għall-imħuħ sponoż u passivi tal-parteċipanti, tfal jew adulti. L-edukazzjoni bankarja hija perikoluża għax timblokka l-poter kreattiv tal- parteċipanti, tirreżisti d-djalogu u timmitoloġizza r-realtà billi tbarri l-interrogazzjoni. B'dan il-mod, flok li tillibera, l-edukazzjoni bankarja għandha t-tendenza li timmansa u tikkolonizza l-imħuħ. L-Edukazzjoni Liberatorja F'moħħ Freire, biex l-edukazzjoni toffri alternattiva ġenwina għall-'edukazzjoni bankarja', trid tkun proċess li jgħin fl-iżvilupp tal-kuxjenza kritika filwaqt li joffri spazji għal azzjoni trasformattiva. F'dan il- proċess, il-parteċipanti jieqfu jaċċettaw li huma oġġetti passivi fl-Istorja, u jagħrfu l-potenzjal u l-bżonn li jsiru suġġetti jew protagonisti fit-trasformazzjoni tal-istess Storja. Ċittadini attivi li jirrifjutaw li jkunu profeti ta' futur determinat u ċert. Il-prattika edukattiva li twassal għall-kuxjenza kritika tistieden lill-parteċipanti biex jgħumu fir- realtà ħalli jsiru jafuha, jifhmuha u jieħdu azzjoni dwarha. Il- pedagoġija tal-liberazzjoni la tibża' mill-konfront u lanqas mit-tensjoni qalb l-investigaturi tar-realtà umana. Il-pedagoġija tal-liberazzjoni hija msejsa fuq l-għarfien li l-oppressjoni, prodott tad- diżordni soċjali u vjolenti uman, hija riversibbli, u li l-proġett tal-umanizazzjoni tal-bniedem, parti minn frott l-edukazzjoni liberatorja, huwa proġett possibbli. Fil-fehma ta' Freire, biex l-edukazzjoni liberatorja tirnexxi, il-parteċipanti jridu jirbħu s-sens ta' fataliżmu u qtigħ il-qalb li ħafna drabi jaħkimhom, u jemmnu li l-parteċipazzjoni attiva tagħhom tista' tagħmel differenza f 'ħajjithom u f 'ħajjet dawk ta' madwarhom. Biex dan iseħħ, il-parteċipanti jridu jużaw il-proċess liberatorju biex jifhmu d-dinja, jimmaġinawha mill- ġdid u flimkien jibnu soċjetajiet differenti milli huma. Freire dejjem saħaq li l-edukazzjoni liberatorja hija edukazzjoni kollettiva, li l-edukazzjoni hija dejjem att soċjali. Il-proċess ta' kuxjenzizzazzjoni Għal Freire, il-vjaġġ tal- fidwa mill-kultura tas-silenzju u l-passività għall-qawmien personali u soċjali huwa mibni fuq proċess ta' għarfien kumpless tad-dinja - il-kisba tal-kuxjenza kritika. Proċess imdemmel mill-interpretazzjoni profonda u kritika ta' fenomeni soċjali, ekonomiċi u kulturali, it-tfittxija kontinwa u pubblika għall- għeruq tal-forom differenti tal-oppressjoni, u ċ-ċaħda tal-maġija bħala spjegazzjoni ta' fenomeni purament materjali. Biex il-proċess ta' kuxjenzizzazzjoni jixxettel u jħalli l-frott soċjali, dawk li jissieħbu fi 'ċrieki kulturali', jew komunitajiet edukattivi liberatorji, iridu jiċħdu l-passività u jieqfu jitrasferixxu r-responsabbiltà umana f 'ħoġor il-poter sopranaturali. 'Ir-riflessjoni mingħajr azzjoni ... huwa tlablib li jipparalizza' Freire iqis l-edukazzjoni liberatorja bħala proċess prassjali ta' riflessjoni-azzjoni-riflessjoni- azzjoni trasformattiva. Filwaqt li r-riflessjoni tgħin lill-bniedem jifhem ir-realtà, hija azzjonitu li titrasforma l-istess realtà; azzjoni infurmata mil-litteriżmu kritiku ta' min jifhem l-importanza tal- waqfiet kritiċi li jseħħu 'l hinn miċ-ċentru tal-azzjoni. Freire jwissi kontra l-ftim tat-teorija mill-prattika, ta' ħajja mingħajr ħsieb. Filfatt, Freire jirreferi għar-riflessjoni mingħajr azzjoni bħala teorizazzjoni vojta, tlablib li jipparalizza u jiddispra. Mill- banda l-oħra, Freire jistqarr li azzjoni weħidha twassal għall- attiviżmu bla direzzjoni jew għall-karità bla viżjoni. Il-mistoqsija hija l-bidu tal- għarfien Freire jisħaq li r-riflessjoni li takkumpanja u tinforma l-azzjoni għandha tkun djalogali, u jiddefinixxi d-djalogu bħala t-tlaqqiegħ ta' bnedmin, medjat mid-dinja, biex jifhmu d-dinja. Għal Freire, id-djalogu huwa proċess edukattiv li filwaqt li ma jiċħadx l-irwol direttiv u awtorevoli tal-edukatur, ma jittollerax monologi li jiddominaw lil dawk li qegħdin ifittxu l-ħelsien personali u soċjali. Għalhekk, Freire jiddistingwi bejn il-psewdo- djalogu ta' edukaturi awtoritarji li jagħtuk l-impressjoni li qegħdin jisimgħu meta filfatt jidħlu għad-djalogu bi skritt lest u bil-mistoqsijiet imwieġba, u d-djalogu awtentiku mibni fuq ir-realtajiet mgħixa mill-membri tal-komunità edukattiva u fuq l-għarfien tat-trasformazzjoni kollettiva. Skont Freire, id-djalogu awtentiku jġarraf il-ħitan foloz li ħafna drabi jinbnew bejn l-edukaturi u l-parteċipanti. Ħitan mibnija fuq l-idea li l-edukaturi għandhom aċċess esklussiv għall-verità xjentifika. Permezz tad-djalogu ġenwin, l-edukaturi jsiru edukaturi- studenti, filwaqt li l-istudenti jsiru studenti-għalliema. Id-djalogu awtentiku joħroġ karatteristiċi fl-edukaturi li rari joħorġu f 'edukaturi-predikaturi: is-smigħ attiv; l-umiltà pedagoġika; il-konvinzjoni tal-edukaturi li jistgħu jitgħallmu mill-esperjenzi, l-intwizzjonijiet u għerfet il- parteċipanti; is-sensittività soċjali u kulturali li toħroġ mil-laqgħat umani; l-għejbien tal-maskra li l-edukaturi jafu kollox; l-immaniġjar produttiv tal-vulnerabilità li toħroġ mill- interrogazzjoni ta' għerfet l-edukaturi; u s-sodisfazzjoni tat-trasformazzjoni reċiproka. Il-mistoqsija għandha rwol fundamentali fil-proċess djalogali. Għal Freire, il-mistoqsija tissimbolizza mument mill- aktar demokratiku, il-bidu tal- għarfien. Aktar minn hekk, Freire jistqarr li l-mistoqsija hija marbuta mal-eżistenza umana u mal-bidla fid-dinja. Il- pedagoġija tal-mistoqsija tagħti spazju għas-sejbien ta' għarfien ġdid; vjaġġ investigattiv, kultant riskjuż. Freire rabat il-mistoqsija mal-ħasda, u insista li meta wieħed jitlef il-ħila li jinħasad, jispiċċa jaqa' fil-burokrazija. Il-burokrazija tfisser li wieħed jaddatta ruħu mingħajr ma jieħu riskji kbar, mingħajr sorpriżi, u mingħajr ma jistaqsi. Pedagoġija nieqsa mill-mistoqsija skomda tikkundizzjona lill-parteċipanti biex jaċċettaw it-tweġibiet, l-ideoloġija u l-kultura invażiva tal-edukaturi awtoritarji. Konklużjoni Edukazzjoni li twelled il-fidwa hija waħda li tistaqsi, tissogra, tittama, toħlom u tħobb; edukazzjoni fejn l-edukaturi- studenti huma mpenjati fi proċess awtorevoli ta' litteriżmu kritiku u trasformazzjoni kontinwa, u fejn l-istudenti- edukaturi jqisu lilhom infushom bħala msieħba attivi f 'proċess li jirrifletti u jaġixxi. Freire ħallilna wirt miktub u memorji ta' ħidmietu li jibqgħu jittamaw lil dawk kollha li f 'ħidmiethom qegħdin ifittxu alternattivi kredibbli għal soċjetà ċinika, fejn l-edukazzjoni teżisti primarjament biex iddawar ir- rota tal-ekonomija. (Artiklu addattat mill- ktieb ta' Carmel Borg (2013). L-Edukazzjoni Hi Politika. Kitbiet Paulo Freire. Malta: Horizons) L-edukazzjoni hija munita b'żewġ uċuħ: daqskemm teħles tista' tjassar; daqskemm tiftaħ imħuħ tista' ċċekken il-fruntieri tal-ħsieb; u daqskemm tgħin fl-iżvilupp tista' tħalli poplu jgħum fl- injoranza