Illum previous editions

ILLUM 7 November 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1426469

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 27

15 analiżi illum • IL-ĦADD 7 TA' NOVEMBRU 2021 mingħandhom li jakkomodawna, u niġġudikawhom għax skont ir- regolamenti stabbiliti 'fallew' jew huma 'batuti' (Erickson, 1987). Dawn it-tabelli jagħmlu ħsara kbira liż-żgħażagħ tagħna peress li jinjoraw jew jinsew li parti kbira minn dak li jiġri lill-bniedem huwa sistemiku (Lundahl & Brunila, 2020). Aħna lkoll niddependu minn ħafna fatturi biex naslu fejn naslu. L-edukazzjoni ta' uliedna tirrifletti dan il-proċess sistemiku, li jimplika l-ambjent kollu li fih jgħixu l-istudenti: l-istorja tal-wild, il-qagħda finanzjarja, l-istabbilita', l-edukazzjoni u s-saħħa tal-familja tal-wild, il-kreativita', l-livell ta' kuntentizza u l-viżjoni tal- għalliema u ta' min imexxi, aċċess għal riżorsi, u l-lista tkompli. 'It-teorija tinbet mill-ħajja tagħna ta' kuljum' L-edukatur u filosfu Paulo Freire (1972) emfasizza d-djalogu - inkontru kritiku bejn in-nies, kif ukoll il-prassi li takkumpanja dan il-proċess. Għal Freire, it-teorija tinbet mill-ħajja tagħna ta' kuljum, minn dak li jesperjenzaw in-nies. Huwa għalhekk li l-għeruq tal- ġustizzja jinsabu fl-ideoloġija tal-ugwaljanza. Dawn il-valuri demokratiċi joffrulna tieqa oħra minn fejn inħarsu lejn id-dinja u jippermettulna nkunu kritiċi lejn dak li jiġri fiha. Meta niġġudikaw l-affarijiet skont raġunament binarju, eż: iswed/abjad, suċċess/ falliment, ħażin/tajjeb, maskil/ femminil, inkunu qed niċħdu l-kumplessita' tal-ħajja umana, ir- realta' intersezzjonali tal-opressjoni (Ledwith, 2020). Matul iż-żminijiet l-edukazzjoni fissret ħafna affarijiet differenti fid-dinja, inkluż indottrinazzjoni. L-edukazzjoni fit-tifsira oriġinali tagħha hija ferm u ferm ikbar mit-taħriġ fis-suġġetti, kif aktarx tfisser għall-maġġoranza tan-nies. Filfatt il-kunċett tal-edukazzjoni jfisser l-iżvilupp sħiħ personali ta' kull persuna - ta' ħsibijietha, tal- kreativita' tagħha, tal-emozzjonijiet tagħha, tal-ħiliet u ta' ruħha, u dan kollu jibqa' jiżvolġi tul il-ħajja tal- bniedem kullimkien, fl-ambjenti varji li jista' jsib ruħu u skont il- ħtieġa wkoll. Mhumiex it it-tfal li għalkemm intelliġenti u kapaċi, ma jkunux jistgħu jiffukaw fuq il-lezzjonijiet u fuq ir-regolamenti għal raġunijiet diversi, u jirreaġixxu għal dak li jiġrilhom b'mod li jista' jiġi interpretat bħala 'ħażin' u li jimmerita li tingħata 'konsegwenza' (illum it-terminu 'kastig' ma tantx baqa' jintuża fid-diskors edukattiv). Dan jista' jiġri iktar meta s-sistema ma tkunx imfassla biex tkun sensittiva għal kif realtajiet partikulari jinfluwenzaw il-ħajja u l-benesseri tat-tfal, bħal ma huma per eżempju dawk relatati mal-klassi soċjali, mal- etniċita', u l-identita' tal-ġeneru. L-istess ħaġa tapplika f 'każijiet fejn l-għalliema ma jkunux imħarrġin biżżejjed biex jagħrfu s-sinjali ta' problemi miġjuba mill-ambjent li jgħixu fih it-tfal barra mill-iskola u kif għandhom iġibu ruħhom f 'sitwazzjonijiet ta' kunflitt (Borg & Mayo, 2016; Giroux, 2018). Jeħtieġ li min ikun qed imexxi ma jiqafx fuq il-ksur tar-regola mingħajr ma jagħmel mill-aħjar biex jiskopri l-kawża 'l hinn minn dak li jidher ovvju jew 'tas-soltu'. Sintendi, r-regolamenti għandhom il-valur u l-importanza tagħhom, għax mingħajrhom ikun hemm biss il- kaos, iżda l-kwistjoni hawn hija tal- kif nitrattaw ma' imġieba 'ħażina'. 'L-iskola tibqa' t-tama tagħna!' Hemm ħafna tfal li jiġu l-iskola inkwetati u anke mbeżżgħa minħabba sitwazzjonijiet diffiċli u saħħansitra trawmatiċi li jinsabu fl-ambjent li jgħixu fih, fosthom kunflitti kontinwi bejn il-ġenituri, abbuż verbali u emozzjonali, kif ukoll vjolenza domestika. Ta' min infakkar li dan jista' jiġri lill-adulti wkoll u importanti li fl-iskejjel ikun hemm iktar għarfien dwar kif għandna nieħdu ħsieb xulxin, u dwar x'nistgħu nagħmlu biex ngħinu kollegi għaddejjin minn żminijiet diffiċli. Mhux kulħadd jesprimi ruħu bl-istess mod. Hawn min juri u jitkellem dwar dak li jkun għaddej minnu, filwaqt li hemm min jippreferi jżomm kollox għalih, forsi għax jinkwieta li jekk jitkellem jista' jagħmel l-affarijiet agħar. It-taħriġ tal-edukaturi għandu jinkludi dan l-għarfien, sabiex imbagħad ikunu jistgħu jagħmlu differenza fejn ikun hemm bżonn. Warakollox, biex nissellef mingħand Paulo Freire, il-moħħ mhux xi kontenitur vojt li kull ma jrid jiġi mimli mill-iskola biex imbagħad ikollna l-bniedem 'komplut' u lest biex jiffunzjona kif mixtieq bħala ċittadin attiv u responsabbli. Il-bniedem huwa ferm iktar kumpless, u biex isir it-tagħlim mixtieq, irid ikun hemm is-serħan il-moħħ, is- sigurta', żaqq mimlija u qalb li taf x'inhi l-imħabba u r-rispett lejn l-individwalita' tal-persuna (Macedo et al., 2020) . Jekk ninjoraw dan il-fattur essenzjali, se jibqa' jkollna ħafna tfal u żgħażagħ li jtuha daharhom l-edukazzjoni, jirreżistu dak li l-iskola tipprova tgħallem b'tant insistenza u investiment. Se jibqa' jkollna dawk li joħorġu kmieni mill-iskola u dawk li jibqgħu inattivi, la f 'xi kors ta' tagħlim u lanqas jaħdmu. Se jkollna dejjem il-problema ta' żgħażagħ – iktar tard isiru adulti – li jitbandlu minn xogħol prekarju għall-ieħor, li jgħaddu bil- benefiċċji soċjali jew anke jgħixu fil-faqar. L-iskola tista' tagħmel id-differenza. Din tibqa' it-tama tagħna: li tassew kull żgħażugħ u żgħażugħa jsibu refuġju u serħan il-moħħ fl-iskola – il-post maħluq biex jirrispetta d-dinjita' tat-tfal kollha u jagħmel ġustizzja ma' kull persuna, hekk kif ġie miktub fid-dikjarazzjoni tad-drittijiet fundamentali tat-tfal. Borg, C. & Mayo, P. (2016): https://www.maltatoday.com.mt/news/national/72127/experts_warn_education_ reform_could_lead_to_ghettoisation#.YVljPJpBxPY Cefai, C., Cavioni, V. (2015). Beyond PISA: Schools as Contexts for the Promotion of Children's Mental Health and Well-Being. Contemp School Psychol 19, 233–242. Council of Europe (2021: https://www.coe.int/en/web/compass/introducing-human-rights-education Erickson, F. (1987). Transformation and school success: e politics and culture of school achieve- ment. Anthropology and Education Quarterly, 18 (4), 335–356. Freire, P. (1972). Pedagogy of the Oppressed, Harmondsworth, Penguin. Giroux, H.A. (2018). When Schools Become Dead Zones of the Imagination. In e Wiley Handbook of Global Educational Reform (eds K.J. Saltman and A.J. Means). Hora, M.T. (2020). Hiring as cultural gatekeeping into occupational communities: implications for higher education and student employability. High Educ 79, 307–324 Ledwith, M. (2020). Community Development: A Critical Approach, Policy Press. Lundahl, L. and Brunila, K.(2020). Epilogue: Silences and Challenges. In K. Brunila and L. Lundahl (eds), Youth on the Move: Tendencies and Tensions in Youth Policies and Practices (pp. 185–190). Helsinki: Helsinki University Press. Macedo E, Nairz-Wirth E, Araújo HC, Szalai J. (2020). Drawing lessons from early school leavers in a social justice context: Introductory comments. European Educational Research Journal. 19(5):387-397. OHCHR (Office of the United Nations High Commissioner for Human Rights) (1989) Convention on the rights of the child. Available at http://www.ohchr.org/EN/ProfessionalInterest/Pages/CRC.aspx

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 7 November 2021