Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1426469
16 kotba IL-ĦADD 7 TA' NOVEMBRU 2021 • illum Mix-xejn, l-Istorja Isem Michael Refalo ltqajt miegħu l-ewwel darba jien u nagħmel xi riċerka bl-Internet għal ħwejjeġ li qajla ssibhom fil- kotba: dettalji storiċi minuri, l-aktar relatati mal-ħajja ta' kuljum tan-nies, li f 'kuntesti partikolari jiksbu importanza kbira. Għall-ewwel ħsibt li kien l-ex-Ministru Nazzjonalista li wkoll kien daħal fid-dinja tal- ktieb permezz tat-traduzzjoni għall-Ingliż ta' Rajt Malta Tinbidel, imma malajr skoprejt li kien avukat Għawdxi, għalija anonimu jew rekluż ħlief għall-kitba pjuttost prolifika tiegħu, li kien kiseb id-dottorat minn Pisa b'teżi dwar il-klassi kummerċjali Maltija. L-istorja tinkiteb mir-rebbieħ, kif spiss jgħidu, jew inkella drajna nimuha bis-saħħa tal-għemil ta' ismijiet kbar li rnexxielhom iħallu t-timbru aħħari fuq bidliet importanti. L-iżviluppi f 'tista' tgħid l-oqsma kollha tal-istudji umanistiċi madankollu biddluha spiss din il-perspettiva: wara kull bidla kbira u isem ċelebri, hemm sensiela kumplessa ta' passi ċkejknin u persunaġġi qajla magħrufa li kienu l-ħamrija u ż-żerriegħa għall-ġrajja storika aħħarija. L-istorjografija Maltija hija mbierka b'ekwilibriju san bejn iż-żewġ tendenzi: filwaqt li għandna l-opri li jitraċċaw l-akbar żviluppi, għandna wkoll numru ta' xogħlijiet li jmorru għall-ġrajjiet apparentement minimi biex minnhom jinsġu xibka kumplessa ta' relazzjonijiet. It-teżi ta' Refalo, fil-fatt, titratta l-klassi kummerċjali mill-aspett tal-familji u tan- networks, ix-xbieki tal-kuntatti u tar-relazzjonijiet, u hemmhekk l-istorja tieħu l-ħajja, anki mil-lat editorjali, għall-qarrej medju wkoll li jrid jifhem id- dinamika ta' x'wassal għall-fatt storiku li jibqa' jissemma. Bħal arloġġ sabiħ u fin jew inkella xi inġenju imponenti, il-kurżità taf twasslek biex tistaqsi x'hemm warajhom u xi jħaddimhom, u l-faxxinu jsir il-fehim tal- korrispondenza indispensabbli bejn kull biċċa tal-magna, sal- inqas rota u skorfina. L-istorja, m'għandniex xi ngħidu, mhijiex magna, u tiddependi wkoll mill-mhux mistenni li jsawrilna ħajjitna: il-kumbinazzjonijiet u ċ-ċikek, il-ġesti li jseħħu f 'ħakka t'għajn jew mingħajr ħsieb u li mbagħad jeħilsu l-uragan tal-ġrajjiet. Refalo jispeċjalizza f 'dan il- qasam, tant li mhux biss nifhmu l-Istorja l-kbira mill-aspetti apparentement minuskoli li jifli taħt il-mikroskopju tiegħu, imma l-istess ġrajja ċkejkna tidhrilna kumpless u saħansitra affaxxinanti fiha u għalija nnifisha. Eżempju ta' dan huwa xogħol li jaf ma tantx dar idejn minħabba s-suġġett dejjaq tiegħu: l-istorja ta' negozjant Għawdxi tal-inbejjed, Giuseppe (De) Brincat, li Refalo jittanta jikteb xorta ta' bijografija tiegħu minn ponn dokumenti, fosthom xi korrispondenza mal-familja. Isem minn ħafna, imma xogħol Refalo, li mix- xejn joħloq l-Istorja, jagħtina ritratt ta' mument partikolari tal-ekonomija Għawdxija lejn l-ewwel terz tas-seklu l-ieħor, imma wkoll lil hinn mill-fatti u ċ-ċifri li jirfdu bis-saħħa r-riċerka tiegħu, joħroġ profil ta' bniedem, ċittadin ieħor b'ambizzjonijiet, ħolm u sfidi li jidwu anki mal-esperjenzi ta' kull wieħed u waħda minna. Mill-fatti personali kif jista' jibnihom ir-riċerkatur mill- ewwel karti li jista' jkollu f 'idu, jinbena profil ta' komunità u, bħal ma jistqarr l-istess Refalo fid-daħla, joħorġu elementi komuni ma' Għawdxin oħra tal-perjodu, anki jekk Brincat mhux neċessarjament jista' jiġi ppreżentat bħala rappreżentattiv għal kollox ta' Għawdex f 'dak iż- żmien. Giuseppe (De) Brincat: A Gozitan Wine Merchant 1890s- 1930 (Kite, 2018) huwa togħma ċkejkna tax-xogħol akbar u aktar komplut ta' Refalo bħal ma huwa l-aħħar ktieb tiegħu, Among Others – The Maltese in Egypt: Life, Crime and Death (1860s – 1923) (Kite, 2021), li jittratta ftit aktar minn nofs seklu tal- ħajja tal-komunitajiet Maltin fl-Eġittu. Fil-vena ta' xi Arnold Cassola u l-kotba tiegħu dwar il- Maltin ta' Sqallija u tal-Afrika ta' Fuq, dan il-volum huwa xhieda ta' riċerka mirquma u tqallib fl-arkivji ta' kull xorta, fejn ir- riċerkatur tistħajlu b'ħemel fatti bl-addoċċ quddiem wiċċu, la kap u lanqas kuda, li b'paċenzja Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

