Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1428464
18 opinjoni IL-ĦADD 14 TA' NOVEMBRU 2021 • illum Futur sostenibbli għan-negozji tagħna F tit tal-ġimgħat ilu kelli ċ-ċans ningħaqad mal-Mal- ta Business Bureau (MBB) fl-okkażjoni tal-25 sena anniversarju mit-twaqqif tagħhom. Fid-diskors tiegħi waqt l-attività organizzata mill-MBB, stqarrejt li huwa importanti ħafna li jkollna punti ta' referenza bħalma huma l-istess MBB, għaliex jagħmlu xogħol il-Membri Parlamentari Ewropej u politiċi oħrajn aktar faċli permezz ta' proposti li jressqu mill-esperjenza prattika tagħhom fis-settur. Biss mhux xogħolna biss jagħmlu aktar faċli; jagħmluha aktar faċli wkoll għan-negozji li huma jirrappreżentaw, u dan għaliex iservu ta' focal point, kemm fejn jidħlu konsultazzjonijiet li jridu jsi- ru, imma wkoll fejn jidħlu affarijiet oħra li jikkonċernaw in-negozji. Waqt l-attività msemmija tkellimt ukoll fuq kif l-Unjoni Ewropea għandha diversi sfidi quddiemha: sfidi li hemm bżonn tindirizza llum qabel għada. Bħala Membru tal-plenarja tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, ħadt gost ukoll nisma' mingħand l-MBB rigward id-dikjarazzjoni li ppreżentaw huma stess rigward il-futur tal-Ewropa. Wara l-attività msemmija kelli ċ-ċans li naqra din id-dikjarazzjoni fid-dettall. Irrid ngħid, li minnha laqtuni diversi punti. Fid-dikjarazzjoni tagħhom semmew per eżempju l-importanza tas-suq ħieles, u kif dan hemm bżonn jiġi msaħħaħ. Semmew ukoll il-fatt li huwa importanti ħafna li l-Unjoni tkompli tkun fost il-mexxejja globali fejn tidħol is-sostenibbiltà u l-ambjent, imma li rridu noqogħdu attenti mis- soluzzjonijiet ta' "one-size-fits-all". Ċertament naqbel ma' dan il-punt li dejjem nisħaq dwaru f 'ħidmieti. Fejn tidħol is-sostenibbiltà, iva, irridu nkomplu naħdmu. Imma lanqas nistgħu nispiċċaw f 'sitwazzjoni fejn il-prezz tal-qalba ambjentali jispiċċaw iġorruh dawk l-aktar vulnerabbli. Fl-aħħar mill- aħħar, is-sostenibbiltà l-għan tagħha huwa li kulħadd jimxi 'l quddiem fuq bażi long-term. Ħadt gost naqra wkoll fid- dikjarazzjoni tal-MBB is-sejħa għal aktar investiment fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Naqbel mija fil-mija li dan hemm bżonnu, anke meta nħarsu lejn pajjiżna. Fejn tidħol ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp, bħala pajjiż hemm ħafna aktar fejn nimirħu u hemm fejn anke naraw żieda fil-miri u fl-infieq. Hemm ukoll aktar potenzjal għal pajjiżna f 'dan il-qasam. Tkellimt ma' diversi msieħba li jemmnu li Malta u Għawdex jistgħu jservu bħala gżejjer fejn tiġi ppruvata teknoloġija ġdida, anke teknoloġija ħadra, f 'oqsma bħalma huma t-trasport u setturi oħrajn. Dawk il-proġetti li jaħdmu imbagħad ikunu jistgħu jiġi applikati fi bliet u pajjiżi ferm akbar. Ftit tax-xhur ilu wkoll kont ktibt artiklu fejn sħaqt li b'investiment u naqra imbuttatura, Malta kapaċi tkun l-Atlantis tas-seklu 21. Forsi tgħiduli biex ħierġa hawnhekk. Nemmen però li l-ġeografija ta' Malta u Għawdex, kif ukoll karatteristiċi oħrajn, jgħinuna ferm f 'dan ir-rigward. Filwaqt li d-daqs tagħna huwa ta' belt żgħira, aħna wkoll pajjiż. Dan għaldaqstant jagħmilna aktar attraenti f 'għajnejn investituri li jkunu jridu jippruvaw servizzi u proġetti ġodda kemm fi bliet ġodda imma wkoll f 'pajjiżi Ewropej. Għalkemm il-fatt li ninsabu fil-fruntiera tal-Ewropa ħafna drabi tfisser sfidi fil-qasam tal- immigrazzjoni, dan potenzjalment jaf ifisser opportunità fejn jidħol l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u kollaborazzjoni lil hinn mill- Ewropa fir-rigward. Dan anke fil-kuntest li fl-2020 ġiet imnedija l-istrateġija ta' Malta għall-Afrika. Biex l-investiment jibqa' jiġi f 'pajjiżna u fl-Ewropa però hemm ukoll bżonn li jiġu ssimplifikati diversi regoli Ewropej. L-MBB aċċennaw għal dan il-punt fil- rigward ta' ħaddiema li ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea. Is-simplifikazzjoni hi importanti mhux biss fejn jidħlu l-ħaddiema, imma wkoll fejn jidħlu n-negozji. Fl-aħħar mill-aħħar, jekk lill- investituri u lill-ħaddiema ser nagħmluhielhom diffiċli li jiġu fl-Ewropa u f 'pajjiżna, dawn ser jispiċċaw imorru f 'kontinenti oħrajn. U kif nafu f 'ċerta setturi u fejn jidħlu ċerta ħiliet, għandna bżonn ħaddiema barranin. Nikkonkludi billi nfakkar li n-negozji tagħna, speċjalment dawk żgħar u medji, huma s-sinsla tal- ekonomija tagħna. Irridu nkomplu naħdmu għal futur sostenibbli fejn kemm huma, u kif ukoll il- ħaddiema tagħhom, ikunu jistgħu ikomplu jikbru. L-SME Week Ewropea, li issa tinsab magħna, toffri opportunità tajba biex naqsmu ideat u prattiċi tajbin fir-rigward. Biss però importanti li din il-ħidma titkompla matul is-sena kollha. Min-naħa tiegħi, inħares 'il quddiem biex nibqa' naħdem favur in-negozji u l-industrija tagħna, li minnhom jiddependu tant u tant ħaddiema u familji. Josianne Cutajar Josianne Cutajar hija Ewroparlamentari f'isem il-Partit Laburista Għalkemm il-fatt li ninsabu fil-fruntiera tal-Ewropa ħafna drabi tfisser sfidi fil- qasam tal-immigrazzjoni, dan potenzjalment jaf ifisser opportunità fejn jidħol l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u kollaborazzjoni lil hinn mill-Ewropa fir- rigward