Illum previous editions

ILLUM 9 January 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1441470

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 27

16 kotba IL-ĦADD 9 TA' JANNAR 2022 • illum Għali dejjem Kemm jarralna meta naħsbu li ż-żminijiet ibiddluh lill-bniedem! Jew meta nimmaġinaw nostalġikament, li l-hena u l-ordni kienu darba xi mkien ieħor, fuq gżira mbiegħda li ċ-ċpar taż-żmien ħbihielna għal dejjem, ħlief fil- memorja daqstant imċajpra. Forsi dil-ħaġa tgħallimhielna l-arti wara kollox, u minn fostha l-letteratura, li l-bnedmin u l-aspirazzjonijiet u l-passjoniiet tagħhom ilhom hekk minn ewl id-dinja, kif anki nistgħu naqraw fl-eqdem u l-ibgħad opri. Jaf huma biss mumenti epokali fejn forsi tista' tara li l-bniedem evolva f 'xi ħaġa oħra tassew, bidla li forsi ssibha xi mkien fil- fond tal-kobba ġenetika. Aktarx, però, dan il-bniedem statiku, li għadu jixbah fundamentalment lil Adam u Eva qabel il-Waqgħa, u lil uliedhom wara li l-Għeden ma baqax, jaf jinbidel mill- ambjenti u ċ-ċirkostanzi li jkun jinsab fihom, mill-iżviluppi 'il barra minnu—storiċi, soċjali, teknoloġiċi u l-bqija — u li fihom jinnegozja b'mod differenti l-istinti essenzjali tiegħu. Għax bħal f'Noti Blu (Horizons, 2021) ta' Jacqueline Mizzi, in-nostalġija tiegħi ċċarat u ħassejtni żagħżugħ ta' dejjem nara li t-tfal ta' żmienna mid-dehra għadhom jibagħtu d-dikjarazzjonijiet anonimi tal-imħabba u jibqgħu xorta l-fatati mxennqa minkejja l-konnettività li tiġihom naturali lin-nattivi diġitali. Jien ukoll darba kont żerżaqt ittra taħt bieb tfajla li qatt ma kelli kuraġġ inkellimha wiċċ imb wiċċ, u tajtha appuntament fejn il- funtana l-Belt, bħal ma jiġri f 'dan ir-rumanzett ċarament intenzjonat għal udjenza żagħżugħa. Il-friefet itiru mġienen fl-istonku ġegħluni noħroġ mid-dar sagħtejn qabel u nimxiha mill-Balluta sal-Belt, fejn dit-tfajla naturalment ma dehritx. U forsi sewwa għamlet. Insomma, jekk qed taqra, jien kont! Daż-żmien m'hemmx bżonn ittri u bolli u envelopes. Għamilt ħabta ngħir fl-istess ħin li nifraħ għalihom liż-żgħażagħ li jgħixu f 'dan iż-żmien fejn m'hemmx bżonn taqbad it-telephone li dejjem werwirni u kien jispiċċa jżommli lsieni. F'età adulta, jien ukoll gawdejt mill-ħeffa ħafna aktar milli relattiva li titfa' l-lixka permezz ta' messaġġ elettroniku, ħaġa li kien ġa rreġistraha kittieb bħal Immanuel Mifsud huwa u jirriproduċi ċ-chats tal-IRC b'font Courier New f ' 'kont ħsibt li l-fjuri kollha kienu mietu' (L-Istejjer Stambi ta' Sara Sue Sammut). Imma ta' tfal mod ieħor, u l-insidji huma kbar: mhux biss il-faċilità tal- anonimat u qerq ta' kull tip, iżda l-pass lil hinn fix-xagħri mhux magħrufa tal-identità. Il-ktieb ta' Jacqueline Mizzi jaf jinżel għasel maż-żgħażagħ: l-impressjoni li jagħtini hija li Mizzi, bħala edukatriċi professjonista, anki fil-qasam tal-gwida personali, ħafnet sew il-lingwaġġ tal-udjenza tagħha u taf dwar xiex qed titkellem. Mhux biss l-esperjenzi, li donnhom il-laqgħa ideali bejn dak li ilu jsir għal ġenerazzjonijiet sħaħ u l-mod kontemporanju bit- twieqi tal-Messenger u bin- noti blu mwaħħlin mal-lockers, imma wkoll b'Malti produttiv, potenzjali, u għadu jferfer ħaj kemm trid (minkejja kulma jgħidu) u l-islang ġenerazzjonali li jiġi jitmellaħ mill-puriżmu u jidħol kexxun fir-realiżmu tad- djalogi u n-narrazzjoni. Imma, lil hinn minn dan, għandu valur pedagoġiku mhux ta' min jarmih, sew għall-ġenituri u l-għalliema, imma wkoll għal min irid jiftaħ twejqa, ċkejkna kemm hi ċkejkna, biex jifhem il-motivazzjonijiet tal- ġenerazzjoni l-ġdida. It-teknoloġija l-ġdida li taqleb kollox ta' taħt fuq tissejjaħ, f 'termini tekniċi, disruptive. Distruttiva, mhux għax tkisser kull m'hawn, imma għax tassew tbiddel il-modi stabbiliti ta' kif ninnegozjaw ir-realtà. Bħalma t-televiżjoni mmarkat ġenerazzjonijiet qabilna, l-elettroniku qed iħarbat, f 'dan is-sens, lilna lkoll, minn dak li twieled fina bħala default, sa min għadu jxoqq l-għaraq għalih fil-ġunġla tal-pjattaformi Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 9 January 2022