Illum previous editions

ILLUM 6 February 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1448616

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 27

19 kotba illum • IL-ĦADD 6 TA' FRAR 2022 Mark Vella dam iteftef f'din il-kitba biex jipprova jispjega l-entużjażmu li ħass għall-aħħar xogħol ta' Nadia Mifsud. Żifna f'Xifer Irdum huwa ktieb li jqanqal l-emozzjonijiet bis- serjetà, u li jistabbilixxi bid-dritt leħen il-mara fix-xena kontemporanja Maltija tas-sottoproletarjat, id-drogi u l-irkejjen mudlama oħra, kienu anki xirfu Sara Sue li ma tridx taf bl-awtorità u li l-ġrajja tagħha tagħlaq biha tingħi bil-pjaċir ta' laqgħa sesswali taħt ir-ritratt ta' Fenech Adami. Jew inkella r-raġel mifrud jibni imħabba ġdida minn wara skrin, bin-namur jinbet virtwalment qabel ma l-maħbubin tassew jiltaqgħu. Nadia Mifsud taħdem bl-istess intensità ta' Immanuel f 'dawk iż-żminijiet: tkellimna dwarna u dwar min nafu, imma b'dak is-sens sikwit inspjegabbli u indeskrivibbli li l-kitba hawn qiegħda verament tkellmek bil-Malti. Għax, minkejja kull xenqa taż- żgħar bħalna li qatt ma nilħqu lill-kbar, li nibilgħu l-ħuta l-kbira, l-ewwel li tikteb, meta tikteb bi lsienek, huwa għal niesek stess. U meta dan jirnexxi, jaf il- prodott isir tassew ta' kulħadd, u jiflaħ jiġi tradott u mibjugħ. Xogħlijiet bħal ta' Nadia Mifsud jarmu lil Malta minnhom, bħal dija li mhijiex dik tax-xmux jiżirġu tar-riklam turistika, imma l-imrieżaq li jdawlu l-ġranet tagħna daqqa mod daqqa ieħor, illum tħosshom fietla jsaħħnulek saħansitra ruħek, u l-għada jkunu batja wisq biex jegħlbu l-kesħa fina dieħla f 'għadmek. Jekk mhux ekokardjogramma tat-taħbita ta' qalbna, dawn il-kitbiet huma tassew ritratt aġġornat ta' ruħ ta' poplu: imkien ma tissemma l-politika jew l-istorja, iżda l-mod kif jitwasslu l-istejjer għandu dawn l-elementi interzjati fih bilfors għall-mod kif jirnexxilhom ipinġu l-modi ġodda sew kif ninnegozjaw ir-relazzjonijiet soċjali tagħna u kif inġibu ruħna fid-dinja, sew il-mod kif il-kittieba jirnexxilhom jiffabrikaw il-ġrajjiet dwar dawn ir-realtajiet. U n-nisa qed jirbħu. Xogħol Mifsud ifakkar f 'nisa oħra, jew inkella jistieden għall- paraguni, bħal fil-każ ta' xogħol Loranne Vella, espatrijata oħra, u rappreżentanta xierqa ta' dan il-kurrent ta' ilħna femminili ġodda. Id-dinja kif taraha mara, imma mhux neċessarjament skont l-ovvjetajiet sentimentali li spiss nużaw biex niddistingwu s-sessi, iżda f 'sens politiku, jiġifieri d-deċiżjonijiet u l-għażliet tagħna fil-konfront tal-eżiti tagħhom. F'dan il-ktieb pjuttost folt bl-istejjer, kollha b'saħħithom mingħajr eċċezzjoni, jispikkaw mumenti qawwija u kommwoventi, bħal fil-każ tal- mewt tal-ġenitur, ir-relazzjonijiet familjari, u l-għażla tal-ħajja msiefra u l-qtugħ tal-kurdun umbilikali f 'Requiem, jew inkella dak li għalija huwa t-tour de force ta' Métro, boulot, dodo. Din tal-aħħar hija waħda minn dawk il-kitbiet li lil xi wħud jaf tbikkihom, hija u tberren fil- kaxex fejn mingħalina sakkarna dnubietna u t-tiiriet li aħjar mingħajrhom milli bihom. Lil oħrajn, bħal fil-każ tiegħi, tħallihom dak il-lejl stess, ix- xokk għas-sistema meħtieġ biex il-moħħ jissaffa mid-debris tal- imgħoddi, jew inkella biex iktar jiffukalek il-lenti fuqu. Hija storja oħra — moderna, attwali, kontemporanja, ġenerazzjonali— ta' tmiem ta' imħabba, imma naħseb konna ilna nistennew li nisimgħuha mingħand mara. Għal darb'oħra, mhux mis- sentimenti tagħha, li l-kultura u l-ideoloġija jawtomatizzawk biex tistennihom ikunu kiebja u bikkejja. Imma mid-deċiżjoni diffiċli li tieħu din il-mara, minn jeddha u bl-għarfien kollu tad- dispjaċiri u tal-konsegwenzi u, tfittex fejn tfittex, ma tista' ssib it-tort ta' ħadd. M'għadux il- konfront bejn is-sessi, ix-xehir li jiġi mill-pussess sesswali jew mid- differenzi irrinkonċiljabbli, iżda ż-żmien tal-għażliet individwali u tad-deċiżjonijiet responsabbli. U żmien il-mara, li bħal bosta nisa oħra f 'dal-mumenti importanti għall-kitba Maltija, titgħarwen bla mistħija biex turi lilha nnifisha bħala bniedma ħielsa, bħala ġisem u bħala essri sesswali, bħala parti mis-soċjetà li b'urġenza qed terġa' tieħu n-nifs biex isemma' leħinha u tħalli t-timbru xieraq tagħha.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 6 February 2022