Illum previous editions

ILLUM 6 March 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1457523

Contents of this Issue

Navigation

Page 21 of 35

22 elezzjoni2022 IL-ĦADD 6 TA' MARZU 2022 • illum L-ambjent, il-governanza u s-soċjetà fil-lista tal-prijoritajiet ta' Arnold Cassola Il-gazzetta ILLUM tagħti daqqa t'għajn lejn il-manifest elettorali ta' Arnold Cassola li jiffoka sew fuq l-ambjent, politika nadifa u soċjetà ħanina. MARIANNA CALLEJA Bit-tema 'Jixirqilna Aħjar' Arnold Cassola se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali. Cassola ħabbar il- portal tiegħu bil-messaġġ u l-manifest elettorali xahar ilu fejn saħaq li "għalkemm mhux se jinbidel kollox mil-lejl għan- nhar, bija elett fil-Parlament, tistgħu tkunu żguri li mhux ser noqgħod b'ħalqi magħluq." Matul dan l-artiklu, il-gazzetta ILLUM għażlet tliet proposti li l-aktar jiġbdu l-għajn mit-tliet kategoriji għal qalb Cassola; l-ambjent, il-politika u s-soċjetà 'Jixirqilna ambjent nadif' • Moratorja ta' sentejn fuq żvilupp intensiv tal-bini Il-manifest jagħmel enfasi fuq il-protezzjoni tal-isbuħija naturali tal-pajjiż. Cassola jisħaq li huwa dmirna bħala Maltin li nippreżervaw il-wirt kulturali tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri. Huwa għalhekk li qiegħed iwiegħed moratorja - projbizzjoni temporanja - fuq bini għoli għal sentejn. Dan biex skont Cassola "nirriflettu fuq l-iżbalji tal-imgħoddi u nippjanaw bil-għaqal għall-futur." • Inċentivi fiskali għaż-żgħażagħ fil- biedja Arnold Cassola jirrimarka kif l-art agrikola Maltija qed tisparixxi "b'rata fenomenali biex tinbidel f 'tarmak u konkos." Huwa insista li din il-qerda tal-art agrikola trid tieqaf u minflok Malta għandna titfa' l-prijorità tagħha fuq inċentivi ambjentali fosthom għal bdiewa żgħażagħ. Cassola jwiegħed inċentivi kemm fil-qasam edukattiv kif ukoll ta' natura fiskali. Dan bil-għan li s-settur agrikolu jsir aktar attraenti u jipprovdi xogħlijiet sostenibbli oħra għall-intraprendituri żgħażagħ Maltin. • Infurzar strett fuq is-sajd fl-ibħra ta' madwarna biex jiġi limitat għal metodi tradizzjonali Il-baħar ta' madwarna jilgħab rwol importanti fuq il-bijodiversità tal-gżira. Dwar dan Arnold Cassola jgħid li l-bijodiversità fil- baħar ta' madwarna ilha tinqered minħabba metodi ta' sajd slavaġġ, li ma jirrispettawx iċ-ċiklu naturali tal-ħajja tal-flora u tal- fawna tal-baħar. Huwa għalhekk li qiegħed iwiegħed infurzar strett biex is-sajd fl- ibħra ta' madwarna jiġi limitat għal metodi tradizzjonali, li "jagħtu ċans lill-bijodiversità tirkupra mill-qagħda mwiegħra li tinsab fiha." 'Jixirqilna politika nadifa' • Kuntratti / Ftehim dubjuż tal-Gvern jiġi ppubblikat u investigat Jekk mhux għal ambjent, Arnold Cassola żgur se jibqa' mfakkar għan-numru ta' inkjesti li talab lill-Kummisarju tal- Istandards biex jinvestiga. Fuq l-istess ħsieb huwa jsostni li kull kuntratt jew ehim dubjuż tal-Gvern li "għandu xamma ta' tixħim jew koruzzjoni" għandu jiġi ppublikat u investigat. Bħala eżempju, Cassola semma kuntratti ffirmati taħt ir-responsibbiltà tal- eks Ministru Konrad Mizzi. • Titwaqqaf mill-ġdid l-Awtorità tal- Ippjanar Għal Arnold Cassola, l-Awtorità tal- Ippjanar tilfet kull kredibilità u qed titqies bħala għodda kontra l-ambjent u favur l-iżviluppaturi u l-ispekulaturi. Huwa fid- dawl ta' dan li qed jinħass "bżonn ta' bidla mill-qiegħ." Skont hu din il-bidla għandha twassal biex il-membri tal-Awtorità jkunu esperti fil-qasam, totalment indipendenti mill-industrija tal-bini u ħielsa minn kull possibilità ta' kunflitt ta' interess. "L-Awtorità għandha titwaqqaf mill-ġdid sabiex tassew terġa' lura għal dik li għandha tkun: għodda importanti li tħares bl-aħjar mod ir-riżorsa limitata ta' art li għandna f 'pajjiżna." • Jissaħħu l-poteri tal-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni Il-kandidat indipendenti jitkellem imbagħad dwar il-Kummissjoni kontra l-Koruzzjoni li skont hu ma werietx li kienet strument b'saħħtu sabiex tiġġieled il-korruzzjoni. Intant huwa jżid jgħid li l-koruzzjoni f 'dawn l-aħħar snin juru kemm "hija pjaga li ħakmet lil pajjiżna. Huwa minħabba f 'hekk illi l-Kummissjoni għandha jkollha strutturi adegwati sabiex tkun tista' taħdem b'mod inċisiv u b'saħħtu." • Sussidji fuq l-internet, il-mobile, id- dawl u l-ilma għall-pensjonanti Il-manifest elettorali ta' Arnold Cassola jitkellem fuq kif il-pensjonanti jixirqilhom appoġġ u sostenn wara ħajja ta' ħidma u xogħol. Jirrimarka kif il-pensjonanti qegħdin kull sena jsibu aktar diffikultà sabiex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja bil- pensjoni tagħhom biss. Huwa għalhekk li Cassola jwiegħed sussidju fuq il-kontijiet tad-dawl, tal-mobile, l-ilma u l-internet għall-pensjonanti jkun sinjal konkret ta' sostenn għalihom. • Trattament rispettuż tal-annimali Cassola jirrikonoxxi l-progress fil-qasam tal-benessri tal-annimali iżda jgħid li l-każi ta' maltrattament li għadhom iseħħu juru li għad hemm ħafna xi jsir f 'dan il-qasam. Huwa jissuġerixxi permezz tal-wegħda tiegħu li l-pajjiż għandu l-ewwel jiffoka fuq l-edukazzjoni meta jindirizza dan il-qasam. Huwa jgħid li għandu jiżdied l-appoġġ għal kampanji edukattivi fl-iskejjel li jitilqu mill-prinċipju bażiku li l-annimali, bħall- bnedmin, huma ħlejjaq li jħossu. • Iktar investiment f 'faċilitajiet u programmi sportivi Sabiex is-settur sportiv f 'Malta jkompli jisaħħaħ u persuni li jridu jinvestu f 'karriera sportiva, jagħmlu dan mingħajr inkwiet, Cassola jappella għal żieda fl- investiment f 'faċilitajiet u programmi sportivi. Dan għandu wkoll iwassal għal kultura pożittiva favur l-isport, mhux biss fuq livell kompetittiv, iżda wkoll bħala eżerċizzju fiżiku. F'dan ir-rigward, il-kandidat indipendenti, għal 10 u 11- il distrett, wiegħed li l-premjijiet fi flus għar-rebħ ta' medalji f 'kompetizzjonijiet prestiġġjużi jiżdiedu sostanzjalment. 'Jixirqilna soċjetà ħanina'

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 6 March 2022