Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1465727
10 aħbarijiet IL-ĦADD 24 TA' APRIL 2022 • illum 'Ix-xogħol beda jiċċaqlaq u t-turist beda jinkwieta mhux ftit lis-sidien tar-ristoranti' Ir-restrizzjonijiet issa tneħħew, l-Għid għadda wkoll u issa beda riesaq l-aktar staġun b'saħħtu mil-lat turistiku. Imma x-xogħol kif sejjer għal tar-ristoranti? X'qed jinkwetahom? U x'inhuma l-prospetti għal dan is-sajf? ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Ir-restrizzjonijiet tal-Covid-19 issa tneħħew, il-festi tal-Għid għaddew u issa qegħdin fuq l-għatba ta' Mejju, ix-xahar illi jimmarka il-bidu tal-aktar staġun b'saħħtu għat-turiżmu, il-ħruġ, festi u l-konsum. Il- gazzetta ILLUM tkellmet ma' diversi sidien ta' ristoranti f 'żoni differenti fil-pajjiż u għalkemm ma qablux fuq l-andament tax-xogħol, qablu fuq il-kwistjoni tal-prezzijiet - jiġifieri li qed jogħlew, filwaqt li xi wħud semmew ukoll il-problema ta' nuqqas ta' ħaddiema. 'Ix-xogħol tajjeb... imma n-nuqqas ta' turisti mill-cruises jinħass' Alfred Zammit ħafna jafuh jew bħala s-Sindku tal-Belt Valletta jew bħala preżentatur popolari fuq l-istazzjon ONE, jew it-tnejn. Imma huwa wkoll sid ta' żewġ ristoranti fil-Belt Valletta. Mal-ILLUM huwa jgħid li x-xogħol sejjer tajjeb għax jisħaq li n-nies qed ifittxu lill-Belt Valletta, mill-ġdid. "L-aktar ġranet tajbin ikunu l-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd... u matul il- ġimgħa, ta' li hu. Naturalment il-Covid-19 ħassejniha kif qed inħossu n-nuqqas ta' turisti mill-cruises hawnhekk," saħaq Zammit. Huwa fakkar li fl-aqwa tas-sajf ġieli l-port kien qed jilqa' madwar 15,000 turist, fi tliet vapuri f 'ġurnata waħda u jgħid ukoll illi minkejja li dawn ikollhom l-ikel ħafna jinżlu u jibqgħu jduru mal-Belt u allura jixtru kafè jew xi ħaġa x'jieklu. Huwa qal li sa issa dan it-tip ta' turist għadu qed jinħass in- nuqqas tiegħu. Dwar il-prezzijiet Zammit qal li la qed jogħlew minn barra huwa ovvju li se jimpatta lis-sidien Maltin għalkemm huwa jsostni li r-ristoranti tiegħu ma għollewx il-prezzijiet. "Anzi hawnhekk mhux bħall-Italja. M'ilux mort hemmhekk u għall-patata jew ħaxix iżommulek il-flus, hawnhekk ma wasalniex sa dak il-punt," jisħaq is-sid. Dwar il-prodotti li jixtri, Zammit jgħid li għar-ristorant tiegħu huwa jixtri prodotti Maltin, speċjalment ħaxix bħala contorn, sabiex ikun tassew frisk, kif jgħid li jixtru ħafna ristoranti oħrajn. Alfred Zammit