Illum previous editions

ILLUM 7 August 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1475577

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 23

17 opinjoni illum • IL-ĦADD 07 TA' AWWISSU 2022 'Għaddew passata bina għall-vot' H ekk qalli din il-ġimgħa ħaddiem tal-Airmalta li b'tant inċertezza għalih u għall-familja tiegħu għan- du l-impjieg tiegħu mal-Airmalta mdendel bi spaga. Hekk qaluli wkoll għexieren ta' ħaddiema fil-ġimgħat li għaddew li taw ħajjithom għal-linja tal-ajru nazzjonali ta' pajjiżna. "Xħin jiġu għas-si u n-no, qatt ma jżommu kelmthom kif inkunu ehemna; eżatt bħalma ġralhom il-piloti fix- xhur li għaddew, minkejja ehim iswed fuq l-abjad." Din ir-rabja, l-inċertezza u l-istress qed jgħixuhom kuljum mijiet ta' ħaddiema li mingħalihom kellhom futur ċert kif ġew imwiegħda meta riedu l-vot tagħhom, u issa qed jiskopru li b'mod mill-aktar sfaċċat, il-Gvern Laburista se jirrombla minn fuq kulħadd biex tgħaddi tiegħu. Minkejja li lejliet l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, għal skopijiet ċari ħafna, il-Ministru Clyde Caruana u l-Prim Ministru Robert Abela wegħdu b'tant pompa li l-ħaddiema tal-Airmalta se jkunu qed jiġu trasferiti mal-Gvern, u allura li d-dħul tagħhom kien garantit, u minkejja li ntalbu japplikaw fi skema li ħareġ il-Gvern stess għal dan il-għan... jidher li issa wara l-elezzjoni, il-Gvern Laburista qed idur fuq il-ħaddiema u jgħidilhom, "Minn dak li ehemna, m'hemm xejn." Uriehom id-debba u qabbżilhom il-ħmara. Saħansitra – b'tant inċertezza wkoll fuq il-linja tal-ajru stess – xi ġurnali lokali qed jirrapportaw ukoll li l-Gvern qed jhedded lill- ħaddiema li jekk mhux se jaċċettaw dak li jrid hu, se jkun qed jagħlaq l-Airmalta u jispiċċaw jirreġistraw. L-ewwel tittradihom u tinsulentahom billi tghidilhom li mhumiex kapaċi, issa tistenna li jafdawk u jikkoperaw? Wara ħames xhur ma jagħmlu u ma jgħidu xejn issa l-Ministru u ċ-Chairman indunaw li d-data tal-qtugħ tat-12 ta' Awwissu kienet l-agħar data possibbli; L-aktar żmien impenjattiv tal-istaġun! Din hija prova (jekk qatt kien hemm bzonn ta' prova) tal- inkompetenza, tan-nuqqas ta' viżjoni, ta' nuqqas ta' strateġija u nuqqas ta' għaqal ta' dan il-Gvern. Issa jrid estensjoni sal-31 ta' Dicembru! It-tmexxija tal-Airmalta, b'arroganza liema bhalha, tkompli timponi s-superjorità billi tkun bully mal-ħaddiema u tgħidilhom li se tneħħi l-iskema tal-irtirar volontarju minn fuq il-mejda jekk jirriutaw! Skema li hija bla bilanċ u m'għandha l-ebda proporzjon... Istħu! Għandkom tibdew billi tiskużaw ruħkom talli żeblaħtu lil dawn il-ħaddiema u għaddejtu ż-żmien bihom. Din is-sitwazzjoni mhijiex aċċettabbli. Dan mhux mod kif tiggverna pajjiż. "Gvern tal-ħaddiem" li jinganna lill-ħaddiem Il-ħaddiema li tkellmu miegħi qed iħossuhom traduti u ingannati wkoll li fix-xhur ta' qabel l-elezzjoni, tal-Labour b'ħafna pompa qalulhom li qed iwaqqfu l-impjiegi mal-Gvern biex jagħmlu spazju għall-ħaddiema tal-Airmalta li se jiġu trasferiti. U llum ilkoll qed jirrealizzaw li effettivament, ma kien qed isir l-ebda spazju għalihom, u din ma kienet xejn għajr gidba sfaċċata. Minkejja li dawn il-ħaddiema għarfu s-sitwazzjoni prekarja tal- linja tal-ajru tagħna (tant meħtieġa għas-settur turistiku f 'pajjiżna u għall-ħaddiema u l-familji Maltin u Għawdxin) u fl-aħħar xhur baqgħu jikkooperaw mal-Gvern u jagħmlu s-sagrifiċċji biex kollox jimxi mingħajr skossi, issa qed jirrealizzaw li l-Gvern qed jerġa' jiġbdilhom it-tapit minn taħt saqajhom. Qed iħossuhom demoralizzati għax il-kuntratt iffirmat mill- Ministru mal-ħaddiema mhux se jiġi rispettat. Dan bħalma ħassewhom demoralizzati l-piloti tul il-pandemija meta l-Gvern għażel li ma jonorax il-ehim iswed fuq l-abjad li kellu magħhom. Erġajna għandna l-istess ħabi dwar il-kriterji kif qed jintgħażlu l-ħaddiema, dwar jekk il-Gvern talabx xi estensjoni, u dwar jekk hux minnu li l-Gvern qed jhedded li jagħlaq l-Airmalta. Għandna l-ħabi wkoll fuq taqsimiet oħra relatati mal-Airmalta, fosthom dwar il-pjanijiet tal-Gvern Laburista għall-ground handling meta għażel kumpanija lokali fl-aħħar minuta, jew għall-Airmalta Aviation Service li nieda b'tant pompa u allokalha €6 miljun li ma nafux fejn marru. Kif nistgħu nafdaw lil Gvern li ma jżommx kelmtu? Daqqa ta' ħarta lis-settur turistiku Din is-sitwazzjoni ta' inċertezza turi eżattament kif il-Gvern suppost soċjalista jittratta lill-ħaddiema, u ma tagħmilx ġid lill-eluf ta' ħaddiema Maltin u Għawdxin li l-introjtu u l-għixien tagħhom jiddependi direttament jew indirettament fuq it-turiżmu. Fl-eqqel tal-istaġun turistiku, wieħed żgur ma jistenniex li l-Airmalta tkun qed tnaqqas il-ħaddiema, jew li tittieħed azzjoni bil-moħbi li tipperikola l-eżistenza tal-linja tal-ajru nazzjonali. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista għandha għal qalbha ferm lill- linja tal-ajru Airmalta bħalma jixhed il-Pjan ta' Ristrutturar tal-Airmalta li kien ippreżenta Gvern Nazzjonalista fil-passat u approvat il-Kummissjoni Ewropea. Għaldaqstant mill- ġdid, se nkunu hemm għall- ħaddiema, se nibqgħu viġilanti u nsegwu mill-qrib is-sitwazzjoni biex il-ħaddiema jingħataw dak li ħaqqhom. Kif qed jitberbqu t-taxxi li jħallsu l-ħaddiema tagħna? L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ilha għal bosta snin imħassba wkoll dwar il-mod kif il-Gvern Laburista qed iberbaq il-flus tal- ħaddiema tagħna. Filwaqt li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin – "bl-għaraq ta' ġbinhom" kif jgħid il-Malti – jaħdmu sigħat twal fil-ġurnata biex jiżguraw għixien diċenti għalihom u għall-familja tagħhom...U filwaqt li eluf ta' ħaddiema jnaqqru mill-ħin tal- familja u tal-mistrieħ biex itejbu l-karriera tagħhom b'xi kors jew taħriġ, jew biex javvanzaw fil-pożizzjoni tagħhom għal paga aħjar... U filwaqt li lkoll inħallsu t-taxxi għal kull ewro li naqilgħu mix-xogħol, mis-sahra jew mill-part-time li nagħmlu, jew għal kull prodott jew servizz li nipprovdu... il-Gvern Laburista, bit-tberbiq tiegħu, tassew qed jirnexxilu jirrovina s-sagrifiċċji u l-kontribuzzjonijiet tal-ħaddiema tagħna. Inutli nkunu l-aktar ħaddiema ħawtiela u ħabrieka u beżlin, jekk il-flus li nħallsu bit-taxxi tagħna ma jintefqux bil-għaqal, jew saħansitra jispiċċaw fil-bwiet ta' persuni li ma nafux min huma. Ir-rabja fost il-ħaddiema tal-Airmalta tfakkarna tassew li l-ħaddiem Malti ta' kull settur jew professjoni jistħoqqlu aħjar. Tfakkarna li qabelxejn jistħoqqlu Gvern li jibża' għalih u għall- għixien tiegħu. Iżda fuq kollox tfakkarna fid-dover tagħna l-politiċi li nistinkaw għal suq tax-xogħol li jagħraf il-potenzjal qawwi li għandhom ir-riżorsi umani biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta' kull waħda u wieħed minna. Ivan Castillo Ivan Castillo huwa l-Kelliem tal-PN għax-Xogħol

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 7 August 2022