Illum previous editions

ILLUM 17 January 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1330258

Contents of this Issue

Navigation

Page 9 of 27

10 aħbarijiet IL-ĦADD 17 TA' JANNAR 2021 • illum 'Tkun insensittiva jekk bħalissa nitkellmu Il-gazzetta ILLUM tistaqsi lill-Kurja tal-Arċisqof jekk hux se taġġorna jew testendi d-direttivi dwar il-festi u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa. Titkellem ukoll ma organizzaturi tal-festa u tistaqsihom x'jaħsbu dwar il-festi fis-sena 2021... Il-Purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna tal-Grazzja f 'Ħaż-Żabbar YENDRICK CIOFFI Minkejja li xi festi titulari jinsabu wara l-bieb, kif inhuma wkoll iċ-ċelebrazzjonijiet tal- Ġimgħa Mqaddsa, li normalment il-preparazzjoni għalihom tibda minn issa, ma jidhirx li l-Arċidjoċesi se tkun qed tippubblika direttivi ġodda fil- qrib. Mistoqsija mill-gazzetta ILLUM, jekk hux se taġġorna jew testendi d-direttivi dwar il-festi li ħarġet is- sena li għaddiet, il-Knisja qalet biss li se tkompli timxi mad-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet tas- saħħa. "Bħalissa tinħass insensittiva li nitkellmu fuq l-eventwalità ta' festi meta għaddejin minn dan iż-żmien diffiċli, b'imwiet kuljum u rata għolja ta' każi pożittivi," wieġbet l-Arċidjoċesi lill-ILLUM. L-ILLUM bagħtet tistaqsi lill- Arċidjoċesi dwar jekk hux se tippubblika direttivi ġodda hekk kif -aħħar kommunikazzjoni tal-Kurja dwar il-festi, datata l-1 ta' Awwissu 2020, ir-regolamenti kienu jgħoddu "għall-festi kollha ċċelebrati tul is- sena 2020." Anke jekk wieħed mhux jippretendi li jsiru l-festi meta l-każi qed jiżdiedu, id-dilettanti tal-festa li tkellmu mal-gazzetta ILLUM saħqu li għandu jkun hemm xi forma ta' kommunikazzjoni, anke meta tqis li hemm festi u ċelebrazzjonijiet li huwa wara l-bieb. Fil-fatt, l-ILLUM staqsiet ukoll lill-Arċidjoċesi jekk hux se tippubblika direttivi dwar iċ- ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa, anke għax minkejja li fadal sa April, il-preparazzjonijiet għalihom tibda minn issa. Fit-tweġiba tagħha, il-Kurja qalet biss li "f 'dan l-istadju, tappella lil kulħadd sabiex nieħdu ħsieb xulxin billi nimxu mad-direttivi tas- saħħa." X'seħħ is-sena li għaddiet? Is-sena li għaddiet, iċ- ċelebrazzjonijiet kollha tal-Ġimgħa Mqaddsa ma sarux, inkluż iċ- ċelebrazzjonijiet fil-knejjes hekk kif dawn kienu magħluqa. Anke l-festi. Ħafna minnhom ma sarux. Id-direttivi tal-Kurja kienu ċari. Il-festa setgħet tkun iċċelebrata f 'ġurnata waħda biss, jiġifieri dakinhar tal-festa, b'quddiesa solenni. Il-vari setgħu jinħarġu biss fil-knejjes jumejn qabel il-festa. Il- festi esterni tħassru kompletament. F'Lulju, ingħataw il-permess biex isiru wkoll pellegrinaġġi bil- vari, iżda dawn twaqqfu ħesrem mill-ewwel Ħadd ta' Awwissu meta l-każi tal-Covid-19 reġgħu splodew 'il fuq. San Pawl l-ewwel li jlaqqata' San Pawl tal-Belt, iċċelebrat fis- Solennità tan-Nawfraġju ta' San Pawl, nhar l-10 ta' Frar, kien l-ewwel li laqqata'. Fil-fatt, il-Kapitlu tal-Kolleġġjata u anke l-Għaqda tal-Pawlini, ilhom minn Diċembru li ħabbru li mhux se tkun qed issir il-festa esterna, inkluż il-purċissjoni bl-istatwa ta' San Pawl. Għal din is-sena, il-festa ta' San Pawl se tkun iċċelebrata bi preparazzjoni spiritwali fil- knisja u bil-Pontifikal li se jsir nhar l-10 ta' Frar fid-9:30am. Filgħaxija l-purċissjoni mhux se ssir, iżda l-Pawlini Beltin qed jippjanaw pellegrinaġġ bil-vara ta' San Pawl nhar il-Ħadd il-5 ta' Settembru, dejjem jekk jippermettu l-awtoritajiet tas-saħħa. L-Għaqda tal-Pawlini qalet li se tkun qed tarma u żżejjed l-inħawi madwar il-Kolleġġjata filwaqt li se torganizza attivitajiet fil- Barrakka ta' Isfel fid-9 ta' Frar, u Taħt il-Qanpiena nhar l-10 ta' Frar filgħaxija, bil-miżuri kollha hekk kif mitluba mill-awtoritajiet tas-saħħa. Festa oħra li tinsab wara l-bieb, hija dik ta' San Ġużepp fir-Rabat tal-Imdina, iċċelebrata nhar id- 19 ta' Marzu. Sa issa, dwar din il-festa ma kien hemm l-ebda kommunikazzjoni. Din kienet l-ewwel festa li tħassret is-sena li għaddiet hekk kif kienu nstabu l-ewwel każi tal-Covid-19 f 'Malta. Is-sena li għaddiet kellha tkun sena speċjali għall-Ġużeppini, mhux biss Rabtin, minħabba ċ-ċelebrazzjonijiet tal-150 anniversarju minn meta San Ġużepp kien ipproklamat bħala Patrun tal-Knisja Universali. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet qed ikomplu din is-sena, hekk kif fl- okkażjoni ta' dan l-anniversarju, il-Papa Franġisku ddikkjara Sena Ġużeppina. X'qed jagħmlu l-għaqdiet tal-festa u l-każini? Fil-jiem li għaddew, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma' diversi voluntiera li jaħdmu f 'għaqdiet jew inkella f 'każini li qed jistennew direzzjoni mill-Knisja dwar il-festi, anke għax il-preparazzjoni għal dawn il-jiem jibdew minn xhur qabel. Għalkemm donnu hemm rassenjazzjoni, li anke jekk isiru, il-festi mhux se jkunu qed isiru fuq l-iskala tas-soltu, xorta waħda qed jistennew forma ta' direzzjoni mill- Knisja biex ikunu jistgħu jippjanaw il-ħidma tagħhom. Bħal kull għaqda, negozju jew entità, l-għaqdiet tal-festi u l-każini qalgħu daqqa kbira bil-pandemija, l-aktar fejn jidħlu l-finanzi. Dan ukoll qed jinkwieta u jħasseb diversi voluntiera. L-ILLUM tistaqsi... Propju għalhekk li l-gazzetta ILLUM tkellmet ma' erba' voluntiera li huma imdaħħla direttament fl-organizzazzjoni ta' festa. L-ILLUM staqsiethom erba' mistoqsijiet, jiġifieri jekk jaħsbux li l-festi se jsiru, jekk hux se jsiru fuq l-istess skala tas-soltu, jekk hux qed iħejju programm għall-festa u anke staqsithom dwar l-impatt li l-pandemija kellha fuq l-għaqda jew il-każin rispettiv tagħhom. Ritratt ta' Mark Micallef Perconte

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 17 January 2021