Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1337050
16 letteratura IL-ĦADD 7 TA' FRAR 2021 • illum Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mitt ruħ, mitt storja Nies li jistgħu jkunu vera KS: Ftit tax-xhur ilu f'din il-gazzetta ktibt reċensjoni rigward il-ġabra ta' mikrostejjer Fuq Widnejn Torox tal-kittieba Rita Saliba. Sintendi ma setax jonqos li kelli nsemmi lilek ġaladarba kont proprju int – għall-inqas safejn naf jien – illi introduċejt dan il-ġeneru ta' proża fil-letteratura tagħna, b'mod partikulari bl-inizjattiva Għidli Mitejn. Fid-daħla għall- aħħar ktieb tiegħek Mitt Ruħ (Nies li jistgħu jkunu vera) – mitt storja li ma jaqbżux it-tul ta' paġna waħda – irrimarkajt illi l-promozzjoni tiegħek ta' din ix-xorta ta' flash-fiction hija wkoll bħal risposta kontra l-fatt illi ħafna nies donnu jipprendu t-tul ta' ktieb sħiħ. Nistgħu ngħidu li dan it- tentattiv tiegħek kien suċċess. Mill-banda l-oħra, issib min jgħidlek illi strateġija bħal din kapaċi wkoll tirrinforza din l-istess biża', ġaladarba tista' tiskuraġġixxi l-qari tal- kotba sħaħ: il-qarreja jistgħu faċilment jidraw dan il-format konċiż b'tali mod illi, imbagħad, żgur qatt ma jitħajru japprezzaw il-kitba fit-tul. Mill- banda l-oħra mbagħad f'dar- rigward jistgħu jsiru wkoll xi kontro-argumenti: dejjem aħjar illi n-nies jaqraw il-mikrostejjer milli ebda storja. Barra minn hekk, għandu mnejn dan il-ġeneru maż-żmien jixrpuna wkoll f'xi qarrejja x-xewqa ta' qari ta' proża itwal. Kif tivvaluta daż-żewġ perspettivi? ĠM: Il-punti t-tnejn validi. Ma neħodhiex bi kbira li wħud jiġu affettwati minn wieħed jew inkella mill-ieħor. Nammetti li Għidli Mitejn kont bdejtha sforz riċerka nazzjonali dwar il-qari f 'pajjiżna li kien ikkummissjona l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u li, fost ħwejjeġ oħra, ħareġ minnha li dawk li ma jaqrawx jibżgħu mit-tul fil-kitba. Voldieri l-ixprun tal-kitba tiegħi u forsi r-rwol mexxej tiegħi fil-qasam tal-mikrostorja f 'pajjiżna kien prammatiku. Ma kienx jimporta wisq kieku dawk li qatt ma jaqraw almenu jaqraw biss mikrostejjer: kien ikun aktar minn xejn. Imma iva, f 'dawk aktar inklinati lejn il- qari jistgħu jqanqlu kemm l-għażż, fuq naħa, kif ukoll il-ħerqa għal xi ħaġa aktar, fuq l-oħra. Ma naf b'ebda riċerka empirika li saret fuq dan, għalkemm interessanti, forsi, li xi darba ssir. Imma l-mikrostorja hi aktar min biċċa kitba prammatikament maħsuba biex tnissel ix-xenqa għall-qari. Hija wkoll forma letterarja li, meta tesploraha, issib li l-makkinarju tagħha jinsilef għall-instantanjetà tal-ħolqien ta' xenarji u karattri abbrevjati li, sadanittant, jintimaw ħafna u ħafna aktar. U hija f 'din l-intimazzjoni li forsi tqanqal il- kurżità f 'min ibill griżmejh biha. Għax hemm ħafna mill-para- rhyme ta' xi Owen fiha din... dak l-istrument li jidher u jinħass komplut, imma li jibqa' jwebblek illi hemm xi ħaġa nieqsa. Fil-każ ta' Owen, dan in-nuqqas jinħass fil-widna. Fil-każ tal-mikrostorja tinħass l-inkonklussività tal- istorja, li iżda hija paradossalment konkluża. Fix-xewqa li tistaqsi, "U mbagħad?" KS: Lejn tmiem id-daħla għal dan il-ktieb tirreferi għat-teknika letterarja tad- dénouement. Qiegħed nagħżel illi niffoka qatigħ fuq id-daħla għax jidhirli li Mitt Ruħ huwa wieħed minn dawk il-ftit kotba lokali b'introduzzjoni tassew sinifikanti. Ftit xhur ilu kont għamilt dan b'referenza għad-daħla tal-ġabra ta' stejjer qosra Inkontri ta' Kuljum ta' John Portelli. Hemm kotba oħra b'daħliet illi għal xi raġuni ngħoddhom b'notevoli. Dal-ħin qiegħed tiġi f'moħħi, ngħidu aħna, id-daħla tal-ġabra Il-Ktieb tas-Sibt Filgħaxija t'Immanuel Mifsud. Lura għad-dénouement, voldieri r-riżoluzzjoni aħħarija ta' narrattiva li tiżvolġi sewsew wara l-climax (jew l-anti- climax): fid-daħla tiegħek irrimarkajt – b'ispirazzjoni mill-arti tal-komikstrip – illi bosta drabi tinqeda b'din it-teknika biex "tiddetermina l-kompletezza tal-karattru" jonkella biex "tagħlaq l-istorja biex tindika l-karattru x'inhu". F'dan il-proċess kreattiv tiegħek is-soltu x'jiġi l-ewwel? L-introduzzjoni? Il-bqija tal- istorja? L-għeluq? Qiegħed nistaqsik dan qabelxejn b'kurżità għax fil-każ tiegħi spiss – irrid jew ma rridx – nispiċċa nibda kollox mill-kuda, voldieri mit-tmiem. Għadni niftakar ċar qisu lbieraħ – fit- tielet klassi tal-primarja, waqt xi speċi ta' lezzjoni tal-kitba kreattiva – nibda nikteb storja mit-tmiem fl-aħħar erba' linja tal-paġna; il-bqija ma stajtx inġibu f'moħħi. Niftakar l-għalliema tgħajjat fil-klassi: "Imma kif dejjem bilfors kollox bil-kontra trid tagħmel int!?" U int Ġorġ? ĠM: Fil-każ ta' Mitt Ruħ il- proċess kien xi it differenti milli soltu nħaddem fil-kitba tieġħi, partikularment dik għat-tfal, fejn nippjana l-idea kważi kollha, imma mbagħad nibnieha minn ġewwa jiena u għaddej bil-kitba. L-għan ewlieni ta' din il-ġabra kien illi nintroduċi mitt karattru lill-qarrejja tiegħi. Imma kull wieħed minn dawk il-karattri hu distintiv minħabba l-ġrajja tiegħu. Hi appuntu dik il-ġrajja li jien nirrakkonta biex noħroġ kemm niflaħ elementi fil- karattri. Hemm għadd ta' kritiċi li jqisu li l-mikrostorja mhix tajba biex tiżvolġi karattru fil-fond, għax qasira wisq. F'dal-ktieb ridt nuri li dan mhux minnu. Fil-biċċa l-kbira, kull waħda minn dawn l-istejjer ġewni f 'moħħi fi sħaba ta' ħsibijiet – normalment iduru madwar it- tema li xtaqt niżvolġi. Ngħidu aħna, l-akoħoliżmu, l-istupru, ir- razziżmu. Imbagħad minn hemm jinbet kważi komplut f 'moħħi l-profil tal-mara alkoħolika, tal- mentalità tal-istupratur u tar- reazzjoni formattiva tal-vittma tiegħu, il-karattru tal-mara razzista li lesta ssarraf il-mibegħda ksenofobika tagħha anke fi qtil. U huwa proprju f 'dan il-ħin li nibda nikteb. Ħafna drabi ikolli biss ħjiel tal-format li se tieħu l-istorja nfisha, tal-istil, u anke tat-tmiem innifsu, għalkemm ikolli idea ta' fejn irrid immur bil-karattru... appuntu fid-dénouement li jikkonsolidah. Kull storja nkitbet f 'sitting wieħed, f 'mhux aktar minn bejn kwarta u nofs siegħa, għax il-ħin jittieħed fil- ħsieb tal-bidu. Dak kien il-proċess tiegħi tal-kitba f 'Mitt Ruħ. Voldieri, la mill-bidu u lanqas mit-tmiem... imma minn foga ta' ideat jagħqdu madwar it-tnissil ta' tema f 'karattru. KS: Matul l-aħħar skambju qasir li kellna għedtli li Mitt Ruħ huwa l-iktar ktieb tiegħek li tgħożż. Tarraftli wkoll illi fil-biċċa l-kbira ktibtu waqt splużjoni kreattiva – ħassejtek bħal "funtana". Anke fid-daħla bħal tagħti dan il-ħjiel. Għandi nifhem, għaldaqstant, li dan il-proġett letterarju kompla sewsew fejn ħalliet l-aħħar ġabra bilingwi ta' poeżiji tiegħek My Love Had Eyes of Blue and Dreams. Kif żgur tiftakar konna tkellimna dwarha fit-tul fl-intervista Bħall- għama li jħobb l-iswed. Qiegħed ngħid dan l-iżjed għax fid- daħla tistqarr illi dawn l-istejjer inkitbu "fi żmien ta' dwejjaq kbar [...] minħabba fi ġrajjiet li seħħew fil-ħajja privata tiegħi. [...] Il-kitba hija balzmu għalija. [...] Twarrabli l-għamad ta' dlam li spiss jinżel bħal star ikrah fuq ħsusi". U għax tgħid hemm bosta narrattivi suwed f'din il-ġabra. Il-kittieba Taljana Alda Merini darba osservat illi l-"isbaħ teatru li nistgħu naraw huwa proprju d-destin tagħna". B'rabta ma' dan iżda b'mod iżjed espliċitu – fix-xogħol bikri tiegħu Die Geburt der Tragödie (It-Twelid tat-Traġedja, 1872) – Friedrich Nietzsche kien spekula, pjuttost kontra t-teoriji drammatiċi dominanti ta' żmien l-Illuminiżmu, illi l-Griegi tal-Qedem ħolqu t-traġedja sabiex minkejja kollox jaffermaw l-eżistenza tagħhom ħalli b'hekk, imbagħad, iseħħilhom jittraxxendu n-niħiliżmu u l-pessimiżmu. Din l-interpretazzjoni ta' Nietzsche donnu għandha Ġorġ Mallia

