Illum previous editions

ILLUM 7 February 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1337050

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 27

18 opinjoni IL-ĦADD 7 TA' FRAR 2021 • illum Dħul minimu għal għixien diċenti F i ħdan l-Unjoni Ew- ropea beda dibattitu dwar il-ħtieġa ta' paga minima diċenti f 'kull pajjiż tal-Unjoni. Meta nħatret, il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen iddikjarat li l-Kummissjoni, taħt it-tmexxija tagħha, kienet ser tressaq propos- ta ta' leġislazzjoni biex kull min jaħdem ikollu d-dritt għal paga minima li tkun waħda ġusta. Il-proċess ta' konsultazzjoni fl-Unjoni Ewropea beda madwar sena ilu. Bħala riżultat ta' dan, ġiet iffinalizzata proposta għal Direttiva fuq paga minima adegwata flimkien ma' numru ta' dokumenti, inkluż studju estensiv dwar l-impatti ta' din il-miżura. F'nota spjegattiva ppubblikata flimkien mad-Direttiva proposta hu emfasizzat li "fil-maġġoranza tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li għandhom paga minima nazzjonali, din il-paga minima hi baxxa wisq meta pparagunat ma' pagi oħra. M'hiex biżżejjed għal għixien diċenti avolja kien hemm żiediet fis-snin riċenti." Fl-istudju dwar l-impatti ta' din il-miżura hu spejgat li żieda fil-paga minima skond il-kriterji tad-Direttiva deskritti bħala "double decency threshold" (60 fil-mija tal-paga medjana u 50 fil-mija tal-paga medja) ittejjeb il-pagi ta' madwar 25 miljun ħaddiem fl-Ewropa. Malta hi wieħed mill-pajjiżi b'paga minima baxxa li ma sservix għal għixien diċenti. L-istudju tal-Caritas ippubblikat nhar il-Ġimgħa għal darba oħra jidentifika nuqqasijiet fuq kif qed tinħadem il-paga minima f 'Malta meta din tkun l-unika dħul għal numru ta' familji vulnerabbli. L-istudju tal-Caritas intitolat "A Minimum Essential Budget for a Decent Living 2020" isegwi studji oħra tal-Caritas ippubblikati fl-2012 u fl-2016: permezz ta' riċerka iffukata jispjega kif il-ħtiġijiet bażiċi ta' familji vulnerabbli ma jistgħux ikunu ndirizzati jekk dawn ikunu dipendenti fuq paga minima waħda. Dan l-aħħar studju tal- Caritas jasal għall-konklużjoni li familja konsistenti f 'żewġ adulti u żewġt itfal teħtieġ €13,947 fis-sena bħala l-minimu biex tgħix b'mod diċenti. Dan l-ammont jonqos għal €11,038 jekk il-familja tkun tikkonsisti f 'ġenitur wieħed u żewġt itfal. Din hi ħtieġa ferm iktar mill- paga minima li fl-2021 hi ta' €181.08 fil-ġimgħa, anke jekk wieħed jieħu in konsiderazzjoni l-bonus ta' Ġunju kif ukoll dak ta' Diċembru. Min-naħa l-oħra l-ħtiġijiet ta' koppja ta' żewġ anzjani, jkompli jgħidilna r-rapport tal-Caritas huma madwar €8,157 fis-sena. Din l-aħħar ċifra hi it aħjar minn ta' qabilha. Ir-rapport imma jżid jgħid li din faċilment tista' tvarja minħabba l-ispejjeż li jiffaċċjaw l-anzjani, fosthom dawk dwar is-saħħa li bosta drabi huma mprevedibbli. Dan kollu jeskludi każi fejn mill-paga minima tkun trid titħallas ukoll il-kera mis-settur privat, f 'liema każ mhuwiex possibli li tgħix bil-paga minima. Ir-rapport tal-Caritas jemfasizza li l-impatt tal-kera f 'dawn iċ-ċirkustanzi jeffettwa b'mod drammatiku l-kwalità tal-ħajja tal-familji bi dħul baxx. Il-ehim iffirmat bejn il- Gvern u l-isħab soċjali fl-2017 li permezz tiegħu wara sena fuq il- paga minima jkun hemm żieda ta' €3 fil-ġimgha u €3 oħra wara t-tieni sena kien pass tajjeb il- quddiem li jnaqqas it-tbatija ta' dawk b'paga minima. Imma dan mhux biżżejjed. Hemm ħtieġa ta' bidliet radikali fuq kif tinħadem il-paga minima biex din tkun tirrifletti l-ħtiġijiet reali. Trid issostni għixien dinjituż. L-aħbar riċenti li l-Gvern Malti hu wieħed mill-Gvernijiet Ewropej li qed jopponu l-proposta ta' Direttiva Ewropea biex jinħoloq qafas li jirregola l-paga minima hi ta' tħassib minħabba li l-Gvern Malti ilu jkaxkar saqajh dwar ir-reviżjoni regolari tal-paga minima biex din tkun tirrifletti l-ħtiġijiet attwali. L-ADPD ilha żmien titkellem u tinsisti dwar din il-ħtieġa. Imma l-Gvern repetutament wera li kien iktar moħħu f 'dawk li kienu qed jistgħanew. Kien iktar moħħu biex jiddefendi l-imbruljuni f 'nofsu. Is-soċjetà tagħna teħtieġ li tiġġarantixxi dħul bażiku għal kulħadd li permezz tiegħu ikun possibli li tgħix b'mod diċenti. Numru ta' pajjiżi għaddejjin bi proġetti pilota biex jidentifikaw l-aħjar mod kif dan jista' jsir. Hemm ħafna x'nistgħu nitgħallmu minn dan kollu. Is-suppliment tal-pagi waqt l-imxija tal- Covid-19 f 'Malta, per eżempju, kienet miżura f 'waqtha li għandna nanalizzawha sewwa. Jekk applikata sewwa tista' tkun il-bażi ta' inizjattiva fit-tul li tista' tiggarantixxi dħul minimu għal kulħadd. Ovvjament xejn mhu faċli. Jeħtieġ iżda li nibdew nippjanaw fit-tul biex naslu ħalli nkunu nistgħu niggarantixxu dħul minimu għal kulħadd u b'hekk ikun assigurat li kulħadd ikollu aċċess għal biżżejjed riżorsi biex jgħix ħajja dinjituża. Dan hu l-pass li jmiss fl-iżvilupp tal-politika soċjali tagħna. Carmel Cacopardo Carmel Cacopardo hu ċ-Chairperson tal-ADPD Is-suppliment tal-pagi waqt l-imxija tal- Covid-19 f'Malta, per eżempju, kienet miżura f'waqtha li għandna nanalizzawha sewwa. Jekk applikata sewwa tista' tkun il-bażi ta' inizjattiva fit-tul li tista' tiggarantixxi dħul minimu għal kulħadd

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 7 February 2021