Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1457523
20 elezzjoni2022 IL-ĦADD 6 TA' MARZU 2022 • illum L-ADPD tgħid li wasal iż-żmien li ssir diskussjoni fuq Dħul Bażiku Garantit Carmel Cacopardo - Chairperson tal-ADPD - sostna illi hemm bżonn li l-Gvern jibda diskussjoni dwar Dħul Bażiku Garantit u jfakkar li f 'xi pajjiżi saru proġetti pilota biex ikun mistħarreġ kif dan jista' jsir. "F'Malta wkoll għaqdiet b'impenn soċjali u xi unions qed jeżaminaw dak li qed iseħħ f 'pajjiżi oħra. Ikun tajjeb li l-Gvern jippubblika xi studji li għamel biex tinfetaħ diskussjoni pubblika." Cacopardo - li kien qed jindirizza l-Laqgħa Ġenerali Straordinarja tal-ADPD fakkar illi l-aħħar studju li sar għab-bażi ta' ċifri tal-2020 juri li hemm diskrepanza ta' 40% bejn il-bżonn li familja tgħix diċenti u l-paga minima, persentaġġ li jfisser total ta' €4,000 inqas milli meħtieġ. "Huwa tajjeb li s-servizzi soċjali qed itaffu l-problema f 'dawn iċ-ċirkostanzi, pero' jkun ferm aħjar jekk il-paga minima tkun maħduma aħjar, kif għandu jkun," qal iċ-Chairperson tal-ADPD. Fid-dawl tal-għoli tal-ħajja Cacopardo sostna li hemm bżonn li dawk li huma vulnerabbli ma jibqgħux jistennew sa l-aħħar tas- sena biex jieħdu ż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Għalhekk l-ADPD qed tipproponi li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja tibda titħallas darbtejn fis-sena. 'Għandna bżonn xkupa politika li tnaddaf waħda sew' Cacopardo qal illi l-ADPD għażlet l-ixkupa bħala s-simbolu elettorali biex ikollha messaġġ ċar li jiniehem minn kulħadd. "L-ixkupa nużawha biex innaddfu. Biex niġbru l-ħmieġ. Għandna bżonn xkupa politika li tnaddaf waħda sew: mhux biss tnaddaf lill-Parlament imma wkoll biex iddaħħal it sens fid-diversi oqsma tal-politika li jaffettwaw il- kwalità ta' ħajjitna." Cacopardo sostna li fuq quddiem nett hemm il-ħtieġa li tkun rijinforzata l-etika fil- ħajja pubblika. "L-indafa fil-ħajja pubblika ma tiġix mix-xejn. Irridu naħdmu għaliha kuljum. Ma jistax ikun li l-membri parlamentari filgħodu jkunu għax-xogħol fl- impieg jew professjoni tagħhom u mbagħad wara nofsinnhar jattendu l-parlament," qal Cacoppardo. Huwa sostna li l-ħidma tad- Deputati jeħtieġ tkun iffukata fuq il-Parlament għax qal li huwa nerċessarju li jkun eliminat, safejn hu umanament possibli, kull kunflitt ta' interess. Cacopardo qal ukoll li hemm bżonn tiġi riformata l-leġiżlazzjoni dwar il-finanzjament tal-partiti u staqsa kif qatt jista' jkun li l-Kummissjoni Elettorali tiffunzjona sew jekk hija magħmula minn rappreżentanti taż-żewġ partiti biss. "Hemm bżonn dawra sew biex jingħalqu t-toqob tal-finanzjament tal-partiti. Waħda mit-toqob il- kbar hi l-kumpaniji kummerċjali tal-partiti l-kbar li ilhom snin ma jippreżentaw il-kontijiet ivverifikati tagħhom. Ħadd ma jaf x'finanzi jgħaddu minn dawn il-kumpaniji, fosthom taparsi servizzi u riklami imma li jkunu donazzjonijiet moħbija," temm jgħid Carmel Cacopardo. ... u tipproponi wkoll li ż-żieda fl-għoli tal-ħajja tingħata darbtejn fis-sena