Illum previous editions

illum 28 august 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1477423

Contents of this Issue

Navigation

Page 5 of 23

06 aħbarijiet IL-ĦADD 28 TA' AWWISSU 2022 • illum Karmenu Fino, Salvu Bonniċi u Doaa Kasem F'siegħa jistgħu jiġru ħafna affarijiet' Il-pulizija tieqaf tfittex persuni li ilhom irraportati nieqsa snin twal? Il-familja tigi notifikata meta jinstab katavru? Għaliex il-pulizija ma sabitx lil Nicholas Camilleri? Iwieġeb is-Supretendent tal-iskwadra Vice dwar il-persuni rraportati nieqsa f'Malta ANTHEA CACHIA Il-Malti jgħid li min jistenna jithenna, imma mhux f 'dan il- każ. Fil-fatt l-ILLUM iltaqgħet mas-Supretendent tal-Iskwadra Vice fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, Johann Joseph Fenech, li stqarr li f 'każijiet meta persuna tgħib jew taħrab huwa kruċjali li l-ħbieb jew qraba jagħmlu rapport minnufih. Tant hu hekk li insista li, "aktar kemm wieħed iħalli l-ħin jgħaddi, aktar jonqos iċ-ċans li nsibu lill-persuna n-nieqsa. Jaf ikun tard wisq". L-ILLUM tkellmet mas- Supretendent fid-dawl tal-fatt li fl-aħħar sentejn, għadd ta' persuni ġew irrapportati nieqsa u sa issa għadhom ma nstabux. B'mod partikolari, fost l-aktar każi riċenti hemm dawk taż-żagħżugħa ta' 17-il sena Doaa Kasem, l-anzjan ta' 70 sena Salvu Bonnici u l-anzjan ta' 83 sena Karmenu Fino li eventwalment instab mejjet f 'għalqa f 'Birżebbuġa u ġie identifikat din il-ġimgħa wara diversi testijiet. Fil-każ, ta' Fino, ir-rapport dwar l-għibien tiegħu sar disa' sigħat wara li ntlemaħ għall-aħħar darba, minn fuq il-kameras, ħiereġ mir- residenza San Vinċenz de Paule. "Fil-każ ta' Fino, l-investigazzjonijiet bdew minnufih minn meta daħal ir- rapport li l-anzjan kien nieqes. Kull minuta hija essenzjali. Wieħed m'għandux għalfejn joqgħod jistenna lil dik il-persuna tirritorna. F'dawk is-sigħat jistgħu jiġru ħafna affarjiet." Hekk qal Fenech, meta mistqosi jekk id- dewmien fir-rappurtar tal-każ ta' Fino setax tellef l-investigazzjoni u t-tfittxija għalih. 'Il-Pulizija ma tieqaf tfittex qatt' Il-Pulizija ma tieqaf tfittex qatt lil dawk il-persuni li jiġu rraportati nieqsa. Fil-fatt is-Supretendent insista li l-file tal-persuna ma jingħalaq qatt, sakemm ma tinstabx. Huwa saħaq li f 'każi ta' persuni rraportati nieqsa għal snin twal tkun aktar diffiċli għalihom biex isibuhom. "Wara ċertu żmien jaf ma jkollniex indikaturi ġodda u nkunu eżawrejna l-possibilitajiet kollha meħtieġa biex insibu lil dik il-persuna. Minkejja li ma jkunx għadu daqstant attiv, qatt ma jitqiegħed fuq l-ixkaffa," qal Fenech. Minkejja dan huwa saħaq li jkun hemm każi uniċi fejn tidħol xi informazzjoni ġdida xhur wara u l-każ jingħata spinta. Iżda reġa' tenna li min-naħa tal-Korp, il-każ ma jkun solvut qatt sakemm ma tinstabx il-persuna. 'Il-familji tal-persuni neqsin qatt ma ninsewhom' "Meta jkollna ħjiel li l-katavru li jkun instab jista' jkun li hi dik il-persuna rraportata nieqsa, il- familja tiġi notifikata mal-ewwel," stqarr Fenech. Huwa saħaq li tul l-investigazzjoni kollha, il- familja dejjem tingħata prijorità u għaldaqstant tibqa' tiġi aġġornata ma' kull żvilupp. Jisħaq li jekk jinstab katavru fi stat qawwi ta' dekompożizzjoni u għaldaqstant ikollu bżonn jiġi identifikat permezz tad-DNA, jinħatar espert li b'kawtela javviċina l-familja biex jittieħed kampjun tad-DNA u b'hekk ikunu jistgħu iqabbluh ma' dak tal-katavru. "Eventwalment issir l-awtopjsa, però biex jiġi identifikat, irridu nieħdu kampjuni tad-DNA biex inqabblu mal-fdalijiet." Hawn huwa spjega li biex jittieħdu l-kampjuni, wara li jinstab il- katavru u jsir ir-rapport uffiċjali fl-għassa tad-distrett, jinħatar Maġistrat u dan eventwalment jaħtar l-esperti. "Dan isir ukoll biex jiġi stabbilit jekk hemmx sinjali ta' vjolenza fuqu. Sussegwentament din tindika jekk dan kienx każ ta' mewta naturali jew omiċidju," żied jgħid Fenech. Hawn huwa fakkar li l-iskwadra Vice - liema skwadra taqa' taħt il- kappa tiegħu - tgħin lill-Pulizija tad-Distrett tul dan il-proċess. Dan b'mod speċjali jekk ikunu involuti 'Kull informazzjoni li nirċievu tista' tkun kruċjali' Fl-aħħar ta' din l-intervista Fenech stqarr li xtaq li jagħmel appell. Huwa saħaq mal-ILLUM li kull tip ta' informazzjoni li jirċievu jaf tkun kruċjali. "Aħna ma nistgħux inkunu f'kull post f'kull ħin tal-ġurnata, imma n-nies iva. Jistgħu iċemplu b'mod anonimu. Kull informazzjoni tgħodd, anke jekk ikollhom dubju. Aħna mbagħad ninvestigaw," qal Fenech. Għalhekk huwa appella li jekk xi ħadd jara lil xi ħadd li jaħseb li huwa persuna rrapportata nieqsa, jistgħu iċemplu jew imorru l-eqreb għassa. Apparti minn hekk wieħed jista' jċempel lid-Depot fuq 21224001. "Mingħajr din l-għajnuna diffiċli aktar biex insibuhom għax irid ikollok xi ħaġa fuq xiex taħdem biex tieħu azzjoni. Kieku ma jkollokx, fejn se taqbad tfittex?", temm jistaqsi s-Supretendent Johann Fenech. is-Supretendent tal-iskwadra Vice Johann Joseph fenech

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 28 august 2022