Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1080738
illum | Il-Ħadd 10 ta' Frar 2019 Rakkont 16 G ħadni niftakar. Qisu lbieraħ. Dak iż-żmien, kelli tnax-il sena. Bi skola ma ridtx naf. Kont tfajjel fuq ruħi. L-għalliema għalxejn kienet tħambaq! U ommi teqred! Ta' rasi kont nagħmel! Kemm konna nieħdu gost naħarbu mill-iskola u nerħulha lejn ix-xagħri tar-raħal, niġru kemm nifilħu qisna għefiered! Konna nieħdu gost bix-xejn, immorru lura d-dar maħmuġin inkallati... daqqa mimlijin tajn, drabi oħra bil-bużbież jew xewk fix-xagħar u erħilhom saqajna mimlijin daqqiet u tbenġil minn xi waqgħa 'l hawn u 'l hemm. Imma konna nieħdu gost. Kont inxomm ir-riħa friska tal-fjuri tal-kampanja jiena u niġri b'nifsi maqtugħ, wiċċ ruxxan, inħoss ir-riħ ivenven ġo xagħri, l-arja pura tan-natura tmellisli l-ġilda ta' wiċċi... U dakinhar konna qegħdin nilagħbu noli. Lili ħadd ma kien isibni xħin kont nistaħba! Ma tantx kien fini u allura kont nidħol f 'kull toqba li kont insib. "Jonah! M'għadniex nilagħbu!" ta' sikwit kienu jgħajtuli sħabi, hekk xħin kienu jkunu qatgħu qalbkom li jsibuni. "Ara vera bla grazzja!" kont ngħidilhom b'sarkażmu. Imma dakinhar kienu sabuni mill-ewwel. L-ewwel wieħed. Mhux għax ma kontx ilħaqt staħbejt. Imma għax hekk xħin kont rajtu, tant kont intlift fih, li kont bqajt għarkoppteja fuq il-ħamrija, niflih sew. Lanqas biss kont indunajt li l-ġebel imdaqqas u ċ-ċapep tal- ħamrija kienu deħlin fil-ġilda ta' rkopptejja. Tant kemm kont mitluf li ma kontx qed nagħti kas! Ftit qabel kont ġejt niġri b'nifsi maqtugħ, il-ħsieb tiegħi li nistaħba wara l-ħajt tas-sejjieħ tal-għalqa. Ħarsti kienet waqgħet fuq xi ħaġa kulur il-kafè mdardar bil-ħalib kemm kemm 'il barra minn bejn il-ġebel tal-ħajt. Kont kemmixt moħħi u għal mument iċċassajt. Għamilt idi fuqha bil-mod u indunajt li kienet karta. Karta qadima. Ressaqt il-ġebel ta' madwarha u ħriġtha. Kien ktieb. Ktieb mingħajr qoxra. Nofsu mmermer. Mikul. Bil-paġni mmuffati. Il-karti tiegħu kienu bla saħħa, imtertqin. Min jaf kemm kien ilu hawn? Min jaf kemm kien qala' xita u xemx? U bdejt nara l-folji sofor u minsusin. Il-kliem ta' fuqu ma tantx kien jagħmel sens... donnu kien miktub b'xi lingwa oħra. Lingwa barranija li lanqas biss qatt ma kont rajt. Bdejt inqalleb fih u nipprova nagħmel sens minnu. Sa xħin wasalt f 'dik il-paġna... Emmnuni, għadni sal-ġurnata tallum, naħseb fih u nitkexkex. Tferfir u bard. Kien qiegħed hemm. Fin-nofs eżatt tal-ktieb. Imwaħħal eżatt ma' paġna minnhom. Fin-nofs eżatt tal-paġni li kien fadal. Ritratt. Ritratt qadim inkullat mal- paġni. Żgur li bil-kolla kien imwaħħal, għax man-naħa ta' wara, il-paġna kienet imtebba'. Ir-ritratt kien jidher qadim sew. Fil-ġnub tiegħu kien minsus xi ftit ukoll, imma l-istampa għalkemm xi ftit imċajpra, kienet għadha tidher sew. Kien jidher meħud fi triq, b'taraġ tal-ħadid imsaddad fil- ġenb tat-triq, bini mdaqqas fuq in-naħa ta' wara u raġel liebes ġakketta tal-ġilda kannella, minxur mal-art f 'għadira demm mal-art maġenbu. Ħasadni. Impressjonani! U ressaqt wiċċi aktar viċin tiegħu ħalli niflih aħjar. "Sibtek Jonah!" għajjat Brian b'ħanġra daqs xiex eżatt wara widnejja x-xellugija. Qbiżt xiber mill-art! U għal mument, bejn għax inħsadt u bejn għax kont għadni qed inħossni skomdu wara dak li kont rajt dak ir-ritratt, għalaqt il-ktieb u mingħajr ma kellimthom, erħejtilha lejn id-dar. "Ara dan kif jagħmel!" kienu qagħdu jistagħġbu sħabi, hekk malli rawni sejjer għal għonq it-triq, nirfes bl-addoċċ fil-ħaxix ħażin u x-xewk. U mort id-dar. Kont bqajt tiela' f 'kamarti. Ma kontx naf għalfejn. Imma dak ir-ritratt, kien donnu tefa' fuqi ċerta biża'. Kien tani impressjoni stramba. Ftaħt il-ktieb fil-paġna tar- ritratt, poġġejtu fuq it-twaletta ta' kamarti, ressaqt siġġu eżatt quddiemu, qgħadt bilqiegħda fuqu u berraqt għajnejja lejh. Niflih. Inħossni skomdu. Tgħid dan kien prova ta' xi delitt? Hekk kien jidher. Għal mument, kont ser ngħid lill-ġenituri tiegħi. Imma mbagħad iddeċidejt li nżomm kollox mistur. Għalija. Sigriet. Sigriet tiegħi. U ħbejtu. Kull tant żmien, kont niftakar fih, noħorġu mill-moħba u noqgħod inħares lejh. L-għalliema, wara li kont ħarbixt xi kliem minn fuqu għal fuq pitazz tal-iskola, kienet ikkonfermatli li kienu bil- lingwa tal-Latin. Qatt ma ħriġtu minn kamarti. Kont nibża'. Ma kontx naf għalfejn, kif u x'fatta imma kien jaqbadni sudizzjon minnu. U domt għaddej hekk. Domt xi għaxar snin sħaħ, inżomm dan l-imbierek ktieb mingħajr qoxra moħbi f 'kamarti. Sa meta għalaqt it-tnejn u għoxrin sena. Għalkemm il-memorja tar- ritratt kienet għadha ddejjaqni, kont insejtu xi ftit, hemm fejn kien, moħbi qalb xi kotba oħra tal-iskola u kaxxi tal-kartun mimlijin rivisti tal-kbar. U mbagħad, darba minnhom kont qed inqalleb f 'kamarti u erġajt sibtu. Ħassejt is-suf ta' dahri jitkaħħal 'il fuq mal-flokk li kont liebes, u bla ma qgħadt naħsibha, qbadtu bil-herra mingħajr intenzjoni li niftħu, mort niġri bih isfel fis-salott, tfajtu bl-addoċċ fil-fuklar li kien qed jaqbad bil-ħatab u rajt il-fjammi tan-nar jibilgħuh minnufih. Għal mument, dik il-ferneżija nervi li kont ħassejt ftit qabel, kienet libtet xi ftit u ħassejtni ninked. Tgħid kien ta' valur? Tgħid kont għamilt żball? Tgħid kien prova ta' xi delitt? Forsi aħjar ħadtu għand il- pulizija? Imma hekk xħin rajt l-aħħar paġna tinbidel fi rmied, ħassejt sodisfazzjon li qatt ma kont għadni ħassejt qabel. Kont ħlist minnu. Għalfejn kont ħallejt dan il-biċċa ktieb immermer, ktieb mingħajr qoxra, jimpressjonani daqshekk? Għalfejn kont għaddejt iljieli sħaħ noħlom fuq dak il-misħut ritratt? Dak il-bini fuq in-naħa ta' wara? Dak it-taraġ tal-ħadid? Dak ir-raġel minxur mal-art fid-dlam f 'għadira demm, liebes ġakketta tal-ġilda kannella? Eżatt. Kont nafu bl-eżatt. Kull dettal. U għalkemm kont ħsibt li minn dakinhar kont ħlist minnu, ġara kollox bl-oppost! Iżjed bdejt noħlom fuqu... fuq dak il-ktieb mingħajr qoxra, inhewden bih billejl u nqum għarqan xraba. Kont nimmaġinah quddiemi... nisimgħu saħansitra jkellimni! Ma stajtx neħles minn dik l-istampa tiegħu quddiemi! Kienet daħlet fis-subkonxju ta' moħħi! U spiċċajt mort għand terapista ħalli tgħini! Ma stajtx insib soluzzjoni. Imma xorta waħda........il-ktieb mingħajr qoxra ma setax joħroġ minn ġo moħħi. Imma wara li gerrbu s-snin, indunajt. Indunajt għalfejn kien ġrali hekk. Iva, issa ndunajt. Erbgħin sena. Daqshekk kelli. Immaturajt. Issa, għalija dak il-ktieb mingħajr qoxra kien sar biss fantasija sfrenata fost ħafna oħrajn ta' żagħżugħ adoloxxenti li kien iffissa fuq stampa ta' ritratt li kienet impressjonatu. U xejn aktar. Dak il-lejl, ħriġt ma' sħabi. Morna ħadna żewġ grokkijiet ġo bar barra mir-raħal. U jiena u sejjer lura lejn id-dar, indunajt li kont ħallejt il- mowbajl warajja fil-bar. U hekk malli dawwart biex immur niġbru, indunajt li kont insejt nagħti d-diżil lill-karozza! Waqfitli. Kollox bizzilla jiġri! Jgħidu meta jaqbad miegħek... U ma kellix alternattiva oħra, ħlief li noħroġ mill-karozza bil- ħsieb li mmur lura f 'dak il-bar fejn kont ftit qabel, ħalli niġbru lura. Kien dalam sew, u hekk malli kont għaddej fit-triq, jien u miexi eżatt minn maġenb sqaq, mill-ġenb ta' għajnejja, inħsadt. Waqaft. Ibbalzmajt ruħi. Kont rajtha. Xena familjari. Billi kont imxejt 'il quddiem xi passejn żejda, dort lura u waqaft eżatt quddiem is-sqaq. Qalbi għamlet tikk. Bla ma ridt, dħalt f 'din it- trejqa u mxejt 'il ġewwa sa xħin wasalt ħdejh. Ksaħt. Tbellaht. Ħarist lejh. Taraġ tal-ħadid imsaddad. L-art. Il-bini għoli ta' wara. Din it-trejqa... L-istess waħda! Kif jista' jkun? Kont għaraftha! L-istess waħda! U eżatt malli dort biex noħroġ 'il barra minn fejn ġejt, rajtu. Raġel. Raġel liebes kollox iswed! Kien riesaq lejja. Ma stajt nifhem xejn. "Tini flusek kollha!" qalli b'leħen għoli, joħroġ pistola li bdiet tleqq fid-dawl tal-qamar. Għal mument bdejt inħares lejh b'mod mifxul. Ma kontx naf x'kelli naqbad nagħmel! Il-kartiera kont insejtha fil- karozza! Daħħalt idejja fil-but tal- ġakketta biex forsi nara kellix xi karta tal-flus hemm ħalli nipprova neħles minnu. U dak il-ħin, ħassejt ġismi kollu jiksaħ. Iffriżajt. Twerwirt. Tbellaht. Dak il-ħin indunajt. Indunajt li jiena kont liebes ġakketta tal-ġilda kannella! Sharon Calleja Ktieb mingħajr qoxra