Illum previous editions

ILLUM 10 May 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1245207

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 31

21 analiżi illum • IL-ĦADD 10 TA' MEJJU 2020 X'tgħid ir-riċerka? individwali u inkonxju. Minn naħa l-oħra, min jesprimi razziżmu ta' kuljum huwa kemm iktar konxu minn għemilu, kif ukoll mil-ideat li jħaddan. Razziżmu kulturali huwa t-twemmin li l-kultura tal-bojod hija n-norma li magħha għandha titkejjel kull kultura oħra, anke tagħna stess, għax hija superjuri fiha nnifisha. Razziżmu ambjentali għandu x'jaqsam ma' kif inħarsu l-ambjent f 'pajjiżi differenti. Razziżmu istituzzjonali jiġi espress fil-politiki, prattiċi u normi ta' pajjiż, u razziżmu xjentifiku jseħħ meta r-riċerka tiġi użata kontra xi soċjorazza jew soċjorazzez partikolari biex tiġi ppruvata l-inferjorità tagħhom. X'tgħid ir-riċerka: X'jiġri f'soċjetà stratifikata skont ir-razzez b'valur uman klassifikat, jiġifieri soċjetà razzista? L-ideoloġija ta' razzez differenti b'valur inugwali kienet sa mill-bidu maħluqa biex tistrattifika s-soċjetà u taqsamha f 'dawk li jmexxu, u li għalhekk kellhom il-poter li jgħidu u jagħmlu li jridu, u l-bqija tan-nies. F'termini konkreti, l-Ewropej qiesu lilhom infushom bħala l-aqwa razza u semmew lilhom infushom ir-razza tal-bojod. Imbagħad, komplew jistratifikaw sakemm fil-qiegħ tal-qiegħa tefgħu r-razza li għoġobhom isejħulha s-sewda. B'hekk ħolqu stratifikazzjoni sħiħa tar-razzez skont kif qabel u għoġob lilhom. Fuq kollox, kellhom bżonn din l-istrateġija soċjali biex timla ukoll bwiethom għax biex jaħdmu l-ettari bla tmiem fil-kontinent Amerikan kellhom bżonn mhux biss ħafna nies, li ma kienx possibbli jġibu minn art twelidhom jew artijiet oħra, imma ukoll nies li jaħdmu b'xejn għax inkella ma setgħux jistagħnew. Ukoll, li jkattru kif jaqbel lilhom ħalli jkunu jistgħu jixtru iktar art u jkabbru n-negozju u l-poter tagħhom, u li kapaċi jaħdmu fis-sħana u jgħinuhom jiddeċimaw l-indiġeni li sabu jxekkluhom. Mingħajr ma nidħol f 'ħafna dettall, ir-riċerka tgħidilna ċar u tond li s-soċjorazza li nirreferu għaliha bħala s-sewda ma sabitx ruħha fejn tinsab illum bi proċessi naturali jew għax għandha xi ħaġa inqas minn ħaddieħor. Tinsab fejn hi bi proċessi Ewroċentriċi li ħolqu biss tbatija u uġiegħ psikoloġiku transġenerazzjonali, li lanqas jekk irridu ma nistgħu nimmaġinaw. Ukoll, għax dawn il-proċessi nfirxu mad-dinja kollha u għadhom jeżistu, għalkemm taħt forom differenti, sal-ġurnata tal-lum. X'tgħid ir-riċerka: Imma l-imperjaliżmu, l-kolonjaliżmu u l-iskjavitù ilhom li spiċċaw! Ir-riċerka tinfurmana li meta soċjorazza tkun soġġetta għal trattament inġust f 'kuntest ta' soċjetà jew kultura għal tul ta' żmien, filfatt ġenerazzjonijiet sħaħ ta' nies, dan iħalli impatt negattiv u dirett fuq kif imbagħad din is- soċjorazza taddatta l-għejxien u l-imġieba tagħha f 'dik is-soċjetà. Ir- riċerka tgħid ukoll li s-soċjorazza li f 'idejha jkollha l-poter u t-tmexxija ta' pajjiż u l-istituzzjonijiet tiegħu, mhux bilfors għandha bżonn ikollha l-akbar għadd ta' nies. Bħal, per eżempju, fil-każ tal-Afrika t'Isfel. Irrispettivament mill-għadd, is-soċjorazza li jkollha f 'idejha l-poter, xorta jirnexxielha żżomm is-soċjorazza l-oħra, kbira kemm hi kbira, lura milli tilħaq il-potenzjal tagħha. U dan tagħmlu billi takkassha u tisfrutta kemm lilha, kif ukoll ir-riżorsi tagħha, għall-avvanz tagħha biss. Filfatt, dak huwa l-għan ewlieni tar-razziżmu: biex il-it igawdu bla rażan minn fuq dahar il-bqija. X'tgħid ir-riċerka: Għaliex għadna nħaddnu l-kunċett ta' razzez differenti b'valur uman klassifikat jekk nafu li m'għandu l-ebda bażi xjentifika jew ġenetika, huwa kunċett soċjali maħluq biex jistratifika s-soċjetà bl-iktar mod inġust, u għadu jkun il-kaġun ta' bosta mwiet u ġenoċidji madwar id-dinja? Ir-riċerka turi li attitudni u mġieba razzista hi frott mekkaniżmu ta' difiża psikoloġika ġġenerata minn emozzjonijiet ta' insikurezza li jqanqlu l-biża' u l-ansjetà. Filfatt, meta artijiet ġodda b'nies li għandhom dehra u kultura differenti bdew jiġu skoperti mill- Ewropej u l-Ingliżi, dawn tal-aħħar ħassew il-bżonn li jiddefinixxu lilhom infushom b'identità superjuri u li tgħaqqadhom taħt kappa waħda. Għalhekk, ukoll ħarġu bl- ideoloġija tar-razzez stratifikati u semmew lilhom infushom ir-razza l-bajda. Imma, minbarra li għaqdet lill-bojod kollha, irrispettivament minn tilwim intern ieħor, kif ukoll tathom sens ta' superjorità fuq dawk li huma pperċipixxew bħala ta' razzez inferjuri, din l-identità ħolqot ukoll firda kbira bejn il- bnedmin tad-dinja. Għaldaqstant, barra s-sens ta' identità ingranat fis-soċjorazza, inħoloq ukoll il- kunċett ta' Aħna (l-bojod) u Intom (dawk kollha li ma kinux bojod) abbażi ta' soċjorazza. Kunċett li maż-żmien kompla jidjieq, għax iktar ma għadda ż-żmien u l-pajjiżi tas-soċjorazza l-bajda stangħew minn fuq dahar l-oħrajn, iktar ma l-oħrajn bdew jippruvaw jemigraw fil-pajjiżi tal-bojod biex issibu ħajja aħjar. Però, r-reazzjoni tal-bojod kienet li mhux biss illimitaw bil-kbir l-immigrazzjoni lejn pajjiżhom, imma ukoll għalqu, bħal ma skoprew ħafna Maltin wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-aċċess għall-istess nies li kienu għadhom jisfruttaw u jistgħew minn fuqhom. Ir-riċerka turina ukoll li meta nħoloq il-kunċett ta' Aħna-Intom f 'moħħ il-bniedem, li f 'kuntest razzist jittraduċi fis-soċjorazza l-bajda tgħakkas lill-oħrajn kollha, beda wkoll jisparixxi s-sens ta' empatija bejn is-soċjorazzez, kif ikoll l-individwalità tal-persuni. Imma hawnhekk il-poter huwa l-fattur kruċjali, għax waqt li membri ta' soċjorazza fil-poter jistgħu jagħmlu ħafna ħsara u jittrattaw lill-membri tas- soċjorazza bla poter b'mod razzist u omoġeniżżat, il-kontra mhux possibbli. Għalhekk, ir-razziżmu u l-omoġenizzazzjoni ta' gruppi sħaħ ta' nies jista' jsir biss minn min għandu l-poter f 'idejh, għax dak li ma għandux jista' jagħmel biss diskriminazzjoni abbażi ta' ideat razzisti. Dan il-fenomenu jispjega wkoll għaliex membri ta' soċjorazza fil-poter jista' jkollhom imġieba benevolenti mal-membri tas-soċjorazza tagħhom, bħal ma kellu Adolf Hitler mal-Ġermaniżi, imma fl-istess waqt imġieba krudili mal-membri ta' soċjorazzez oħra. Fl-agħar tagħha, din id-difiża psikoloġika tista' ukoll tintuża biex dawk fil-poter jipproġettaw kemm id-difetti psikoloġiċi kif ukoll in-nuqqasijiet tagħhom fuq soċjorazzez oħra. X'tgħid ir-riċerka: Għaliex inħossu l-bżonn li nxerrdu diskors ta' mibegħda, jew kif ngħidu bl-Ingliż, hate speech? Ir-riċerka tgħid li sitwazzjonijiet li mhumiex familjari għandhom il- potenzjal li jqanqlu biża' u ansjetà żejda f 'xi wħud. F'dan il-każ, il-biża' u l-ansjetà żejda qed tiġi mqanqla mis- sitwazzjoni tal-immigrazzjoni rregolari li xi wħud qed jipperċepixxu bħala sitwazzjoni perikoluża u ta' theddida għalihom personali, għall-familji tagħhom kif ukoll għall-futur ta' pajjiżna. U r-raġunijiet għala jħossuhom b'dan il-mod jistgħu jkunu varji. Però, ir-riċerka tgħid li l-biża' u l-ansjetà żejda għandhom ħabta jitqanqlu meta wieħed jibda jipperċepixxi l-immigranti bħala differenti ħafna minnu. Per eżempju, fid-dehra, ċittadinanza, kultura u ġieli anke reliġjonijiet differenti. U iktar kemm dawn l-individwi jaqraw artikli, li normalment ikollhom ukoll minn tal-inqas ritratt jew tnejn, fuq is-siti soċjali, iktar jibdew iħossuhom fil- periklu u mhedda. Għalhekk biex itaffu dawn l-emozzjonijiet qawwija u jistrieħu, jaqbdu jesprimu dak li jħossu, speċjalment meta jingħaqdu f 'alleanza ma' nies oħra li jħossuhom u jaħsbuha bħalhom, mingħajr riservi. Li forsi mhux jirrealizzaw hu li b'diskorshom ta' mibegħda għandhom iktar ċans jagħmlu ħsara lilhom infushom milli lil ħaddieħor. Dan għaliex, minflok isibu modi olistiċi kif jgħinu lilhom infushom jikkalmaw u jerġgħu lura għan-normal tagħhom, ikomplu jgħollu l-livell tal-biża' u l-ansjetà li ħakmithom, kif ukoll iżidu mal-emozzjonijiet negattivi, speċjalment meta jibdew jitmasħnu bejniethom jew ma xi ħadd li jaħsillu jopponihom. Wara kollox, il-messaġġi ta' mibegħda mhumiex ser iservu biex isolvu s-sitwazzjoni bil-mod kif jixtiequ huma. Għaldaqstant, nistieden lil dawn l-individwi jaħsbu iktar fihom infushom billi jieħdu iktar ħsieb tas-saħħa mentali tagħhom. Ukoll, li jirriflettu bis-sħiħ dwar dak li tassew qed iqanqlilhom l-biża' u l-ansjetà żejda u jfittxu l-għajnuna li għandhom bżonn.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 10 May 2020