Illum previous editions

ILLUM 7 June 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1256417

Contents of this Issue

Navigation

Page 11 of 27

12 intervista IL-ĦADD 7 TA' ĠUNJU 2020 • illum 'Kull sena jiġu prodotti mal-160 sintetika f'laboratorji klandestini' YENDRICK CIOFFI Tista' tgħid li kważi darba f 'ġimgħa nisimgħu dwar xi rejd li tkun wettqet l- Iskwadra ta' Kontra d-Droga. Minkejja dan, isiru kemm isiru arresti, id-droga tibqa' tiġri u diversi huma dawk li jaqgħu vittmi ta' nies bla skrupli u bla prinċipji li l-interess tagħhom huma biss il-flus biex ikunu jistgħu jixtru karozzi lussużi, jilbsu ċ-ċpiepet tad-deheb u jgħixu ħajja ta' re mingħajr qatt ma jmissu max-xogħol. Dwar dan u aktar, il-gazzetta ILLUM iltaqgħet mal-Assistent Kummissarju Dennis euma, il-persuna responsabbli mill-ġlieda tal-Korp tal-Pulizija kontra d-droga u t-traffikar tagħha. Bdejna nitkellmu dwar ix-xogħol ta' din l-iskwadra u mill-ewwel, l-Assistent Kummissarju, insista li x-xogħol ewlieni tagħhom huwa li jwaqqfu t-tixrid tad- droga f 'Malta. Għalhekk, anke jekk saħaq li ġustizzja trid issir ma' kulħadd, insista li ssir differenza bejn persuna vittma tad-droga u dawk li jbiegħuha u jittrafikawha. "Aħna nagħmlu differenza bejn persuna li tispiċċa bil-vizzju tad-droga u persuna li jmexxuha u jkomplu jgħaksu lill-vittmi." Fil-fatt, euma spjega kif anke jekk il-liġi qiegħda hemm u trid tiġi osservata minn kulħadd, persuna li tinqabad b'ammont żgħir ta' droga u jkun ċar li din tkun għall-użu personali tagħha, filwaqt li ssir l-investigazzjoni, il-Pulizija tipprova tgħinu wkoll. "Jekk għandek pussess aggravat jew persuna li tittraffika d-droga, ovvjament il- pieni huma differenti u anke l-approċċ tagħna jkunu differenti għax dawn iridu jagħmlu l-flus minn fuq il-miżerja ta' ħaddieħor," saħaq, waqt li insista li jkun hemm minnhom ukoll li jkollhom il-vizzju. Fil-fatt, il-liġi tipprovdi li persuna li tkun akkużata b'pussess aggravat jew inkella bi traffikar, jekk tikkonvinċi l-Qorti li waslet sa hawn minħabba d-dipendenza serja tagħha fuq id-droga, il-Qorti tikkonverti ruħha f 'dik imsejħa "drug court" fejn persuna tista' ma teħilx sentenza effettiva ta' ħabs sabiex tingħata l-għajnuna. "Ovvjament jekk taqbad persuna b'ammont ta' qratas tad-droga huwa mod u persuna oħra nieżla b'għaxar kilo droga, hemm iċ-ċirkostanzi huma differenti," insista l-Assistent Kummissarju. Tkellimna fuq persuni li jinqabdu bil- pussess tad-droga għall-użu personali u spjega kif hawn mhux l-ewwel darba li kemm hu, u anke l-iskwadra tiegħu, jaħdmu biex jgħinu lil din il-persuna tegħleb il-vizzju anke għax ġieli ġenituri stess jitolbu l-għajnuna. Fakkar li fi ħdan il-Korp hemm il-Victim Support Unit li jaħdem ma' entitajiet oħra bħall-Caritas. 'Nippreferi nara persuna li toħroġ mill- vizzju' "Jiena nippreferi nara persuna li tkun ħarġet mill-vizzju. Ngħid ara kellha problema serja u bl-għajnuna tal-entitajiet u l-familja tagħha għelbet il-vizzju. Ovvjament kollox jiddependi mill-persuna," insista euma. "Ilni 16-il sena fl-iskwadra u niem li huwa diffiċli li persuna tegħleb il-vizzju." Tkellimna dwar il-pieni għal dawk li jittraffikaw id-droga u jekk humiex biżżejjed ta' deterrent, bl-Assistent Kummissarju jisħaq li Malta għandha fost l-aktar pieni ħorox fl- Ewropa. Traffikanti jistgħu jeħlu bejn sitt xhur għal għaxar snin ħabs. "Jiena naqbel magħhom. Jiena ma nġibx biss quddiem għajnejja l-vittma iżda anke l-qraba kollha tagħhom, il-ġenituri, in-nisa u t-tfal li jbatu magħhom jekk hux aktar minnhom ukoll," insista. Din is-sena kienet nieqsa mill-parties bħal- Lost and Found jew Earth Garden fejn mhux l-ewwel darba li f 'party wieħed ġew arrestati għexieren ta' persuni. 'Nippruvaw nikkonċentaw fuq il-ħuta l-kbira' "Jekk waqt dan il-party jkun hemm abbuż, aħna rridu nagħmlu xogħolna. Imma rrid inserraħ ras kulħadd li aħna meta mmorru hemm nippreferu narrestaw il-persuna li qed taqdi milli dik li qed tinqeda. Biss ix- xogħol tagħna rridu nagħmluh. Ma nistgħux nagħlqu għajnejna. Imma kif spjegajt, l-approċċ tagħna huwa differenti skont il- pussess," insista euma. "Kemm jista' jkun aħna nippruvaw nikkonċentraw fuq il-ħuta l-kbira, jiġifieri min imexxi d-droga u min jitraffikaha." Kien hawn li saħaq li dan mhux faċli. "Ġieli jkollok operazzjoni li ddumlek lejl sħiħ jew ġranet. Għandi pulizija li ġieli lanqas imorru jorqdu d-dar biex ma jitilfux ħin. Il-kriminal dejjem jipprova jkun pass qabilna. Ġieli jirnexxilna u ġieli le. Iżda nassigurak li aħna nibqgħu dejjem nistinkaw biex inkunu aktar proattivi," insista euma. 'Sakemm hemm id-domanda, id-droga se tasal' Staqsejtu jekk il-fatt li bħalissa l-ajruporti u l-portijiet jinsabu magħluqa għenx biex tonqos id-droga f 'Malta u d-domanda għaliha. Vera li ngħalqu dawn 'il-kurituri' għad-droga, anke għax Malta peress li hi gżira, id-droga trid tidħol jew mill-ajruport jew inkella mill-portijiet, iżda euma fakkar li d-droga tidħol b'mod klandestin u b'xi mod jirnexxielha. Fi kliemu, sakemm ikun hemm id-domanda, se jkun hemm id-droga u ma jidhirx li l-COVID-19 naqqas b'xi mod id- domanda. "Sakemm hemm min irid id-droga u lest iħallas għaliha se jkun hemm nies bla qalb u bla ruh li lesti jgħixu minn fuq il-miżerja ta' ħaddieħor," saħaq euma. 'Ikun hemm min jikxef iżda mhux dejjem' Ħafna drabi, jinqabdu l-aktar dawk li jkollhom fuqhom ammonti żgħar, anke għax it-traffikant u min ibigħ joqgħod aktar b'seba' għajnejn għax jafu l-konsegwenzi. Komplejt nistaqsih kemm hu diffiċli li dawn il-vittmi jitkellmu u jikxfu lil min tahom id-droga. "Ikun hemm vittmi li lesti jikkoperaw u jikfxu lil min xtraw minn għandhom. Hemm provediment fil-liġi li jisħaq li jekk persuna tikxef informazzjoni dwar traffikant, tibbenefika minn tnaqqis fil-piena tagħha. Il- liġi tipprova tħajjar lill-vittma biex jikkopera. Dejjem nipprovaw imma ma nistgħux nisfurzaw. Ikun hemm min ma jkunx irid jikxef. Mhux faċli li jkun hemm min jikxef. Hemm diversi ċikorstanzi," spjega. 'Ġieli għamilna jiem insegwu persuna u mbagħad ma nsibu xejn ... xogħolna diffiċli' Fl-aħħat tliet snin, bejn l-2017 u l-2020, l-istatistika turi li kull sena naqsu l-għadd tal-arresti b'rabta mad-droga. Fl-2017 kien hemm 798 arrest, 678 fl-2018 u 501 arrest fl-2019. Sa issa, din is-sena, ġew arrestati 57 persuna, iżda wieħed irid iżomm f 'moħħu, kif spjegat, li ma sarux parties li fihom mhux l-ewwel darba li saru għexieren ta' arresti. Tkellimna wkoll dwar dan. "Ġieli jkollok party li fih narrestaw mat-30 jew l-40 persuna. Din is-sena ma kellna xejn minn dan. Aħna nippruvaw nikkonċentraw fuq kwalità, jiġifieri nsibu lil dawk b'pussess aggravat, jiġifieri mhux għall-użu esklussiv u traffikar. Dawn l-aktar li jagħmlu ħsara," tenna l-Assistent Kummissarju. "Imbagħad ix-xogħol tagħna mhux xjenza eżatt. Ġieli mingħalik se tagħmel rejd u se ssib id-droga u ma ssibx. Ġieli tagħmel jiem twal issegwi persuna, bil-paċenzja kollha u mbagħad ma ssib kważi xejn għax ikun spiċċalu x-xogħol. Hemm element ta' xorti wkoll fix-xogħol tagħna, apparti l-kapaċità u d-dedikazzjoni tat-tim tiegħi." 'Ma nafx hux se nirbaħ il-battalja ... imma nibqa' nittama' Jiġu kemm jiġu arrestati t-traffikanti, id- domanda hekk se tibqa' u l-vittmi jkollhom iduru fuq oħrajn li ma nqabdux forsi għax huma aktar makakki u aktar perikolużi. Dan biex ma nsemmux li l-prezz jiżdied. X'jaħseb dwar dan l-Assistent Kummissarju? Ilu 16-il sena jiġġieled id-droga fi triqatna flimkien mat-tim tiegħu mill- Iskwarda ta' Kontra d-Droga fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Il-gazzetta ILLUM tiltaqa' mal-Assistent Kummissarju Dennis Theuma u tistaqsih dwar il-ħidma ta' din l-iskawdra, ir-realtajiet tad-droga f'Malta u l-isfidi li jiffaċċjaw anke għax kif jistqarr hu stess kull sena jkun hawn fis-suq droga ġdida żviluppata f'laboratorji klandestini madwar l-Ewropa

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 7 June 2020