Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/997325
illum | Il-Ħadd 24 ta' Ġunju 2018 23 TV/Ċinema DANNY Ocean (Frank Sinatra) kien il-moħħ wara grupp ta' ħallelin li jagħmlu serqa tassew impressjonanti minn Casino ta' Las Vegas, bil-lejl bid-dwal maqtugħin billi użaw għad-direzzjoni sinjali b'żebgħa li tiddi fid-dlam meta jilbsu nuċċalijiet speċjali, fil-film Oceans 11 (1960), li ħa l-fama ta' xogħol kult. Fl-2011, din il- produzzjoni reġgħet ġiet maħduma b'George Clooney fil-parti ta' Danny Ocean. Is-suċċess welled żewġ sequels oħra - Oceans 12 (2004) u Oceans 13 (2007). Qatt ma ssemma' li Danny Ocean kellu oħtu, Debbie (Bullock). Fil-ftuħ ta' Oceans 8 narawha ħierġa mill-ħabs, fejn ilha tippjana serqa, bid-dettal kollu, għall-aktar minn 5 snin. Jidher li s-sofistikazzjoni tirrenja sewwa fil-familja Ocean! Mill-ewwel tibda tiġbor tim ta' nisa b'esperjenza kbira għal din l-intrapriża. Dawn jinkludu lil Lou (Blanchett), seħbitha ta' qabel fis-serq, Amita (Kaling), Constance (Awkwafina), imbruljuna tat-triq, Tammy (Paulsen), midħla ta' dan ix-xogħol, il- hacker Nine Ball (Rihanna) u Rosa Weil (Bonham Carter), disinjattriċi tal- moda. It-tir tagħhom hu li jisirqu kullana tad-djamanti li tiswa $150 miljun li l-attriċi Daphne Kluger (Hathaway) se tilbes ma' għonqha waqt wirja tal-moda, fejn hi se tkun l-attrazzjoni speċjali. Din l-attriċi ta' sbuħija pallida u sofistikazzjoni, mhix daqshekk makakka li tinduna li se tkun milgħuba. L-għan prinċipali ta' Debbie li torganizza din is-serqa hu biex tpattiha qares lill-eks maħbub tagħha, Claude Becker (Armitage), negozjant sieħeb tagħha tal-arti li ttradieha waqt frodi u ħelisha ħafif. Oceans 8 fih atmosfera kontinwa ta' lussu li jpaxxi l-għajnejn, nisa lebsin sabiħ, ġojjelli imprezzabbli, avvenimenti spettakolari tal-moda, b'fil sottili ta' kummiedja. Wara 11-il sena mill- ħruġ tal-aħħar film, id-direttur Steven Soderbergh hawn għandu biss kreddtu ta' produttur eżekuttiv. Waqt li Sandra Bullock hi adekwata ħafna, tassew tispikka Anne Hathaway f 'parti verament lussuża. Is-sess femminili jirrenja bil-kbir! Oceans 8 Atturi Ewlenin: Sandra Bullock; Cate Blanchett; Anne Hathaway; Mindy Kaling; Awkwafina; Rihanna; Helena Bonham Carter; Richard Armitage. Direttur: Gary Ross. Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 110 min. Carmel Bonnici Il-films għal din il-ġimgħa OSCAR Wilde (1856 - 1900), awtur Irlandiż, sab suċċess kbir fi żmienu u kien ukoll l-aktar bniedem popolari mas-soċjetà litterarja ta' Londra. Il-waqgħa tiegħu minn dan il-pedestall għoli waslet meta nstab ħati li kien omosesswali, fi żmien meta s-soċjetà' ma kenitx tittollera aġir meqjuz bħala kontra n-normal. Dan l-artist safa' vittma minn dawk stess li kienu tant jammirawh u anki weħel sentejn ħabs. The Happy Prince jittratta l-aħħar tliet snin ta' ħajtu, wara li nħeles mill-priġunerija. Minn dik il-glorja kollha, dan l-awtur ċelebri (Everett) sar bħal xi vagabond bla flus jiġġerra minn post għall-ieħor fi Franza, l-Italja u lura lejn Pariġi jfittex il-libertà li qatt ma reġa' sab, skartat mill-ħbieb l-antiki u ammirat minn grupp ta' nies u tfal li jiġġerrew barra. Fil-punt tal-mewt tiegħu ġo lukanda baxxa f 'Pariġi, il-passat tiegħu jgħaddi minn quddiem għajnejh b'ħeffa. Jiftakar fl-attentati tiegħu biex jipprova jirrikonċilja ma' martu, Constance (Watson), il-ħlas qares li akkwista bir-relazzjoni sesswali tiegħu ma' Lord Alfred Douglas (Morgan) u d-devozzjoni u mħabba li wrieh il-ħabib sinċier tiegħu, Robbie Ross (Thomas), li pprova jsalvah mill-mizerja li ħakmitu. Rupert Everett, li diġà' nterpreta karattri minn xogħlijiet klassiċi ta' Oscar Wilde ġo films bħal An Ideal Husband (1999) u The Importance Of Being Earnest (2002), hu kredibbli ħafna fil-parti ta' dan il-bravu fallut. It-titlu tal-film jirreferi għal storja għat- tfal li Wilde kiteb u li f 'din il-produzzjoni jirrakkontaha, ftit ftit, lil tifel Franċiż li jaqdih fil-bżonnijiet tiegħu. The Happy Prince jesibixxi l-lat oskur ta' ġenju li għex u miet għall-imħabba fi żmien ultra konservattiv! The Happy Prince Atturi Ewlenin: Rupert Everett; Colin Firth; Colin Morgan; Emma Watson; Tom Wilkinson; Edwin Thomas. Direttur: Rupert Everett. Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 105 min. Ċert. 15 Expedition Unknown: Viking Special | 22:00 on Travel Channel