Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/997325
7 Il-Ħadd 24 ta' Ġunju 2018 | illum Aħbarijiet il-barranin: It-tajjeb u l-ħażin Aktar bini. Inqas spazju Iktar barranin ifisser, kif diġà għidna, li tkompli tiżdied id-domanda għall-proprjetà, li jfisser illi jkompli jiżdied il-bini. Sakemm il-kuntratturi jaraw id-domanda, se jibqgħu jibnu. Dan se jitfa' aktar piż fuq l-ambjent urban u rurali ta' pajjiżna li diġà jinsab taħt stress qawwi b'diversi siti ta' kostruzzjoni u krejnijiet li qed jiddominaw ħafna mis-smewwiet fuq il-bliet Maltin. Dan ifisser li se jkompli jonqsu l-ispazji miftuħin jew tonqos il-karatteristika urbana partikolari biex tagħmel aktar spazju għal aktar bini ta' appartamenti. Pajjiż aktar iffullat Il-popolazzjoni taf tiżdied għal 700,000 jew bi 80,000 barrani ieħor sa tliet snin oħra, imma d-daqs tal-pajjiż se jibqa' li hu. Dan allura se jfisser illi pajjiżna se jsir aktar iffullat, b'aktar karozzi u allura aktar traffiku, aktar nies fuq it-trasport pubbliku biċ-ċans ta' aktar nies li ma jinqdewx, aktar nies fl-isptarijiet u aktar tfal fl-iskejjel bil-konsegwenza li jkollhom jinbnew skejjel ikbar (bħat- tkabbir tal-iskola ta' San Pawl il-Baħar). Ifisser aktar nies f 'Paceville, li jwassal għal aktar problemi, aktar nies fuq il-bajjiet fis-sajf li jfisser illi mhux se jkun hemm biżżejjed spazju fuqhom... Apparti kunsiderazzjonijiet purament estetiċi, in-nuqqas ta' spazji flimkien ma' aktar iffullar jista' jkollu effett psikoloġiku fuq il-poplu, b'aktar storbju u inqas postijiet ta' rilassament. Ikomplu jiżdiedu l-kirjiet Jekk is-sidien tal-propjetà jgawdu minn żieda fil-kirjiet mhux l-istess jista' jingħad għal dawk li qed jikru. Iktar kemm se tkompli tiżdied id- domanda, aktar se jogħlew il-kirjiet. Sidien li jkunu jafu li hemm talba għal kirja li tkun 20%, 50% jew saħansitra 100% ogħla se jmorru għal dak il-valur. B'White Paper jew mingħajrha, jekk se jkun hemm domanda għal kirjiet b'€1,500 fix-xahar biex nagħtu eżempju, se jibqa' jkun hemm sidien li se joffru kirja b'dawk il-prezzijiet. Dan ifisser li 80,000 barrani fit-tliet snin li ġejjin se toħloq aktar pressjoni u żżid id-domanda, bil-konsegwenza li jiżdiedu l-kirjiet. Għal dawk il-Maltin li qed jgħixu f 'kirja din tista' tfisser aktar tbatija. Mil-lenti tal-ħaddiema barranin infushom dan ifisser li se jkompli jiżdied il-fenomenu tal- 'flat sharing', li minnu nnifsu jżid mill-ġdid il-kirja (iktar nies=kirja ogħla) Tista' sservi biex il-pagi jibqgħu statiċi F'ċerta setturi żieda fil-ħaddiema, jew ħaddiema potenzjali barranin jista' jfisser li l-pagi jibqgħu statiċi. Għalfejn? Sempliċi. Jekk 'X' iħaddem lilek b'€10 fis-siegħa, meta b'dak l-istess ammont jista' jħaddem barrani li f 'pajjiżu jaqla' miżerja ta' €3.00 fis-siegħa, il-probabilità li 'X' jaċċetta talba għal żieda hija remota, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-għażla quddiem 'X' hija ħafna akbar, b'ħafna ħaddiema lesti biex jaħdmu (għal inqas minn €10 fis-siegħa). Dan jista' jwassal biex il-paga tal-Malti tiżdied ftit jew tibqa' statika. Spiża ikbar fuq is- sistema tal-Welfare Apparti l-iffullar fl-iskejjel u l-isptarijiet, influss iġib miegħu użu akbar tas-sistema ta' 'welfare' f 'pajjiżna. Aktar studenti u aktar pazjenti, aktar benefiċċji u aktar ħlasijiet fejn dawn ikollhom isiru. Dan jitfa' piż akbar fuq is-sistema ta' welfare u aktar infieq mill-baġit tal-Gvern. Min-naħa l-oħra iżda, dan l-aspett negattiv jista' jkun kumpensat minħabba l-fatt li huwa probabli ħafna li aktar ħaddiema barranin iħallsu l-bolla (fejn mhux qed isir abbuż permezz ta' xogħol illegali), se jkun wieħed mill- fatturi prinċipali li jwassal biex il-pensjonijiet u servizzi soċjali u servizzi li jingħataw b'xejn ikunu mibnijin fuq sisien aktar sodi. Dipendenza Jekk l-ekonomija ma tibqax għaddejja bir-rittmu li għaddejja bħalissa, x'se jiġri? Naturalment, wieħed ma jawgurax li dan qatt jiġri u l-istorja wrietna li Malta dejjem salvat, xi ftit jew wisq, anke minn mumenti fejn l-ekonomiji dinjin ma kinux sejrin tajjeb. Imma kif inhuma l-affarijiet bħalissa huwa ċar li d-dipendenza ekonomika tagħna fuq il-bżonn li 'nimpurtaw' aktar barranin qiegħda dejjem tiżdied, li hu tajjeb sakemm qed jiġu u sakemm kollox ward u żahar. Inġibu eżempju. Sqalli li ġie Malta biex jaħdem għax fi Sqallija m'hemmx xogħol, mhux se jkollu l-affinità ta' persuna Maltija lejn il-pajjiż, bil-possibilità illi jekk ir-rittmu ekonomiku f 'Malta jonqos jew dak ta' Sqallija jiżdied jerġa' jirritorna Sqallija. Dan jista' jindika li dipendenza fuq il-ħaddiem barrani, bħal dipendenza fuq kwalunkwe settur ekonomiku jġorr riskji konsiderevoli.