Illum previous editions

ILLUM 18 November 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1053026

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 31

11 Aħbarijiet Il-Ħadd 18 ta' Novembru 2018 | illum b'kuntratti li jiġġeddu kull ftit xhur 'Dejjem naraw li kuntratti bħal dawn ma jingħatawx' Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union (GWU), Josef Bugeja, saħaq li l-unjin ma taqbilx ma' kuntratti li jiġġeddu kull ftit xhur għax dawn ifissru instabbilità għall-ħaddiema. "Persuni fuq kuntratti definiti qosra jkun diffiċli li jagħmlu pjani fit-tul," saħaq Bugeja. "Anke loan ikun diffiċli li jieħdu." Kien għalhekk li insista li fejn il-ħaddiema huma organizzati fi ħdan il-GWU, l-uffiċjali jassiguraw li kuntratti bħal dawn ma jingħatawx. Minkejja kollox, Bugeja insista li ma jeskludix il-fatt li kien hemm każi partikolari, speċjalment fejn fi kliemu jkun hemm "objective reason," li dawn it-tip ta' kuntratti jingħataw għal biċċa xogħol speċifika. Huwa spjega li l-ideal dejjem ikun li l-kuntratt ta' impjieg ikun wieħed indefinit u insista li l-GWU dejjem tinnegozja għal dawn it-tip ta' kuntratti. Madanakollu, insista li f 'każ li dan ma jkunx possibbli, l-unjin dejjem tirsisti biex kuntratt definit ikun jorbot għal minn tal-inqas sitt xhur. Fakkar li dan l-aħħar, il-GWU saħansitra ħadet pożizzjoni biex 'zero hour contracts' isiru illegali. Mistoqsi jekk jistax jindika xi vantaġġ li jista' jgawdi minnu l-ħaddiem, meta qed jitħaddem b'kuntratt definit qasir, Bugeja insista li sakemm ma jkunx hemm "objective reason," l-unjin tara biss żvantaġġi. 'Kuntrattur mhux dejjem ikun jista' jagħti kuntratt twil' Id-Direttur Ġenerali tal-Malta Employers' Association, Joe Farrugia, saħaq li filwaqt li dawn it-tip ta' kuntratti mhux irrakomandati, għax il- ħaddiem ikun qed jgħix f 'inċertezza, l-impjegatur mhux dejjem ikollu għażla oħra. Farrugia spjega kif jekk kumpanija tingħata kuntratt ta' perjodu qasir ħafna, il-kuntrattur mhux dejjem ikun jista' jintrabat li jagħti kuntratt twil lill- ħaddiema tiegħu. Kompla jgħid kif xi drabi jkun il-Gvern stess li jagħti kuntratt qasir lil xi kuntrattur u għalhekk, min-naħa tiegħu, l-impjegatur ma jkunx jista' jagħti kuntratti twal lill-impjegati. "Nassigurak li mhux fl-interess tal-kumpaniji li jagħtu kuntratti qosra għax jitilfu l-ħaddiema," kompla jisħaq Farrugia. Mistoqsi x'jista' jsir biex kuntratti għall-ħaddiema li jiġġeddu kull ftit xhur jinqatgħu, Farrugia insista li min qed jagħti kuntratt lil kumpanija, fejn possibbli ma għandux għalfejn joqgħod jagħti kuntratti qosra. "Jekk proġett se jieħu erba' snin għalfejn tagħti kuntratt lill-kuntrattur li jista' jiġġedded kull sitt xhur jew sena?" staqsa d-Direttur Ġenerali tal-MEA. Iżda staqsejnieh ukoll jekk l-impjegatur jistax xorta waħda jagħti kuntratt itwal lill-ħaddiema u wara li jintemm il-kuntratt mogħti lilu, iżommhom jaħdmu miegħu. Filwaqt li insista li jista' jkun hemm każi ta' ħaddiema li jkunu trasferiti fuq proġett ieħor, ikun hemm każi oħra fejn l-impjegatur li jkun intemmlu kuntratt, ma jkollux bżonn li jżomm dak l-ammont ta' ħaddiema. Mill-banda l-oħra, insista li t-tħassib serju jqum meta jkollok sid ta' stabbiliment, jew inkella ristorant, li x-xogħol tiegħu ma jiskadix b'kuntratt u li xorta waħda jagħżel li jimpjega wejter b'kuntratt li jiġġedded kull ftit xhur. "Jekk ma jaċċettawx il-Maltin inġibu l-barranin" Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella kkonferma mal-gazzetta ILLUM li jaf b'każi ta' ħaddiema li qed jitħaddmu b'kuntratti li jiġġeddu kull xahar u li għall-kuntrarju ta' dak li forsi jaħsbu ħafna, dawn il- ħaddiema huma Maltin. Filwaqt li rrikonoxxa l-fatt li dawn l-impjegaturi mhuma qed jagħmlu xejn kontra l-liġi, insista li ma jfissirx li dawn il-kuntratti huma tajbin, anzi qal li għad irid jifhem x'jieħdu minn dawn it-tip ta' kuntratti. Fi kliemu, dawn iġibu biss problemi u nuqqas ta' sigurtà għall-ħaddiem. "Immaġina ħaddiem b'dan it-tip ta' kuntratt li jrid imur jissellef mill-bank," saħaq Vella. Insista li anke jekk wara erba' snin il-kuntratt isir wieħed indefinit, "immaġina t-taqtigħ ta' qalb li jgħaddu minnu dawn il-ħaddiema sakemm jasal l-aħħar tax-xahar." Ikkalkula li sakemm jgħaddi dan il-perjodu, il-ħaddiem ikunu sarulu xejn inqas minn 48 kuntratt tax- xogħol. "Jispiċċaw qishom qed iġemmgħu l-istickers tal-album." Josef Vella kompla jisħaq kif ma jistax jifhem kif il-ħaddiema Maltin qed ikunu trattati b'dan il- mod meta llum id-domanda għax-xogħol hija ħafna akbar min-numru ta' ħaddiema disponibbli, tant li qed ikollhom jinġiebu l-ħaddiema barranin. "Ma nistax nifhem kif il-ħaddiema Maltin qed jingħataw bis-sieq. Qed jiġri hekk għax l-impjegatur għandu l-kumdità. Jekk ma jistgħux il-Maltin, inġibu l-barranin," qal Vella waqt li insista li jiskanta aktar u aktar meta jkollok impjegatur li jitratta b'dan il-mod lill-ħaddiem Malti, imbagħad jimpjega lill-barranin u saħansitra jagħtihom l-akkomodazzjoni. "Ma għandi xejn kontra l-ħaddiema barranin, iżda din hija r-realtà li qed insibu ma wiċċna," saħaq Vella. Iżda l-unjin x'tista' tagħmel f 'dawn il-każi? Vella insista li filwaqt li l-unjin tipprova taqbeż għall-ħaddiem, anke jekk ikun waħdu, impjegatur faċilment jista' jserraħ fuq il-liġi u jagħlaq ħalq l-unjin billi jgħidilha li mhu qed jagħmel xejn kontra l-liġi. Iżda kompla jgħid li jista' jagħti l-każ ukoll li l-ħaddiem lanqas biss jipprova jbiddel is-sitwazzjoni tiegħu. "Jekk fl-istess kumpanija jkun hemm 10 ħaddiema oħra b'kuntratti simili, iżda dawn ma jixtiqux jitkellmu, se joqgħod lura hu wkoll, għax jekk jitkellem, jasal l-aħħar tax-xahar u l-kuntratt tiegħu ma jiġġeddidx." Kien hawn, li fakkar fil-proposta tal-UĦM li jkun hemm portal fejn kull impjegatur jippubblika mal-awtoritajiet il-kuntratti tax-xogħol biex ikun assigurat li ma jkunx hemmx abbużi.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 18 November 2018