Illum previous editions

ILLUM 18 August 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1156724

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 31

I l-Prim Ministru Joseph Muscat ilu sitt snin fil- Gvern u għadu jilgħabha tal-paladin, li pajjiżna hu f 'qalbu. Jien kont fost dawk li emmint, ħdimt u bnejt il- kredibbiltà biex il-kunċett ta' Malta Tagħna Lkoll ikollu ċ-ċans jitwettaq. Il-ġrajja kulħadd jafha u kulħadd jaf kif is-sinifikat ta' din l-għajta tar mar-riħ, ftit anqas minn sena wara li l-gvern ta' Muscat ħa r-riedni f 'idejh. Illum, dan hu gvern li għandu maġġoranza assoluta bla preċedent u jiftaħar li hawn boom ekonomiku, surplus u xogħol għal kulħadd. Fil- fehma tiegħi, dan l-għemil mhu xejn ħlief politika Neo- Liberalista, iffissata biss fuq turnover, li biddlet kollox u lil kulħadd f 'numri u statistika interpretata b'mod li ma tħarisx lejn il-vera kapital li għandu pajjiżna u l-vera kuntentizza li għandha jkollha kull familja. Qed immissu l-qiegħ. Tant hu hekk li spiċċajna nagħmlu argument favur il-pjanti u kontra s-siġar u kontra dak kollu li jeżisti fil-memorja kollettiva ta' bosta minna. Din hi mentalità li minħabba fiha qed nitilfu l-forza tar-raġuni u sirna wkoll soċjetà amorali. Spiċċajna fqar fil-ħsieb u biex tgħaxxaqha, jekk inkunu nafu li l-ħażin qed jitpinġa tajjeb, xorta nibqgħu nistaħbew wara subgħajna, beżgħana biex nesprimu fehmietna. Hija soċjetà li nbidlet u li spiċċat manipulata f 'waħda ifqar iżda ogħna fin-numri. Il-Prodott Gross Domestiku (GPD) ma jagħmilx nies. Ma jista' qatt jiggarantixxi fiċ-ċert kwalità ta' ħajja tajba, l-aktar għax il- mudell użat hu wieħed ibbażat fuq l-iżvilupp. Fil-fehma tiegħi l-faqar huwa fit-tmexxija ta' Muscat innifisha. Il-faqar huwa ħolqien tiegħu; faqar mentali, ta' raġuni u nuqqas ta' mistrieħ il-moħħ, ikkontrollat minn media li hi mixtrija biex ixxandar fehma bi preġudizzju. Dan hu gvern li għandu kilba għall-poter għax hemm il-ħtieġa li jgħatti xturu filwaqt li ta palata biex ifarrak lill-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni. Hu proprju f 'dan ix-xenarju illi l-governanza ssir bi strateġija, b'mod kawtel u metikoluż. Il-bqija lkoll nafu n-nuqqas ta' governanza tajba f 'bosta oqsma oħra xi jsarraf. Dan hu gvern li tela' bl- għajta li jrid jirranġa l-ħażin u l-ħażen, u ma seħħx hekk. Anzi pajjiżna tilef ruħu. Il-Ħadd li għadda kien l-ewwel darba wara ħafna żmien meta Muscat stqarr pubblikament il-kelma "fqar" minn fommu stess. Is-soltu, id-diskorsi ta' għeluq il- ġimgħa jagħtuh id-dehra tas-Sur Pożittiv imqiegħed fil-għoli fuq pedestall. Imma donnu li din id-darba Muscat induna, jew qalulu, li l-istħarriġ qed juri li aħjar jirranġa kliemu għax inkella se jidher maqtugħ min-nies. Mela spiċċajna ngħidu "faqar" magħġun fir-realtà li lkoll irridu "niġġieldu." Ninnota l-plural fid-diskors. Is-soltu dejjem x'ser jagħmel hu, bħala Prim Ministru, u x'Malta jrid li jara u x'naf jien. Allura nistaqsi: il-faqar materjali, socjali u tal-ħsieb, tort ta' min tkattar fostna? Ta' min jgħid li meta jrid Joseph Muscat jagħmilha tabirruħu li hu Prim Ministru super Liberalista iktar minn Milton Friedman li kien rebaħ il-Premju Nobel fis-sena 1976, u meta jaqbillu bħala Soċjalista iktar minn Dom Mintoff. Iżda li jidher żgur hu li l-ekonomija dawwarha madwaru u għamilha ħsieb tiegħu u rikeb fuq l-għajta li ssawret fis-sebgħinijiet: "Ħadd ma jista' għalina taħt ..." u li hu 'invictus'. Hemm x'tixtarr. Dan hu l-Gvern Laburista ta' Joseph Muscat, li r-ruħ soċjali li l-Malta Labour Party tant kien magħruf għaliha, warrabha u llum qed iġegħelna nimmaġinaw li rridu nkunu aħna stess li niġġieldu kull xorta ta' faqar, meta r-responsabbiltà taqa' fuq il-Gvern. Spiċċajna li hawn min hu mejjet fis-sakra u min hu mejjet għal qatra. L-għonja baqgħu ipappuha, jistagħnew u jsaltnu biex il-GPD jibqa' jikber. Imma tafux, dan l-aqwa żmien tal-ekonomija għandu tmiemu wkoll. Ma jista' jkun qatt infinit u hemm ħtieġa li nwarrbu sold għal meta pajjiżna jiffaċċja l-maltemp. Dan hu pajjiż li marad bil-misħuta medjokrità u sa issa ma jidhirx li hemm għażla bejn il-Partit Laburista ta' Joseph Muscat u l-Partit Nazzjonalista ta' Adrian Delia biex inkunu nistgħu nfejquh. Persważ li mhux kulħadd mazzun u nibqa' nittama u nistinka għal dak li hu sew, għax pajjiżi verament f 'qalbi. Godfrey Farrugia huwa Deputat Parlamentari f 'isem il-Partit Demokratiku 17 illum | Il-Ħadd 18 ta' Awwissu 2019 Opinjoni GODFREY FARRUGIA Il-faqar fil-ħsieb vs il-forza tar-raġuni Qegħdin immissu l-qiegħ. Tant hu hekk li spiċċajna nagħmlu argument favur il-pjanti u kontra s-siġar, u kontra dak kollu li jeżisti l-memorja kollettiva ta' bosta minna Spiċċajna li hawn min hu mejjet s-sakra u min hu mejjet għal qatra. L-għonja baqgħu jpappuha, jistagħnew u jsaltnu biex il-GDP jibqa' jikber.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 18 August 2019