Illum previous editions

ILLUM 18 August 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1156724

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 31

11 Aħbarijiet illum | Il-Ħadd 18 ta' Awwissu 2019 U l-Prim Ministru għandu tattoo! Kwistjoni oħra li qamet matul dan is-sajf kienet dik dwar it-tattoo tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Mill-ġdid din qajmet kjass minn uħud li ħassew illi mhuwiex sew u denju li Prim Ministru jkollu tattoo. Mhux hekk biss. Storja ta' Manuel Delia fuq il-blogg tiegħu allegat illi l-kelma Invictus, hija mod kif permezz tagħha Muscat jiftaħar bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. L-argument sar b'referenza għal ktieb dwar il-ħajja ta' Daphne Caruana Galizia, ippubblikat sentejn ilu u li jismu Invicta – li tfisser rebbieħa – u bħal donnu biex jinki, Muscat għamel tattoo bil-kelma Invictus, li tfisser rebbieħ. Bosta raw din l-istorja bħala kospirazzjoni esaġerata. Bosta oħrajn saħqu illi m'hemm assolutament xejn ħażin f 'li l-PM jagħmel tatoo u li dan kien kollu djuq żejjed. Delia jirbaħ, imma... Dan is-sajf kompliet id- drama fil-Partit Nazzjonlista, bil-Kunsill Ġenerali jitlaqqa' biex isir vot dwar Adrian Delia u jekk dan għandux jibqa' kap sal-elezzjoni ġenerali li jmiss. Kif mistenni Delia rebaħ dan il-vot u allura ngħata d-dritt demokratiku li jmexxi sal-elezzjoni li jmiss. Minkejja dan, b'riżultat ta' 67.7% favurih u 32.3% kontrih xorta baqa' bieb miftuħ biex min ma jridux, jiġġieled kontrih. Dan is-sajf allura, minkejja li saħħaħ lil Delia fi ħdan il-partit m'għen xejn biex ikunu msaħħin il-pontijiet tal-PN mal-poplu. Anzi, ħafna Nazzjonalisti ħassewhom iktar aljenati mill-partit wara deċiżjoni li jemmnu illi ma tirrappreżentax l-aħjar interessi tal-partit. L-aħħar ħaġa li jonqsu l-PN huwa li jkompli jara l-appoġġ li hemm għalih jitnaqqar b'nies li fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew forsi vvutaw lil David Casa jew Roberta Metsola imma li f 'elezzjoni ġenerali ma jkunux lesti jivvutaw lill-PN b'Delia bħala kap. Tfigħ ta' bajd ... sew jew le? L-aktar kwistjoni riċenti – u nistgħu ngħidu l-aktar taħraq dan is-sajf sa issa – hija dik tat-tfigħ ta' bajd fuq mara li hija stripper waqt bachelor's party. Filmat li nxtered ta' grupp ta' rġiel, u anke tfal, igaraw il-bajd fuq din il-mara u l-għarus qajmu argumenti sħaħ dwar jekk il-ħaġa hix moralment korretta jew le; dwar jekk dak li kien qed jiġri kienx qed iwaqqa' għaż-żufjett persuna u jekk għandux isir. Fil-verità, L-Amerikana ilha magħrufa li tattendi parties illi matulhom tinża' u tpoġġi lill-irġiel f 'sitwazzjonijiet antipatiċi, biex nużaw lingwaġġ diplomatiku. L-Amerikana tkellmet u qatgħet l-għatx bil-perżut ta' kull min qed jiddefendiha. Prattikament sostniet illi kellha kull dritt tagħmel li kienet qed tagħmel u li ma kien hemm ebda forma ta' abbuż. "Tistgħu tbusuhuli..." qalet L-Amerikana. Storja fuq The Times of Malta żvelat kif il-mara kienet meqjusa mill-awtoritajet bħala waħda vulnerabbli. Interessanti kif minkejja li l-attenzjoni kollha kienet fuq il-mara, dawk li kienu qed jixħtu l-bajd, ftit li xejn tkellmu fil-pubbliku. Min jaf għalfejn? L-immigranti ma waqfux ġejjin Wara snin illi fihom kien jidher illi beda jmajna l-fenomenu tal-immigranti li bdew jaslu bid-dgħajjes, dan is-sajf in-numru reġa' beda jikber. Kważi kull ġimgħa kellna rapporti ta' immigranti deħlin f 'Malta jew inkella kwistjoni ta' immigranti li nqabdu fil-baħar b'pajjiżna flimkien mal-Italja, Spanja u oħrajn jirrifjutaw li jdaħħlu l-immigranti. L-akbar numru ta' immigranti li daħlu f 'ġurnata kien nhar il-5 ta' Ġunju meta ddaħħlu f 'pajjiżna 370 immigrant. Sa din il-ġimgħa stess kellna rakkont xokkanti ta' immigrant li ddaħħal Malta u li kien ilu fuq il-baħar għal 11-il jum.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 18 August 2019