Illum previous editions

ILLUM 18 August 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1156724

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

I l-progress ta' pajjiż ma jitkejjilx biss bit- tkabbir ekonomiku u finanzjarju, iżda wkoll b'kemm ikun qed jirnexxilu jnaqqas il-faqar minn fost il-popolazzjoni tiegħu. Għalhekk l-avvanz ekonomiku u t-trażżin tal-faqar huma integrali fil- programm ta' ħidma ta' kull gvern, għaliex mingħajr il- ħolqien tal-ġid il-ġlieda kontra l-faqar ma tkunx tista' ssir. Il-progress f 'din il-ġlieda jitkejjel kull sena f 'rapporti u statistiċi li joħorġu mill- Uffiċcju Nazzjonali tal- Istatistika jew mill-Eurostat, li hija l-fergħa tal-Unjoni Ewropea li b'mod regolari tipparaguna l-progress soċjali u ekonomiku fil-pajjiżi membri. Wieħed minn dawn ir- rapporti huwa dak dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (SILC) li dak għall-2018 ħareg ftit ilu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Dan ir-rapport hu msejjes fuq tagħrif dwar id-dħul tal-familji Maltin u kemm jifilħu jħallsu għal diversi ħwejjeġ bażiċi jew essenzjali għall-ħajja. Sfortunatament, l-istampa li toħroġ mill-istudju tkun ftit tardiva għaliex iċ-ċifri ppubblikati jkunu bbażati fuq l-andament tal-familji sentejn qabel. Ir-rapport ta' din is-sena jirrifletti d-dħul tal-familji fl-2017. Ir-rapport hu mibni fuq tliet binarji. Hemm il-binarju dwar il-faqar relattiv li jkejjel id-dħul tal-familji Maltin f 'relazzjoni mal-kumplament tal-popolazzjoni u jistabbilixxi l-linja hekk imsejħa tar-riskju ta' faqar (at risk of poverty threshold). Dan isir billi jiġi kkalkulat id-dħul medjan ekwivalizzat. Kull min id- dħul tiegħu, ekwivalizzat skont il-membri tal-familja tiegħu, ikun taħt 60% tad-dħul medjan nazzjonali, ikun stmat li jinsab f 'riskju ta' faqar. Skont ir-rapport ta' din is- sena l-ammont ta' dħul medjan ekwivalizzat, imsejjes abbażi tas-sena 2017, kien ta' €8,868 fis-sena għal adult wieħed. Din titqies bħala l-linja tar-riskju tal-faqar. L-ekwivalizzazzjoni ssir billi l-membri tal-familja jingħataw 'piż' billi l-ewwel adult jingħata piż ta' 1.0, kull adult addizzjonali, inklużi tfal minn 14-il sena 'l fuq, jingħataw 0.5 u tfal taħt l-14, 0.3. Biex ma jitqisux f 'riskju ta' faqar, koppja bla tfal irid ikollha dħul ta' aktar minn €13,302 (€8,868 x 1.5). Min- naħa l-oħra d-dħul ta' familja b'żewġt itfal taħt l-14-il sena jrid jaqbeż €18,623 (€8,868 x 2.1). Fejn iż-żewġt itfal fil- familja jkollhom aktar minn 14-il sena, id-dħul irid jitla' aktar minn €22,170 (€8,868 x 2.5). Kif wieħed jista' jara dawn mhumiex ammonti baxxi ta' dħul, liema dħul qed jiżdied b'ritmu mgħaġġel minn sena għall-oħra, u meta wieħed iqis li aktar minn 83% tal-popolazzjoni tagħna għandha dħul li jaqbeż dawn l-ammonti skont il-kobor tal- familja huwa pożittiv ħafna. Binarju ieħor huwa dak dwar iċ-ċaħda materjali. Dan jitkejjel abbażi ta' ġabra ta' mistoqsijiet li jsiru fl-istħarriġ dwar kemm persuni jqisu ruħhom neqsin jew le minn ħwejjeġ bażiċi u essenzjali. Persuni li jgħixu f 'familji li ma jaffordjawx tal-anqas erbgħa minn disa' affarijiet jitqiesu li huma mċaħħda materjalment severament (severely materially deprived) u jekk tlieta, jitqiesu mċaħħda materjalment. Ir-rizultat joħroġ skont it-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet dwar kemm persuni jkunu jaffordjaw: • spejjeż li jinqalgħu għal għarrieda • iħallsu għal btala ta' ġimgħa 'l bogħod mid-dar • iħallsu self fuq id-dar jew kera, kontijiet tad-dawl u l-ilma, u ħlasijiet bin-nifs fuq xiri u self ieħor • jieklu laħam, tiġieġ u ħut kull jumejn • isaħħnu darhom fix- xitwa • ikollhom magna tal-ħasil, sett tat-televixin bil- kulur, telefon u karozza. Ir-rata ta' dawk f 'sitwazzjoni ta' ċaħda materjali severa naqset għal 3 fil-mija – tnaqqis ta' aktar minn seba' punti perċentwali mill-2013. Dan huwa l-anqas livell qatt reġistrat u issa jinsab fil- livell tal-aktar pajjiżi sinjuri fl-Ewropa. L-għadd globali ta' persuni f 'din is-sitwazzjoni f 'ħames snin waqa' minn 43,000 għal 14,000. Dan it- tnaqqis kien mifrux fuq kull indikatur iżda l-aktar li tbaxxa kien fost dawk li ma jifilħux iħallsu għal btala ta' ġimgħa 'l bogħod mid-dar u li ma jifilħux isaħħnu darhom fix- xitwa. Minn kull tliet persuni li kienu jħossuhom imċaħħda materjalment severament ħames snin ilu, illum baqa' persuna waħda biss minkejja li kif se nispjega l-popolazzjoni tagħna żdiedet bi 12.5%. Binarju ieħor huwa dak li jkejjel l-Intensità tax-Xogħol (Work Intensity). Dan jiffoka fuq persuni bejn it-18 u d-59 sena, illi jaħdmu inqas minn tmien sigħat fil-ġimgħa, ħlief studenti li jkunu qed jistudjaw f 'livell terzjarju. Jista' jkun li għalkemm persuni fir-realtà mhumiex f 'riskju ta' faqar jew imċaħħda materjalment, jistgħu xorta waħda jidhru fl-istatistika kemm-il darba jaħdmu anqas minn tmien sigħat fil-ġimgħa. Dan għaliex jista' jkun hemm persuni li jgħixu bir-renta minn fuq proprjetà jew persuni li jkunu gawdew minn xi skema ta' rtirar kmieni u jkollhom dħul adegwat li ma jkollhomx għalfejn jaħdmu. Mir-riżultati li jinġabru minn dawn it-tliet indikaturi mbagħad jitkejjel il-binarju ewlieni li huwa dak dwar ir- riskju tal-faqar jew esklużjoni soċjali. Dan huwa l-aktar kejl importanti fil-kuntest kollu tar-rapport tal-NSO. Ir-riżultati tal-istudju juru li l-għadd ta' nies f 'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali mill-2013, meta kien tela' għall-ogħla ammont ta' 102,000 (minn popolazzjoni ta' 415,000 jew 24.6%), naqas b' aktar minn 13,000 persuna għal taħt id-89,000 (minn popolazzjoni ta' 467,000 jew 19%). Ir-rata perċentwali ta' 19% kienet l-aktar waħda baxxa minn meta beda jsir dan l-istħarriġ fl-2005. Dan ifisser li minkejja żieda fil- popolazzjoni ta' aktar minn 50,000 f 'ħames snin xorta l-ammont ta' dawk f 'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali naqas bi 13,000. Huwa għalhekk li l-indikazzjonijiet li joħorgu mill-istatistika tal-NSO jridu jittieħdu u jinflew b'mod ħolistiku u mhux selettiv. Huwa għal din ir-raguni li meta jkun hemm ċaqliq zgħir 'il fuq fir-rata tar-riskju tal-faqar, dan ma jistax jiġi interpretat li neċessarjament aktar nies ikunu waqgħu lura. Barra minn hekk, bħal kull statistika oħra l-istatistika dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali trid tiġi analizzata abbażi tar-rati tal- popolazzjoni u fuq medda ta' żmien li turi x-xejriet. It-titjib li sar ma kienx biss dovut għat-tkattir tal-ġid, imma b'riħet din il-prosperità twettqu għexerien ta' miżuri soċjali tul dawn l-aħħar snin. Li ma ġiex rifless s'issa huma dawk il-miżuri li ddaħħlu fl-2018 u l-2019 favur l-anzjani, il-familji u l-persuni vulnerabbli. Aħna konxji li l-ġlieda kontra l-faqar mhix ser tintrebaħ kompletament, speċjalment fuq medda qasira ta' snin. Dan għaliex anke f 'soċjetà li mxiet 'il quddiem ekonomikament jitnisslu sfidi u diffikultajiet ġodda fost il-faxxa t'isfel tas-soċjetà. Barra minn hekk, parti mill- faqar tal-lum huwa riżultat ta' deċiżjonijiet (jew nuqqas tagħhom) meħuda snin ilu bħalma deċiżjonijiet li qed nieħdu llum f 'dan ir-rigward mhux biss qed inaqqsu l-faqar tal-lum imma nemmnu li jistgħu jipprevenu l-faqar fil-futur. Għalhekk l-impenn tagħna jibqa' li ngħinu dejjem aktar lil dawn il-persuni u nibqgħu nilqgħu dawn l-isfidi. Fl- aħħar mill-aħħar, kif stqarr sew il-mibki Nelson Mandela, għalina t-trażżin tal-faqar mhux att ta' karità iżda l-protezzjoni ta' dritt uman, tad-dritt għad-dinjijita' u għall-għajxien diċenti. Mark Musù huwa Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat- Tfal u Solidarjetà Soċjali illum | Il-Ħadd 18 ta' Awwissu 2019 Opinjoni 20 Il-faqar ikompli jonqos MARK MUSÙ Ir-riżultati tal-istudju juru li l-għadd ta' nies f 'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali mill-2013, meta kien tela' għall-ogħla ammont ta' 102,000 (minn popolazzjoni ta' 415,000 jew 24.6%), naqas b' aktar minn 13,000 persuna għal taħt id-89,000 (minn popolazzjoni ta' 467,000 jew 19%)

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 18 August 2019