Illum previous editions

ILLUM 29 September 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1172202

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 31

I s-settur kulturali tagħna huwa, kif dejjem ngħid, wieħed vast. Fil- ħidma tal-ministeru, għalhekk, dejjem nistudjaw x'inhuma l-aħjar modi kif dan is-settur inżommuh ħaj u wkoll indaħħlu fih innovazzjonijiet studjati biex nagħmluh dejjem aktar interessanti u wkoll, inressquh aktar lejn iċ- ċittadin, li hija fuq kollox waħda mill-prijoritajiet tagħna. Din il-ġimgħa ħabbarna fil-fatt xi ħaġa differenti mis-soltu. Konna ilna naħsbu u nippjanaw kif se nolqtu lill-ġenerazzjoni żgħira biex inrawmu fihom l-imħabba lejn l-istorja tagħna. U dan huwa propju dak li ħabbart ftit tal-jiem ilu. Storja Animalta. Permezz ta' Animalta, li hija serje li se tippreżenta l-istorja ta' Malta b'mod animat u innovattiv, bla dubju l-mod kif se tkun ippreżentata din is-sensiela se tqanqal iktar lit- telespettaturi biex jitgħallmu iktar dwar l-istorja u l-wirt kulturali tal-gżejjer Maltin. Għandha tkun popolari mhux biss maċ-ċkejknin, imma ma' dawk ta' kull età! Proġett ieħor ta' Heritage Malta, li hija parti mill-Ministeru għall- Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali li flimkien ma' Reciprocal, li qed jieħdu ħsieb il-produzzjoni bil- kollaborazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti taħt l-inizjattiva Kultura TV se nibdew naraw din is-sensiela propju minn għada t-Tnejn fuq ONE. Ibbażata fuq seba' episodji qosra ta' madwar 25 minuta, kull episodju se jipprovdi narrattiva dwar karattru partikolari, grupp ta' persuni, jew perjodu. Is-sensiela se titratta sitt stejjer li sawru l-istorja Maltija, mill-bini tat-tempji preistoriċi iktar minn 5,000 sena ilu sal-ħakma Franċiża fis-snin 1798-1800. L-episodji huma bbażati fuq dawn it-temi: 7,000 sena ta' storja; il-bennejja tat-tempji; il-kummerċjanti Feniċi; in-Nawfraġju ta' San Pawl, in-Normanni, l-attakki mill-Ottomani; u l-irvellijiet kontra l-Franċiżi. Heritage Malta ppubblikat ktieb tat-tpinġija li jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet ta' Heritage Malta biex jikkumplimenta din is-sensiela bl-isem ta' Colouring history – Malta and Gozo through the ages. Immirat għal tfal żgħar, minbarra li jieħdu pjaċir ipinġu, il-ktieb jinkludi wkoll deskrizzjoni qasira dwar l-istorja tas-sitt stejjer li fuqhom hija bbażata s-sensiela Storja Animalta. L-entità Heritage Malta qed tagħmel kisbiet biex tagħmel il-wirt u l-istorja tagħna aktar disponibbli lill- pubbliku b'modi innovattivi, fosthom il-passaporti tal- kbar u tal-istudenti. Dan il-Gvern qiegħed jinvesti b'mod dirett fis- settur kulturali u dan il-proġett se jkollu rwol intrinsiku biex iwassal l-istorja tagħna fid-djar Maltin u Għawdxin. *** Din il-ġimgħa ħadt gost ukoll ninawgura esebizzjoni interessanti ferm. AMuSE (Artistic Multi Sensorial Experience) huwa l-ewwel proġett taħt il-kappa tal-programm Ewropa Kreattiva li qatt ingħażel għal kofinanzjar mill-Kummissjoni Ewropea li qed jitmexxa minn organizzazzjoni Maltija – is-Soċjetà Maltija għall- Arti. Il-proġett ilu għaddej diversi snin u beda fl-2017 meta s-soċjetà ressqet il- proposta tagħha bl-ideat ta' kif jista' jseħħ il-programm artistiku. Dan ix-xahar AMuSE se jasal fi tmiemu bi tliet avvenimenti ewlenin – kunċert interattiv, spettaklu ta' daqq sinkronizzat tal- qniepen tal-knejjes u wirja tal-arti kollettiva bis-sehem ta' sittax-il artist/a emerġenti lokali u Ewropej. Bħala Gvern qed inkomplu nsaħħu l-pjattaformi kulturali għall-benefiċċju ta' professjonisti fix- xena artistika permezz ta' inizjattivi u ta' opportunitajiet. AMuSE żgur se jservi bħala eżempju għall-organizzazzjonijiet kulturali u għall-entitajiet lokali biex jipparteċipaw bħala msieħba prinċipali fi proġetti futuri tal-Ewropa Kreattiva. Din il-wirja finali tal- proġett AMuSE tikkonsisti f 'kostellazzjoni ta' xogħlijiet artistiċi li nħolqu mis- sittax-il artist li qed jipparteċipaw fil-proġett matul ir-residenzi artistiċi li saru fl-aħħar sentejn fit-tliet pajjiżi Ewropej imsieħba – l-Associazione Le Terre dei Savoia (l-Italja), il-Hanze University of Applied Sciences (l-Olanda) u d-Dusetos Cultural Centre (il-Litwanja). Il-wirja se ddum għaddejja matul ix-xahar ta' Ottubru kollu f 'Palazzo de La Salle il-Belt. *** Attività li issa tinsab fit- tlettax-il sena tagħha u hija marbuta sew mal-kalendarju kulturali hija dik li bdiet ilbieraħ u tkompli llum il- Ħadd – Żejt iż-Żejtun. Attività li hija wkoll marbuta mal-isem ta' Città Beland – iż-Żejtun. Fil-fatt, kif ħafna jafu, Żejtun hija propja l-kelma li fl-ilsna Semitiċi u wkoll f 'pajjiżi li fihom kien hemm il-kultura Għarbija, tintuża għaż- żebbuġ. Festeġġamenti bħal dawn huma essenzjali biex nitfgħu dawl fuq it-tradizzjonijiet u d-drawwiet tagħna, u din iċ-ċelebrazzjoni annwali qed tiżdied fil-popolarità u hija mfittxija minn ħafna membri tal-pubbliku. Inizjattivi ta' dan it-tip joffru opportunità mill-aqwa biex nagħmlu l-wirt kulturali tagħna aktar aċċessibbli, speċjalment minħabba li dan tal-aħħar jifforma parti intrinsika tal- identità tagħna. Żejt iż-Żejtun jiċċelebra l-bidu tal-istaġun tal-ġbir taż-żebbuġ, u jonora l-wirt rurali li huwa assoċjat ħafna ma' din il-parti ta' Malta. Kull sena, ikun hemm atmosfera mill-isbaħ, bi sfilata bil-ġarr taż-żebbuġ minn Triq Sant'Anġlu għall-pjazza tal-knisja. Il- ġemgħa mbagħad tinġabar fuq iz-zuntier tal-knisja għat-tagħsir u t-tberik taż- żebbuġ. L-attivitajiet ta' mal- lejl jinkludu l-għana, żfin u kant f 'partijiet differenti fiż-Żejtun. Żejt iż-Żejtun tkompli dalgħodu bit-tberik tal-annimali, parata bil- karrettuni, karozzini, serkini u żwiemel, li se titlaq minn quddiem Misraħ il-Madonna tal-Ħniena sa Misraħ San Girgor, fejn se jsir it-tberik. Wara se jkun hemm logħob tradizzjonali tat-tfal, żfin, arti, artiġġjanat u programm mużikali mill-Banda Beland u l-Banda Żejtun. Dan il-festival huwa appoġġjat mid-Diviżjoni tal- GVern Lokali, li taqa' fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali. *** Nagħlaq billi ngħid kemm jien sodisfatt li l-ħidma tal-Ministeru mhux biss qed twassal għal bidliet li tmisshom, b'għadd ta' miżuri f 'kull qasam imma din il- ħidma qed twassal ukoll għal għarfien u rikonoxximent, mhux biss għall-ministeru, imma wkoll għal dawk kollha li jaħdmu b'għaqal u b'impenn u jagħmlu parti mill-Ministeru għall- Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali. Ninsabu fil-ġimgħa ddedikata għas-servizz pubbliku b'diversi attivitajiet li ġew organizzati taħt it-tema Lejn Servizz ta' Eċċellenza. Kburi li l-ħidma ta' diversi uffiċjali pubbliċi li jagħtu l-massimu tagħhom taħt it-tmexxija tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Johan Galea, ġiet rikonoxxuta għall-akbar numru ta' miżuri ta' simplifikazzjoni implimentati fl-2018, għall- aktar Ministeru li ppjana ħidmietu sew, żamm mal- pjani u implimenta l-akbar numru ta' miżuri. Grazzi lil dawn il- ħaddiema li mingħajrhom aħna ma nistgħux inwettqu dak kollu li nagħmlu! Owen Bonnici huwa l-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura, u Gvern Lokali OWEN BONNICI illum | Il-Ħadd 29 ta' Settembru 2019 18 Opinjoni Innovazzjonijiet fil-kultura

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 29 September 2019