Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/969426
I rrid nammetti li l-vlogger Nas Daily interessani ħafna u fl-aħħar ġimgħa segwejtu ħafna. Qabel ġie Malta qatt ma kont smajt bih għad li għandi ħbieb tiegħi li qaluli li kienu ġa jsegwuh minn qabel ġie Malta. Ma nafx eżatt kif smajt bih l-ewwel darba, imma probabbilment minn fuq l-aħbarijiet tal-internet. Ġietni l-kurżità u rajt il-filmat li tella' ta' Salvu ta' Kemmuna. Il-filmat għoġobni ħafna. Dħalt fil-facebook page tiegħu u ntbaħt li dan Nas Daily jagħmel video ta' minuta kull ġurnata tas-sena. B'kollox għandu madwar żewġ miljuni u nofs li jsegwuh b'mod regolari minn mad-dinja kollha. Rajt il-filmati li tella' fuq Malta u għidt li mal-ewwel ċans li jkolli, noqgħod nara wħud mill-bqija. Din il-ġimgħa kont konferenza Copenhagen u fi tmiem tal-konferenza fil- lukanda sibt ruħi nwieġeb l-emails u nara video wara video ta' dan Nas Daily. Il-ħajja qasira L-idea ta' dan Nas Daily hi li l-ħajja hi qasira u għalhekk irid idur kemm jista' jkun fid- dinja u jirrakkonta l-istejjer permezz ta' filmati ta' minuta. Naturalment, għad li dan Nas Daily ma jitkellimx dwar politika b'mod attiv, f 'dawn il-videos hemm messaġġi importanti u jiddiskuti kwistjonijiet bħall- immigrazzjoni, il-gwerer, il-paċi u fuq kollox il-kunċett ta' kuntentizza. Dan iddeċieda wkoll li joħloq tag line għal Malta – Oh My Malta! - u lbieraħ sa fejn naf jien stieden skoss nies biex jagħtu ħajja lil dan it-tag line. Stejjer Il-bażi tal-ħidma ta' Nas Daily hija li f 'kull persuna hemm storja u n-nies iħobbu l-istejjer. Fl-istejjer in-nies tara rakkont li jinteressaha. Kien hemm xi nies li bbumbardjaw is-sit soċjali ta' Nas Daily fejn qalulu li missu wkoll jitkellem fuq kwistjonijiet oħrajn ladarba qiegħed Malta u jidher li anke daħal fiha - għal xi raġuni - s-sit tal-Knisja newsbook. com.mt. Il-punt jibqa' li l-bażi tal- ħidma ta' dan Nas huma l-istejjer. Stejjer ta' persuni, inkluż tiegħu innifsu u ta' nies qrib tiegħu. Il-politika wkoll hija mibnija fuq esperjenzi ta' nies, kif nistgħu nitgħallmu minn dawn l-esperjenzi, inbiddlu li hemm bżonn u nagħmlu l-ħajja tan-nies aħjar. Il-politika mhijiex dwar tgħajjir, tfigħ ta' tajn u kliem bombastiku. Il-politika hija dwar kif nistgħu ntejbu l-ħajja ta' dak li jkun. Matthew Storja b'saħħitha hi dik ta' Matthew Schembri, artist modern li pparteċipa fil-festival VIVA fi Spazju Kreattiv. Matthew tilef lil ommu ftit tas-snin ilu u ddeċieda li jagħmel esebizzjoni fejn fiha jagħti rikordju tal-għażiża ommu lil kull min jattendi bħala mezz terapewtiku ta' kif jimxi 'l quddiem mir-rikordji li jtaqqluh. Dawna huma stejjer b'saħħithom ħafna li jgħallmu lil kulħadd. Libertà tal-espressjoni F'dan il-kuntest hu kruċjali li nżommu f 'moħħna kemm il-libertà tal-espressjoni hi fundamentali għaliex hi l-fundament ta' kif nistgħu nesprimu ruħna bl-aħjar mod biex pajjiżna jkompli jimxi 'l quddiem. Fl-aħħar leġislatura konna ftaħna l-bibien beraħ biex inkabbru l-libertà tal-espressjoni artistika. Naddafna l-liġijiet tagħna minn ħafna provvedimenti antiki li ma kienx għad fadal żmienhom u llum għandna liġijiet moderni, aġġornati u li jagħtu l-ikbar spazju possibbli lill-artisti. F'din il-leġislatura għadna kemm għamilna t-tieni pass u ftaħna beraħ l-bibien tal-libertà tal-espressjoni ġurnalistika bi tmintax-il riforma b'saħħitha li ġabet il-liġijiet ta' pajjiżna fost l-iktar liġijiet progressivi fejn jidħol ix-xandir u l-libertà tal-espressjoni gurnalistika. It-tneħħija tal-libell kriminali, pereżempju huwa pass kruċjali 'l quddiem li se jagħmel differenza. Jew li l-protezzjoni tas-sors testendi mhux biss għall-ġurnalist imma kull awtur f 'dinja fejn is-citizen-journalism qiegħed kulma jmur jikber. Jew inkella li wieħed ma jistax jagħmel skoss libelli wieħed wara l-ieħor biex ikisser finanzjarjament lil xi ġurnalist. Jew li issa ma tistax tagħmel mandati ta' sekwestri kawtelatorji – huma ta' liema tip huma - kontra ġurnalisti. Bis-saħħa ta' dawn il-liġijiet pajjiżna se jkompli jiftaħ il- bibien beraħ għal iktar libertà tal-espressjoni. SLAPP L-Oppożizzjoni għamlet proposta li aħna studjajnieha bir-reqqa – ċioè Ii jekk xi ħadd jagħmel kawża ta' libell barra minn Malta kontra ġurnalist f 'Malta, dik is- sentenza ma jkollhiex saħħa f 'Malta speċjalment fejn id-danni jkunu kbar ħafna. Studjajna din il-proposta u ħadna l-parir ta' erba avukati differenti, wieħed minnhom barrani. Dawn qalulna li fejn tidħol il-liġi tal-Unjoni Ewropea, ma nistgħux nagħmlu dan għaliex hemm prinċipju kardinali li sentenza ċivili jew kummerċjali trid tiġi inforzata bejn id-diversi pajjiżi tal- Unjoni Ewropea għax inkella mhi Unjoni xejn. Ir-rimedju jkun li tinbidel il-liġi tal- Unjoni Ewropea u aħna diġà għidna li nkunu favur li nkabbru l-protezzjonijiet favur il-ġurnalist meta jqum dan id-dibattitu fil-forza rispettivi. Fejn jidħlu libelli li jsiru f 'pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea – bħall-Amerika - l–liġi diġà toffri protezzjoni allura m'aħna nkunu qed nagħtu ebda protezzjoni ġdida. Għalhekk il-proposta f 'dan is-sens ma kinitx studjata sewwa. Aħna ppubblikajna immedjatament il-pariri kollha – nagħtikom parir taqrawhom u tifluhom għaliex huma studjati ħafna. Dan hu Gvern li bis-serjetà - u mhux bit-tpaċpiċ – qed jibdel lil pajjiżna għall-aħjar. illum | Il-Ħadd 15 ta' April 2018 18 Opinjoni Il-politika mhijiex dwar tgħajjir, tfigħ ta' tajn u kliem bombastiku. Il- politika hija dwar kif nistgħu ntejbu l-ħajja ta' dak li jkun Nas Daily OWEN BONNICI