Illum previous editions

illum 15 April2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/969426

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

illum | Il-Ħadd 15 ta' April 2018 M eta t-tifel ta' oħti kien staqsieni x'kienet, ippruvajt naħrablu mid- diskors. Ippruvajt ma ngħidlux. Ippruvajt. Imma ma rnexxielix. Kont ili ma niftaħha żmien twil. Kull ma kienet tidher minn barra, kienet kaxxa tal- kartun iffejdjata fil-kannella, magħluqa u ssiġillata sew. Imma ġewwa... Ġo fiha kien hemm affarijiet prezzjużi. Affarijiet prezzjużi imma li kienu ta' wġigħ ta' qalb. Nicolai. Nicolai tiegħi. L-aqwa ħabib li qatt kelli. "Ma tridx tgħidli x'fiha l-kaxxa zija?" reġa' staqsieni, b'għajnejh kbar skuri jleqqu, iħares 'il fuq. "Ma fiha xejn!" blajtu. U tlaqt 'il barra mill-kamra taparsi rrabjata. Sakemm in-neputi telaq 'il barra hu wkoll u aljena rasu jilgħab bir-rota fi sqaq dejjaq li kien hemm faċċata tad-dar t'ommi. U xħin kont naf li telaq, erġajt mort lura fil-kamra. Fil-kamra fejn kien hemm il-kaxxa tal-kartun fuq il- gwardarobba. U f 'mument wieħed, ressaqt siġġu mal- gwardarobba, tlajt bilwieqfa fuqu u għamilt idejja t-tnejn fuqha. Dak il-ħin, għalkemm bdejt nagħfas għajnejja ma' xulxin ħalli ma nibkix, żewġ kelmiet ġew f 'ħalqi. Trab u għanqbut. Kemm kien ilni ma niftaħha! Kemm kien għadda żmien! Imma kien għadu qisu lbieraħ. Nicolai. L-aqwa ħabib li qatt kelli. Qbadt il-kaxxa tal-kartun b'idejja jirtogħdu u niżżiltha isfel fuq il-mejda. Kont qed nisma' qalbi tħabbat fis- silenzju tad-dar antika ta' ommi. Għajr in-neputi, li issa kien mehdi bir-rota ma' xi tfal oħra, kont qiegħda d-dar waħdi. U kont naf li dak kien il-mument opportun biex niftaħha u mmur lura fiż-żminijiet tat-tfulija, mingħajr ħafna mistoqsijiet żejda mingħand ommi u oħti, li kienu marru jixtru mingħand tal-merċa. Hekk malli subgħajja bdew iduru mal-kartun, hekk kif bdejt niftaħha b'tant għożża u delikatezza, inxomm ir- riħa ta' moffa li kien fiha, bdejt kważi nisma' t-tpespis tiegħu. Bdejt nisma' dik id-daħqa unika tiegħu. Ta' Nicolai. Ftaħtha. Fil-bidu, bdejt nibża' nħares isfel lejn l-oġġetti li kien hemm fil-kaxxa. Iżda mbagħad għamilt ftit kuraġġ u ħarist. U hemm... hemm rajthom. Ors żgħir li suppost kien xi darba abjad, issa kien donnu mtebba' bil-moffa, pupa żgħira li kien xtrali f 'jum għeluq snini, xi blokki żgħar tal-injam u oġġetti oħra li kollha kemm huma kellhom l-istess sinifikat. Kollha kienu jfakkruni fih. F'Nicolai. Fil-qiegħ tal-kaxxa stajt nara xi tpinġijiet bil-krejons. Fuq naħa minnhom, kaxxa żgħira tal-injam fejn fiha kont naf li kien hemm xi biċċiet tal-plastik ileqqu, li aħna ta' tfal li konna, konna ngħidulhom djamanti. U ritratti. Kien hemm mazz ritratti. Mingħajr ma missejt xejn minnhom, donni bdejt nibża', donnu beda' jaqbadni sudizzjoni minnhom, stajt nara r-ritratt li kien hemm fuq nett. U minn bejn il- ġugarelli, kien jidher hu. Wiċċu. Għajnejh ċelesti. Xufftejh. Xagħru sabiħ bjond. "Nicolai..." bdejt ingedwed waħdi mingħajr ma ndunajt. Ħassejt xi ħaġa mxarrba nieżla minn ma' għajnejja sa' geddumi, iġġelben lejn il-kaxxa. Mingħajr ma kelli kontroll, kont qiegħda nibki. "Nicolai..." smajt leħni jgħid waħdu, jikser is- silenzju tal-kamra. U dak il-ħin, il-memorji kollha ġew quddiem għajnejja, hekk kif wiċċ Nicolai kien għadu qed jittawwalli minn bejn l-oġġetti. Ħassejt ir-riħ tal-passat jieħu kontroll ta' ġismi kollu. Il-kamra nbidlet. Saret ġnien. Saret l-iskola. Saret id-dar l-antika li kellna. Dak iż-żmien. Dak iż-żmien meta jiena u Nicolai konna l-aqwa ħbieb. Kien l-isbaħ tifel illi qatt kont rajt. Kien fil-klassi tiegħi. Kont ilni nafu minn meta bdejt l-iskola. Nicolai kien joqgħod qrib tagħna. U meta sirna ħbieb, konna mmorru l-iskola flimkien. Dakinhar li sirt ħabiba tiegħu, kienet ġurnata xitwija. Kienet qabdet ix-xita u peress illi konna noqgħodu qrib ta' xulxin, konna qegħdin nistennew il-vann biex tiġi twassalna d-dar, nistkennu taħt gallarija. Bdejt nirtogħod xi ftit għaliex dik il-ġurnata kienet sebħet sabiħa, iżda mbagħad l-ajru kien sar griż u qabdet nieżla ħafna xita. Lanqas ġakketta ma kelli! U lil Nicolai lanqas kont innutajtu bilwieqfa eżatt warajja! Hekk malli kien rani nirtogħod bil-bard, Nicolai kien neża' l-ġakketta u dawwarhieli ma' spallejja. U dak il-ħin indunajt. Indunajt kemm kien tifel sew. Nicolai. Nicolai tiegħi. Minn dakinhar konna sirna l-aqwa ħbieb. Għid fejn se tara lil Nicolai, se tara lil Judith. Għax jiena Judith jisimni, mank kont għidtilkom! Skużawni, ma kontx ippreżentajt ruħi magħkom! Kien jiġi jħabbat id-dar tagħna kuljum, immorru l-iskola flimkien, nirkbu l-vann flimkien, wara nilagħbu flimkien u saħansitra nistudjaw flimkien ukoll! Nicolai kien l-aqwa ħabib li qatt kelli! U mhux biss... Illum, hekk kif kont qiegħda nħares lejn dawn l-oġġetti qodma u mitluqin, kont naf, kont naf li jiena lil Nicolai kont inħobbu iżjed minn hekk ukoll. "La nikber lilek għad niżżewweġ," kont ngħidlu, inħares lejh u ma nistħi xejn. Kollox kont ngħidlu. Kollox. U meta kont ngħidlu hekk kien jagħmilli iva b'rasu u jitbissem. Tgħid kien jaħsibha bħali? Jew ma kienx? Hi kif inhi, il-biċċa, issa qatt ma kont ser insir naf. Għax issa kont tliftu. U kien kollu tort tiegħi. Ma kienx mument! Ma kienx mument li kont mort inħabbatlu d-dar! Kieku llum... Kieku jaf kien ikun kollox mod ieħor! Dak iż-żmien kelli għaxar snin. U kienet sebħet ġurnata sabiħa. Għalkemm kienet ix-xitwa, it-temp kien donnu beda jaqleb u s-sema kien blu mingħajr sħab. Malli smajt lil ommi tqajjimni, moħħi beda jhewden li kelli aptit immur dawra bir-rota. U ovvjament li lil Nicolai kont ser ngħidlu biex jiġi miegħi! Qbiżt minn ġos-sodda u tlaqt niġri lejn il-kamra tal-banju. F'ħakka t'għajn kont ġa nħsilt, ħsilt snieni u rranġajt xagħri kif stajt. Ilbist qalżiet u flokk ħafief u mingħajr kliem, tlaqt niġri 'l barra kemm niflaħ, qbadt ir- rota u erħejtilha lejn id-dar ta' Nicolai li kienet ftit passi 'l bogħod. Kif kont dejjem nagħmel is-soltu, ħabbat b'mod kunfidenti fuq il-bieb. Xejn. Kwiet. Stennejt ftit. Erġajt ħabbat, b'mod ftit aktar qawwi. Xejn. Kwiet. Dawwart ħarsti lejn it- twieqi u ndunajt li kien hemm xi twieqi sottokjużi u l-karozza ta' omm Nicolai pparkjata fil-ġenb tat-triq, quddiem il-garaxx. Mela żgur hemm kienu! Kif ma fetaħli ħadd? Is- soltu dejjem kien jiftaħli mill-ewwel. Tgħid kien ħa xi fastidju fuq xi ħaġa? Għax aħna bħal kulħadd, ġieli llatikajna wkoll. U ġġilidna. Imma wara ftit, Nicolai kien imur fil-ġnien li kien hemm biswit tagħna u kien jaqtagħli l-fjuri. U jgħidli li jħobbni. Li jħobbni ħafna. "Nicolai?" bdejt ngħajjat ftit, ħalli jismani żgur. U dak il-ħin, mingħajr ma ħsibt xejn, ersaqt lejn it-tieqa li kien hemm sottokjuża u ttawwalt 'il ġewwa. Inħsadt! Rajt qisu dell iswed għaddej jiġri minn quddiemi! U la kien ta' omm Nicolai u lanqas tiegħu! Lilhom kont nagħrafhom żgur! "Nicolai?" erġajt sejjaħt, hekk kif ħassejt ġismi donnu jibbalzma bil-biża'. X'kien qed jiġri? X'kien qed jiġri hemm ġew? U dak il-ħin, donnu kollox ġara f 'temp ta' minuta, jew saħansitra, sekonda. "Itlaq Judith! Itlaq lejn id-dar!" smajt leħen Nicolai jgħidli minn x'imkien hemm ġew. "Iġri kemm tiflaħ!" U ndunajt li kien hemm dell iswed qed jipponta xi ħaġa tleqq lejja. U tlaqt. Smajt minnu. Mingħajr ma ħadt lura r-rota, li kienet qiegħda tistrieħ mal-parapett tad-dar tagħhom, tlaqt niġri kemm niflaħ. U malli tlaqt, smajt qisha sparatura. Imma ma kontx ċerta... ma kontx ċerta x'kienet eżatt! Ġrejt lejn dari b'nifsi maqtugħ, lanqas biss inħares lura. Kont imwerwra! U għidt b'kollox lil ommi. "U forsi ma kellux aptit joħroġ illum!" qaltli. "Tkunx fitta!" U għamilt ġurnata sħiħa nistennih ġej għandi. Iżda Nicolai ma ġiex. U l-għada stennejtu jiġi għaliha qabel l-iskola. U lanqas ma kien ġie. Mort l-iskola u għamilt ġurnata nħares lejn il-bank tiegħu vojt. U baqa' vojt. Nicolai ma ġiex skola. Issa iżjed bdejt ninkwieta! U erġajt ftakart f 'dawk id-dellijiet suwed li kont rajt f 'daru! Tgħid kont immaġinajt jew kienu hemm tabilħaqq? Imma tgħid x'kien ġara? Qalbi kienet qiegħda teħbirni li kienet ġrat xi ħaġa ħażina. Ħażina ħafna. U daħħaltha f 'moħħi li mmur s'għandu wara l-iskola. Iżda malli xrift mill-bieb il-kbir tal-iskola, ġew il- pulizija. Magħhom, fil- karozza kien hemm ommi. Morna l-għassa. U hemm sirt naf. Sirt naf eżatt minn xiex kien għadda l-għażiż tiegħi Nicolai. Daħħalt idi fil-kaxxa tal- kartun, li issa kienet kollha ħmieġ u moffa. Għajnejja kienu ħomor u l-uġigħ kien għadu l-istess. Qbadt ir- ritratt u ġbidtu 'l fuq, inħares f 'għajnejn il-mibki ħabib tiegħi. L-aqwa ħabib. L-aqwa ħabib li qatt kelli. "Rajna r-rota tiegħek hemm barra... u l-ħallelin qegħdin jgħidu li t-tifel ħareġ minn ġol-moħba tiegħu malli ra lilek. Ipprefera jmut hu milli jħallihom jisparawlek..." Għafast ir-ritratt b'idejja tirtogħod. Leħen il-pulizija kien għadu frisk. Kien għadu qisu lbieraħ. Nicolai. Nicolai kien miet minħabba fija. L-aqwa ħabib. L-aqwa ħabib li qatt kelli. L-aqwa ħabib Sharon Calleja 20 Rakkont

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 15 April2018