Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1127410
12 Aħbarijiet illum | Il-Ħadd 9 ta' Ġunju 2019 DIN il-gazzetta ltaqgħet ma' Zammit fil-Kapitali, il-Belt li fiha trabba u li fiha għadu jgħix u tkellmet miegħu dwar il-viżjoni li għandu għall-Belt Valletta u x'se jkunu l-prijoritajiet tiegħu meta fl-1 ta' Lulju jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala l-ewwel Sindku Laburista tal-Beltin. Bdejna billi staqsejna lil Alfred Zammit x'wasslu biex jerġa' joħroġ għall-Kunsill Lokali tal-Belt u jekk għamilx dan għax kien jaf li l-Partit Laburista kien se jirbaħ u allura kellu ċans akbar isir Sindku. Fil- fatt Zammit, fil-bidu tal-Kunsilli Lokali kien joħroġ bħala kandidat indipendenti u kien għamel għaxar snin kunsillier tal-Belt. "Kien il-Prim Ministru Joseph Muscat u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne li ġrew warajja biex noħroġ għall-Kunsill Lokali. Ma tantx domt naħsibha, l-ewwel nett b'rispett lejn il-Prim Ministru u x-xogħol li qed iwettaq u t-tieni għax jiena l-Belt Valletta nħobbha," insista s-Sindku l-ġdid tal-Kapitali. Minnufih saħaq li hu kien lest jaħdem mal-Partit Nazzjonalista anke kieku l-Partit Laburista ma rebaħx il-maġġoranza u kien hawn li appella lill-Kunsilliera Nazzjonalisti, li fi kliemu huma kollha ħbieb tiegħu, biex issa jinsew l-aħmar u l-blu u jaħdmu flimkien għall-ġid tal-Beltin. Raġuni oħra, għalfejn aċċetta mill- ewwel, hija l-bidla li seħħet fil-Belt. Fakkar kif sa ftit tas-snin ilu, il-Kapitali kienet torqod mas-sebgħa ta' filgħaxija mentri llum hija mimlija attivitajiet. "Il-Gvern Laburista ta d-dinjità lill-Belt Valletta u dik in-nies apprezzawha," saħaq Zammit. 'Ma rridux Paceville… irridu divertiment li jixraq lill-Belt' Kien hawn li tkellimna dwar id- divertiment fil-Belt Valletta u kif huma ħafna, anke koppji żgħażagħ, li qed jagħżlu l-Belt Valletta bħala l-ħarġa tagħhom. 'Dik hija l-Belt Valletta li rridu. Ma rridux li l-Belt issir Paceville. Mhux għax Paceville huwa ħażin. Imma rridu divertiment li jixraq lill-Belt Valletta," insista s-Sindku l-ġdid. Staqsejnieh fuq dak li kien stqarr magħna l-eks Sindku tal-Belt, il- Professur Alexiei Dingli, jiġifieri li ma jaqbilx li stabbilimenti ta' divertiment għandhom jinfirxu fiż-żoni residenzjali tal-Belt Valletta biex ma jinħoloqx inkonvenjent lir-residenti. X'jaħseb Zammit u l-fatt li huwa sid ta' żewġ ristoranti fil-Belt Valletta ma jaħsibx li jista' jkollu xi ftit ta' kunflitt ta' interess? Is-Sindku l-ġdid huwa ftit xettiku dwar li wieħed jillimita fejn jistgħu jinfetħu stabbilimenti bħal ristoranti u barijiet, anke għax kull żona fil-Belt Valletta hija żona residenzjali. "Hemm ir-regolamenti u kulħadd jimxi magħhom. Ma jfissirx li għax għandek ristorant se tagħmel li trid," insista s-Sindku. 'Irrid li Evans Building issir lukanda ta' ħames stilel…' Fakkarna wkoll li jekk wieħed imur lura fis-snin, il-mekka tad-divertiment fil-Belt kienet Strada Stretta, minn fuq nett sad-Diju Balli u bħal-lum din it-triq mimlija residenti, l-istess kif inhi Triq Nofsinhar, Triq Merkanti u l-inħawi ta' Bieb il-Belt. "Anzi jiena l-ħolma tiegħi, u diġà tkellimt mal-Ministru għat-Turiżmu, hija li Evans Building issir lukanda ta' ħames stilel. Irrid ngħolli l-livell tan- naħa t'isfel tal-Belt. Għalfejn ir-residenti ta' dik in-naħa ma għandux ikollhom fejn jieħdu kafè jew imorru jieklu?" staqsa Zammit. "Anke l-valur tal- proprjetà tan-nies se jogħla." Kien hawn li s-Sindku l-ġdid stqarr b'ċertezza li r-residenti Beltin iridu Belt Kapitali ħajja kif inhi llum. "Importanti li ninfurzaw il-liġi biex ir-residenti ma jbatux," kompla jisħaq Zammit. "Nappella lis-sidien tar-ristoranti biex jaħdmu magħna u jikkoperaw magħna għax aħna rridu aktar ristoranti u aktar barijiet jiftħu fil- Belt Valletta." 'Irridu nifhmu li l-Belt Valletta hija l-Belt Kapitali' Insista li wieħed ma jista' qatt jinsa li l-Belt Valletta hija l-Belt Kapitali. "Irridu nifhmu li l-Belt Valletta hija l-Belt Kapitali. Dan mhux raħal żgħir u kwiet. Il-brand Valletta huwa kważi kważi aktar b'saħħtu mat-turisti mill- brand Malta. Belti vera ma jridx Belt mejta. Għandu jkun hemm rispett lejn ir-residenti iżda min jiġi jgħix il-Belt irid jifhem li din hija l-Belt Kapitali," saħaq is-Sindku. Fakkar ukoll li ħafna mir-ristoranti u l-istabbilimenti fil-Belt Valletta jimpjegaw residenti Beltin u għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, ir-residenti qed igawdu wkoll. 'Kien hemm Nazzjonalisti li vvutaw lili' Tkellimna wkoll dwar ir-rebħa storika tal-Partit Laburista fil-Belt Valletta. Zammit diġà qal li l-Beltin apprezzaw dak li wettaq Gvern Laburista fil-Belt Valletta, iżda l-eks Sindku Christian Micallef (ara paġna 3) insista li l-Partit Nazzjonalista tilef il-Belt Valletta għax in-Nazzjonalisti ma ħarġux jivvutaw. "Kien hemm Nazzjonalisti li vvutaw lili," saħaq Zammit. "Jista' jkun li s-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista affettwat, iżda l-Beltin raw id-differenza. Ma tistax tagħmel analiżi hekk. Jien naf Laburisti li ma vvutawx." Il-kandidati u l-kunsilliera Laburisti kienu kkritikati minn dawk Nazzjonalisti li bejniethom huma mifrudin. Dan vera? Jista' jaħdem il- Kunsill? 'Irrid nagħti l-appoġġ tiegħi, anke lill-Kunsilliera Nazzjonalisti' Alfred Zammit qal li filwaqt li dan kien wieħed mill-argumenti tul il-kampanja, insista li bejn il-kunsilliera kollha Laburisti hemm l-għaqda. Saħaq li kemm il-Viċi Sindku u anke l-kunsilliera Laburisti kollha, għalkemm fi kliemu kulħadd għandu l-karattru tiegħu, jinsabu warajh u mhu se jkollu l-ebda tfixkil mill-ebda kunsillier Laburist. "Nista' mmexxi bl-appoġġ tal- kunsilliera tagħna. Iżda jien irrid li jkun hemm is-sehem tal-kunsilliera Nazzjonalisti wkoll," saħaq Zammit. "Jiena rrid nagħti l-appoġġ tiegħi, anke lill-Kunsilliera Nazzjonalisti biex jaħdmu magħna." Fil-fatt huwa faħħar ix-xogħol li wettaq l-eks Sindku Alexiei Dingli u anke Christian Micallef, għax fi kliemu fl- aħħar xhur ipprova jwettaq l-impossibbli u insista li hu se jkompli jibni fuq it- tajjeb li sar. Mal-ILLUM wera wkoll ix-xewqa li jlaqqa' flimkien l-eks Sindki tal- Kapitali Hector Bruno, Paul Borg Olivier u Alexiei Dingli (Micallef għadu Kunsillier), għax fi kliemu, għandu bżonn l-għajnuna tagħhom ukoll. Berġa medika fil-Belt Valletta… prijorità għas-Sindku l-ġdid Mill-1 ta' Lulju Alfred Zammit se jkollu f 'idu dan il-Kunsill Lokali. X'se jkunu l-ewwel prijoritajiet u proġetti tiegħu? Zammit tenna li hu jrid jibni fuq il- ħafna tajjeb li sar, iżda jrid ukoll ibiddel ċertu affarijiet, fosthom dik li sejħilha bħala l-apatija tal-Beltin lejn il-Kunsill Lokali. Il-binja tal-Kunsill Lokali rridha tkun id-dar naturali tal-Beltin kollha. "Laburist jew Nazzjonalist se tiġi u se tħossok milqugħ. Se ngħinu lill-familji kollha," insista Zammit. L-ewwel proġett li Alfred Zammit jixtieq li jwettaq fil-Belt Valletta hija li ssir berġa medika fil-Belt Valletta. "Din se tkun prijorità. Diġà bdejt naħdem fuqha minkejja li uffiċjalment għadni ma sirtx Sindku," saħaq Zammit. "Il-Beltin ħassew ħafna n-nuqqas ta' Deo Debattista bħala tabib. Irrid berġa fejn ipoġġi tabib u għal affarijiet żgħar, il-Beltin ma jkollhomx għalfejn imorru l-Furjana." Mistoqsi fejn se tkun qed issir din il- berġa, Zammit qal li qiegħed iħares lejn parti fil-binja tal-Kunsill Lokali stess li tista' tidħol għalija minn Triq it-Teatru l-Antik. "Minn din il-berġa jistgħu jibbenefikaw ukoll it-turisti u anke l-Maltin li jkunu l-Belt u jkollhom bżonn jaraw tabib malajr," qal Zammit waqt li spjega li dwar dan diġà tkellem mal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne. 'Mhux se naċċetta li l-Kunsill Lokali Alfred Zammit magħruf l-aktar bħala preżentatur iżda issa wkoll is-Sindku tal-Belt Valletta. Fl-ewwel intervista tiegħu bħala Sindku, Alfred Zammit jisħaq mal-gazzetta ILLUM li l-uffiċċju tiegħu jixtieq li jkun Triq ir-Repubblika u Triq il-Merkanti fejn jiltaqa' man-nies, waqt li wera x-xewqa li jaħdem id f'id mal-Kunsilliera kollha, inkluż dawk Nazzjonalisti ycioffi@mediatoday.com.mt Yendrick Cioffi