Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1127410
H emm bosta li kienu u għadhom jilmentaw li kull elezzjoni qed tqarreb biex Malta jkollha partit wieħed u li dan hu ħażin immens għad-demokrazija. Demokrazija timplika għażla u possibbilità ta' alternanza, jiġifieri li partit jieħu flok ieħor is-setgħa. Jekk f 'Malta ser nispiċċaw b'elezzjoni li l-uniku eċitament fiha ser ikun b'kemm ser jirbaħ il-PL, id-demokrazija ser tieħu daqqa 'l isfel. Din l-analiżi tfixkel id-dettall mas-sustanza. Li effettivament ikollok partit wieħed f 'demokrazija hu ħażin. Dan madankollu hu dnub venjali. Jekk il-politika tirrifletti s-soċjetà li fiha sseħħ ukoll, li Malta qed nispiċċaw b'partit wieħed hi ħaġa naturali għax tirrifletti affarijiet li jeżistu fis-soċjetà Maltija tagħna. Il-qagħda politika li hawn bħalissa madakollu, fiha dnub mejjet. Dan imma, mhuwiex li l-Partit Nazzjonalista qed jgħib bil-minuti. Nibda billi nispjega għalfejn il-fatt li bħalissa hemm partit wieħed hu dnub venjali u hu naturali meta wieħed iqis kollox. Partit wieħed… dnub venjali Kulħadd kien jaf li l-PL ser jirbaħ u ser jirbaħ sew. Smajt bosta Nazzjonalisti, ġeneralment tal-klassi tan-nofs u b'ċertu livell ta' edukazzjoni formali, jgħidu li hu ħażin li partit jiggverna b'maġġoranza tant b'saħħitha u b'oppożizzjoni dgħajfa bħal dik li hawn bħalissa. Smajt bosta Laburisti, ġeneralment tal-klassi tan-nofs ukoll, li jaqblu magħhom. Ma naf bl-ebda Laburist imma, li ddeċieda li jivvota PN jew li ma jivvutax biex id-distakk bejn iż-żewġ partiti ma jkunx kbir, u l-Gvern ma jkollux maġġoranza tant kbira u l-oppożizzjoni ma tkunx wisq dgħajfa. Ċert ukoll li jekk is-sitwazzjoni tkun bil-kontra (il-PN jaf li ser jirbaħ bil-kbir) l-ebda Nazzjonalist minn dawk li qed jilmentaw illum ma jivvota Labour. Mela bejn il-lealtà lejn il-partit 'tagħhom' u l-biża' li partit 'tagħhom' ikun setgħani żżejjed, bosta Maltin – inkluż dawk li jilmentaw li dan mhux tajjeb f 'demokrazija - jagħżlu tal- ewwel. Hu naturali għalhekk li r-riżultat ta' elezzjoni jirrifletti din il-fasla tal-moħħ tagħna. Li ser nispiċċaw b'partit wieħed hu dnub venjali wkoll għax jekk, kif inhu l-każ bħalissa, għandek żewġ partiti li jħaddnu fundamentalment l-istess ideoloġija, jaduraw l-istess baqar sagri (ngħidu aħna dik tas-suq ħieles), u jaqdu l-istess interessi, il-loġika tgħidlek li partit minnhom hu żejjed. Biex nagħmlu paragun, jekk għandek triq fejn in-nies huma kollha Kattoliċi u ġa hemm Knisja waħda għalihom kollha, ma jagħmilx sens tiftaħ maqdes Kattoliku ieħor fl-istess triq. Il-Partit Laburista tal-lum jemmen fid-dommi tas-suq aktar mill- PN li daħħalhom ftit snin ilu, kapaċi jaqdi lil dawk li jgawdu minn dawn id-dommi (u li tradizzjonalment kienu mal- PN) aktar min-Nazzjonalisti (anke għax għandu anqas skrupli), jikkontrolla effettivmanet l-akbar xirka tal- ħaddiema (vantaġġ fuq il-PN) li jfisser nuqqas ta' 'inkwiet industrijali', u għandu f 'idejh il-magna tal-istat u b'hekk jista' jqassam iċ-ċejċiet. Hi ovvja għalhekk, li sakemm ma jinbildx mill-qiegħ il-PN hu żejjed f 'dan ix-xenarju. Anzi, meta tqis kollox, tiskanta kif ġab il-voti li ġab! L-uniku punt validu ta' dawn li xebgħu jeqirdu fuq it-theddida ta' partit wieħed hu li bi gvern b'saħħtu bħalma għandna issa, faċli li l-poter jitila' għal moħħ min qed imexxi, u dan jibda jaħseb li jista' jagħmel li jrid. Madankollu, anke hawn il-marda vera hi oħra. Kieku f 'partit, b'saħħtu kemm hu b'saħħtu, teżisti kritika interna; il-kultura li wieħed ma jaqbilx u jistqarr pubblikament dan, anke jekk qiegħed fuq l-istess dgħajsa; dan il-periklu ma jkunx kbir. Malta dan kollu ma nafux x'inhu, la fil-partit u lanqas imkien. Tikkritika u ttellef ma nafux li huma differenti. Id-dnub mejjet Minkejja li kif għidt fis- sezzjoni l-oħra il-fatt li Malta spiċċajna effettivament b'partit wieħed hu dnub venjali, ma jfissirx li d-demokrazija f 'Malta qiegħda f 'qagħda tajba. Li f 'termini demokratiċi m'hawnx dnubiet mejta. Id-dnub mejjet madankollu ilu hemm, imma bosta minn dawk li qed ixerrdu l-ilma minn għajnehom issa donnhom qatt ma taw kasu. Id-dnub mejjet hu xi ħaġa li kont tkellimt dwarha f 'artiklu fi ktieb ta' ftit snin ilu (Jottings and Reflections). Id-dnub mhux li hawn partit wieħed, imma li hawn ħsieb wieħed f 'dak li għandu x'jaqsam mal-mod li bih il-pajjiż għandu jimxi u d-demokrazija titħaddem. F'demokrazija jagħmel sens ikollok aktar minn partit wieħed jekk dawn jirrappreżentaw ideoloġiji, ħsibijiet u, inżid ukoll, interessi differenti. B'ideoloġija hawn qed nifhem mhux ħolm u ideat astratti, imma stampa ta' kif ser jimxi l-pajjiż; stampa li ser taqdi lil uħud u xxekkel lil oħrajn. Jekk ikollok mitt partit u l-ebda wieħed minnhom mhu dominant bħall-PL tal-lum, imma fuq dawn l-aspetti fundamentali huma l-istess… allura għandek għażla farsa, għax xorta għandek ħsieb wieħed biss. Biex nieħu l-eżempju ta' qabel, qisu ngħidlek għandek għażla x'fidi tħaddan, imma fil-fatt tista' tkun biss membru f 'reliġjon waħda. Anzi, f 'sitwazzjoni bħal din li għandek aktar minn partit wieħed 'minn fejn tagħżel' imma, tagħżel x'tagħżel ir- rotta hi fundamentalment l-istess, hi qerq biex talludi lill- votanti li hawn demokrazija. Partit wieħed hu riflessjoni aktar sinċiera. Issa din il-qagħda ilha f 'pajjiżna snin, u bosta minn dawk qalbhom perżuta għad-demokrazija ma tantx kienet u għadha turtahom. Jinterssawhom li jkollna ħafna koki imma mhux riċetti differenti minn fejn nagħżlu. L-unika tama f 'dan kollu? Meta tqis in-numru ta' nies li ma vvutawx, donnhom in- nies skomdi b'din il-qagħda qed jikber. Il-biża'… li jistgħu jispiċċaw miblugħa mil-Lemin estrem li joffri duwa li fil- verità ssostni l-marda flok tiġġildilha. Michael Grech huwa lettur u opinjonista Riflessjoni fuq aspett tal-elezzjoni Jekk f 'Malta ser nispiċċaw b'elezzjoni li l-uniku eċitament ha ser ikun b'kemm ser jirbaħ il-PL, id- demokrazija ser tieħu daqqa 'l isfel illum | Il-Ħadd 9 ta' Ġunju 2019 18 Opinjoni MICHAEL GRECH