Illum previous editions

ILLUM 9 June 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1127410

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

illum | Il-Ħadd 9 ta' Ġunju 2019 Rakkont 20 N eżgħet il-fardal lewn aħdar, dendlitu mal- granpun fil- kċina mdaqqsa tal-bar fejn kienet taħdem, ħatfet il-basket minn fuq it- tavolin tal-ġenb u resqet lejn il-bieb li kien jagħti għal ġol bar. "Ċaw għalikom," qaltilhom bi tbissima liema bħalha, hekk kif baqgħet sejra lejn il-bieb ta' barra, tgħaddi b'kunfidenza bejn l-imwejjed u s-siġġijiet tal-lokal. "Narawk għada!" qalilha Jake, itaptpilha fuq daharha b'id waħda u bl-oħra jżomm it-trej b'xi bibiti għall-klijenti. Għal mument, riedet tieqaf tgħidilhom xi ħaġa biex tinkihom, għaliex illum kienet spiċċat xi sagħtejn qabel is-soltu. U kien beħsiebha tistrieħ xi ftit. It-tliet ħaddiema l-oħra li kienu mehdijin fuq xogħolhom u l-klijenti li ta' spiss kienu jiffrekwentaw il-post, sellmulha kollha kemm huma. Kienet ilha ħames snin taħdem hemm. U dejjem kienet għal qalbha. Ma kellha xejn fuq xiex tgerger. Kienet tfajla ħabrieka, tmidd idejha għalkollox u kienet tieħu gost tiltaqa' man-nies. Hekk kif il-bieb ta' barra nagħlaq warajha, il-mużika rock ta' ġol-bar inbidlet mal- ħsejjes tal-karozzi u ħornijiet f 'din it-triq prinċipali, fejn ħlief blokok kbar ta' konkrit, tabelli tat-toroq u żebgħa tat-traffiku mal-art, ma kontx tara. Kważi bil-ġirja, waslet ħdejn il-karozza pparkjata sew u erħitilha lejn id-dar. Kellha seba' mitt sena sakemm timla l-banju bil- misħun u toqgħod ftit rilassata hemm, isserraħ saqajha minn sigħat twal ta' waqfien kontinwu fil-ħanut. U ma damitx ma waslet. Għaddiet fil-ħanut tal- merċa, xtrat xi affarijiet bżonjużi għall-ikla li kienet beħsiebha tagħmel filgħaxija, daħħlet iċ-ċavetta fil-bieb tal-appartament u eżatt malli semgħet il-bieb ta' barra jingħalaq warajha, serrħet daharha miegħu, ħalliet għajnejha jingħalqu u ħadet nifs twil. Kultant. Kultant il-ħajja kienet tħossha tgħejjiha. Kultant kien ikollha bżonn dak il-ħin waħedha. Ħin fejn issib lura ruħha. Ħin fejn terġa' tifhem hi min verament kienet. Kemm kienet saret mgħaġġla l-ħajja! Ċans ta' xejn! Fetħet għajnejha u ħalliet għajnejha jaqgħu fuq ir-ritratt tas-soltu. Ir-ritratt li kien jerġa' jiftħilha l-feriti tal-passat. Ommha, missierha u hi, xi ftit snin ilu. It-tlieta li huma, meta kienu għadhom imsefrin 'il bogħod. Meta kienet għadha qiegħda titrabba. Meta kienet għadha... ferħana? Għalkemm fil-ħajja kienet semgħet ħafna nies li kienu jiġu fil-bar jiftħu qalbhom magħha u jgħidulha bil- problemi tagħhom... għalkemm kienet semgħet ħafna l-kelma; ommi mejta, missieri mejjet, qatt ma kienet immaġinat. Qatt ma kienet immaġinat dak id-dulur li wieħed jgħaddi minnu meta jitlef wieħed mill-ġenituri. L-ewwel kienet mardet ommha. Kienet ratha tirqaq kuljum. Ratha titlef il-lewn. Ratha titħottob. Ratha tieħu l-aħħar nifs, hekk kif kienet qiegħda żżommilha idha. L-uġigħ li kienet ħasset mal- firda ta' dakinhar ma kien xejn għal fejn dak li kienet tħoss aktar ma' kull ġurnata li kienet qiegħda tgħaddi. Missierha kien inbaram ftit warajha. Kienu għadhom żgħar. Ma kinitx gawdiethom kemm suppost. U għal frazzjon ta' mument, setgħet kważi terġa' tisma' leħinhom, hekk kif kienet għadha qiegħda tiflihom fuq ir-ritratt. X'vojt. X'vojt kienu ħallew warajhom. Vojt li qatt ma setgħet timlih b'xejn. U b'ħadd. Ħadd. Qatt ma kienet sabet lil ħadd iħobbha daqs kemm kienu jħobbuha huma. Imbagħad daħlet fil-kċina, waddbet il-basket lejn is-sufan u billi kien għadu d-dawl, iddeċidiet li ma tixgħelx. Kien hemm biżżejjed dawl dieħel mill-purtieri arjużi tal- appartament. Mesħet demgħa li kienet niżlet ma' ħaddejha u kienet sejra lejn il-kamra tal-banju. Imbagħad waqfet zopptu. Clyde? Clyde! Kienet insiet iċċempillu! Kien qalilha biex iċċempillu eżatt kif tkun telqet mix- xogħol ħalli jiġi jaraha ftit. Minħabba x-xiftijiet fis- sigħat ta' xogħol li ma kinux jikkorispondu mal-ħinijiet li kien ikun dispost hu, ma tantx kienu jiltaqgħu. Marret tħaffef lejn il-basket, iddaħħal idha u tgħawwar ġo fih, mingħajr ma tħares, sabiex tħoss il-mowbajl b'idha. Ma sabitux fil-parti fejn dejjem kienet tagħmlu. Reġgħet bdiet tfittex. U tfittex, qalb xi karti ħżiena, ċwievet u aċċessorji oħra speċifikament tan-nisa, li ma kinitx toħroġ mingħajrhom. Il-mowbajl ma kienx hemm! "Issa sew!" qalet b'leħen għoli, li kważi ħasadha. Fejn kien il-mobajl? Bdiet tgerger minn taħt l-ilsien, resqet lejn it-telefon li kien hemm imdendel mal- ħajt u bdiet tiddajlja n-numru tagħha stess. Issa sew! Kienet insietu xi mkien warajha żgur! U ħaġa tal-iskantament, kienet tħossha vera ħażin mingħajru! Kif saret il-ħajja hux! U bdiet tisimgħu jdoqq fuq il-linja. Idoqq u jdoqq. Għal mument, ittamat li kienet ħallietu x-xogħol warajha u jkellimha xi ħadd mill-kollegi tagħha. Ħażin jekk waqgħalha xi mkien u sabu xi ħadd! U semgħet lil xi ħadd jaqbdu. "Ħellow!" qalet, tħossha aġitata. "Ħellow? Ħellow?" Nifsijiet. Ma semgħetx leħen ikellimha. "Ħellow?" reġgħet qalet, aktar aġitata minn qabel. "Kellimni! Min inti? Dan il-mowbajl tiegħi!" Tgħid tax-xogħol riedu jagħmlulha ċajta? "Jake inti?" reġgħet qalet. Il-linja nqatgħet. Ħasset ir-rabja tielgħa għal rasha. Xi ħadd kien qabdu! Xi ħadd kien qabdu u ma kellimhiex! U reġgħet ċemplet in-numru tal-mobajl tagħha, din id- darba tieħu nifsijiet qosra u ġo xulxin, tħoss l-għaraq jifforma mal-pali ta' jdejha. Allaħares kien sabu xi ħadd li ma kienx ser jirritornahulha! Kemm kellha ritratti! Kemm kellha! U semgħetu jerġa' jdoqq. U xi ħadd reġa' qabdu. Semgħet in-nifsijiet. In-nifsijiet fil-linja tat-telefon. "Ħellow? Kellimni? Isma' dan il-mowbajl tiegħi ta. Int min inti?" staqsiet. Ma kinitx taf min kien. Nifsijiet. Nifsijiet biss. U kienet ċerta li kienet qiegħda tismagħhom. "Naf li qed tismagħni!" U l-linja nqatgħet. Dak ix-xi ħadd kien reġa' ma kellimhiex! Donnha waħda li kienet telqet minn moħħha, qabdet iċ-ċwievet tal-appartament, ħarġet tiġri 'l barra u telqet lejn ix-xogħol malajr kemm setgħet! U malli waslet, daħlet tiġri fil-bar qisha waħda li kienet ħalliet rasha warajha! "Xi ġralek?" staqsietha Tim, kollega tagħha. Għal mument, kull min kien fil-ħanut, waqaf jiċċassa jħares lejha. "Min minnkom sab il- mowbajl tiegħi?" staqsiethom kollha kemm huma. Jake baxxa l-volum tal- mużika tal-bar u baqgħu hemm iħarsu lejha. Għal mument infaqgħet tidħaq għax immaġinat li kienet ċajta. "Ħadd ma sab xejn," weġbuha. Kienet ser tgerger. U kienet ser terġa' tidħaq. Ma ridithomx ibellgħulha xi waħda minn tagħhom. Imma kienu kollha serji. U telqet. Mingħajr ma qaltilhom xejn aktar. Marret riħ lejn il-ħanut tal- merċa u staqsiet lil tal-ħanut jekk kinux raw xi mowbajl mal-art. "Xejn..." weġbitha tal-ħanut. Bid-dmugħ f 'għajnejha, marret lura lejn l-appartament, taħseb kemm it-teknoloġija kienet saret importanti fil-ħajja tal-lum. Daħlet fl-appartament, ftakret fi Clyde u ddeċidiet li ma tantx kellha aptit tarah. Marret imliet il-banju bl-ilma u baqgħet hemm thewden fejn seta' kien il-mowbajl tagħha. Reġgħet ċemplet fuqu xi għoxrin darba oħra. Iżda dawn id-drabi, ħadd ma qabdu. Libset il-paġama, marret lejn kamritha, xegħlet id-dawl ta' kamritha u resqet lejn is-sodda. Qalbha għamlet tikk. Il-mowbajl. Il-mowbajl kien fuq il- komodina! Kienet insietu warajha hemm. Ma kinitx ħaditu magħha x-xogħol! Bdiet tidħaq waħedha. Imbagħad waqfet zopptu. B'idha tirtogħod, għollietu minn fuq il-komodina u ħarset lejh. Kien qiegħed silenzjuż. Hekk kienet tħobb tħallih billejl. Mela allura... min kien dak li kien qabdu? Min kien dak li qagħad jieħu n-nifsijiet? Sharon Calleja Il-mowbajl

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 9 June 2019